Navigation path

Left navigation

Additional tools

Satelliti u lanċaturi ġodda jiżguraw il-bidu ta' Galileo fl-2014

European Commission - IP/12/95   02/02/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Satelliti u lanċaturi ġodda jiżguraw il-bidu ta' Galileo fl-2014

Brussell, it-2 ta' Frar 2012 – Bil-firma ta' kuntratti ulterjuri llum f'Londra għal satelliti u lanċaturi, Galileo jinsab fi triqtu lejn il-forniment ta' servizzi ta' navigazzjoni satellitari aħjar għaċ-ċittadini fl-2014. B'kollox ġew iffirmati 3 kuntratti: il-kuntratt iffirmat ma' OHB System AG (DE) li jinkludi 8 satelliti għal ammont ta' €250 miljun. Ġie ffirmat ukoll tieni kuntratt ma' Arianespace (FR) għal opzjoni ta' prenotazzjoni ta' sa 3 lanċamenti bl-użu ta' Ariane 5 (ħlas ta' prenotazzjoni ta' €30 miljun). It-tielet kuntratt iffirmat kien ma' Astrium SAS (FR) biex jippermetti lil-lanċatur Ariane 5 attwali jġorr 4 satelliti tal-programm Galileo għal kull lanċament fl-orbita, għal ammont ta' € 30 miljun. Is-satelliti Galileo bħalissa qed jiġu llanċjati tnejn tnejn fuq ir-rocket Russu Soyuz. Grazzi għall-proposta kompetittiva sew tal-kuntrattur u għaż-żieda fl-għadd ta' satelliti li se jiġu llanċjati fl-orbita sal-2014, il-Kummissjoni rnexxielha tħaffef il-proċess.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani, responsabbli għall-industrija u l-intraprenditorjat, qal: "Għal Galileo, il-firma tal-lum tfisser li t-tnedija konkreta tal-programm hija fil-ħin u qed tirrispetta l-baġit. Jiena kburi li rnexxielna nħaffu l-konsenja tas-satelliti u tal-lanċaturi. Dan ifisser li l-Ewropej se jkunu jistgħu jisfruttaw l-opportunitajiet ta' navigazzjoni satellitari msaħħa pprovduti minn Galileo fl-2014. Jiena kburi wkoll li nara li l-Ewropa għandha industrija spazjali kompetittiva sew u li hi kapaċi tirrealizza programm ambizzjuż ta' teknoloġija avvanzata."

Aktar tagħrif dwar Galileo:

http://ec.europa.eu/enterprise/policies/satnav/galileo/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/11/717   - Galileo will boost economy and make life of citizens easier

Is-Sistema tan-Navigazzjoni Galileo

Galileo se jippermetti lill-utenti jkunu jafu l-pożizzjoni eżatta tagħhom kemm temporali kif ukoll spazjali, eżatt bħall-GPS, iżda b'iżjed preċiżjoni u affidabbiltà. Galileo se jkun taħt il-kontroll ċivili Ewropew. Huwa se jkun kompatibbli u, għal uħud mis-servizzi tiegħu, se jkun interoperabbli mal-GPS Amerikan u mal-Glonass (tar-Russja), iżda indipendenti minnhom.

Galileo se jirfed bosta setturi tal-ekonomija Ewropea permezz tas-servizzi tiegħu: in-netwerks tal-enerġija elettrika, il-kumpaniji ta' ġestjoni ta' flotot, it-tranżazzjonijiet finanzjarji, l-industrija tat-trasport bil-baħar, l-operazzjonijiet ta' salvataġġ, il-missjonijiet ta' żamma tal-paċi, kollha se jibbenefikaw mis-servizzi b'xejn ta' Galileo.

It-8 satelliti ordnati llum se jingħaqdu mat-18-il satellita diġà kkuntrattati, li minnhom 2 ilhom diġà fl-orbita mill-21 ta' Ottubru 2011, li jtella' l-għadd ta' satelliti sa tmiem l-2015 għal 26. It-tieni lanċament ta' 2 satelliti Galileo oħra se jsir iktar tard din is-sena.

Il-programm Galileo ġie strutturat f'żewġ fażijiet:

  • Il-fażi ta' validazzjoni fl-orbita (IOV) tikkonsisti minn testijiet u t-tħaddim ta' erba' satelliti u tal-infrastruttura fl-art relatata magħhom. Din il-fażi ninsabu fiha bħalissa.

  • Il-fażi ta' kapaċità operattiva sħiħa (FOC) tipprevedi r-realizzazzjoni tal-bqija tal-infrastruttura fl-art u fl-ispazju. Din tinkludi kapaċità operattiva inizjali ta' 18-il satellita operattiva. Is-sistema sħiħa se tkun tikkonsisti fi 30 satellita fl-orbita, kif ukoll 2 satelliti fl-art biex jieħdu post dawk fl-orbita jekk ikun hemm bżonn, u jinkludu ċentri ta' kontroll fl-Ewropa u netwerk ta' stazzjonijiet installati madwar id-dinja li jirċievu jew jibagħtu s-sinjal minn u lejn is-satelliti.

Sfond tal-akkwist tal-komponenti Galileo

Il-kuntratti tal-lum ġew iffirmati mill-Aġenzija Spazjali Ewropea f'isem il-Kummissjoni Ewropea.

L-akkwist tas-servizzi essenzjali għall-kapaċità operattiva sħiħa ta' Galileo tinqasam f'sitt kuntratti. F'Jannar 2010, ingħataw tliet kuntratti biex jiġu żgurati l-appoġġ għall-inġinerija tas-sistema, is-satelliti u l-lanċaturi (IP/10/7). Ir-raba' kuntratt ġie ffirmat fi Brussell f'Ottubru 2010 ma' SpaceOpal għat-tħaddim tal-infrastruttura spazjali u dik fl-art (IP/10/1382). F'Ġunju 2011 (IP/11/772) l-aħħar żewġ kuntratti li kien fadal ġew iffirmati ma' ThalesAlenia (FR) għall-infrastruttura għall-missjoni fl-art u ma' Astrium (UK) għall-infrastruttura għall-kontroll fl-art.

Il-proċess ingħata bidu f'Lulju 2008 mill-Aġenzija Spazjali Ewropea b'delega mill-Kummissjoni Ewropea. Kumpaniji li għaddew għall-fażi finali ġew mistiedna jibagħtu l-aqwa offerti finali wara fażi ta' djalogu komprensiv. Il-kuntratti kollha ngħataw fuq il-bażi tal-"aqwa valur għall-flus".

Is-Satelliti

Kuntratt qafas iffirmat kemm ma' OHB System AG kif ukoll ma' EADS-Astrium GmBH validu mill-2010 sal-2016 ikopri l-forniment ta' sa 32 satellita. Kuntratt speċifiku għall-ewwel ordni ta' 14-il satellita ngħata lil OHB fl-2010, bil-forniment tal-ewwel satellita jkun fl-2012. Minn hemm 'il quddiem hija mistennija li tiġi pprovduta satellita kull xahar u nofs, bl-aħħar waħda skedata li tasal fl-2014.

Servizzi ta’ lanċament

Fl-2010 ngħata kuntratt lil Arianespace għal-lanċament ta' ħames lanċaturi Soyuz minn Kourou, il-Gujana Franċiża, b'kull wieħed minnhom jieħu żewġ satelliti miegħu. Il-kuntratt fih ukoll opzjonijiet għal lanċamenti Soyuz (li jġorru żewġ satelliti) u lanċamenti Ariane 5 (li jġorru erba' satelliti) addizzjonali.

Il-kuntratt tal-lum ma' Astrium SAS (FR) jakkwista l-adattament tekniku tal-lanċatur Ariane 5 tipiku għall-bżonnijiet speċifiċi tas-satelliti Galileo. L-adattament jintroduċi l-possibilità ta' 4 satelliti ma' kull lanċament, li b'hekk iħaffef ir-realizzazzjoni tal-kostellazzjoni.

Kuntatti :

Carlo Corazza +32 22 95 17 52

Sara Tironi +32 22 99 04 03


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website