Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

It-Tkabbir Blu: Il-Kummissjoni tippreżenta possibilitajiet ta' tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

Commission Européenne - IP/12/955   13/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta’ Settembru 2012

It-Tkabbir Blu: Il-Kummissjoni tippreżenta possibilitajiet ta' tkabbir sostenibbli fis-settur tal-baħar u dak marittimu

Sabiex toħroġ mill-kriżi, l-Ewropa teħtieġ il-kontribut tas-setturi kollha tal-ekonomija tagħha. F'Komunikazzjoni dwar "It-Tkabbir Blu", li qed tiġi adottata llum, il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta indikazzjonijiet promettenti fir-rigward tal-possibilitajiet ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi fl-ekonomija tal-baħar u marittima li għandhom jgħinu lill-Ewropa tirkupra ekonomikament. Dawn is-setturi ekonomiċi jipprovdu impjiegi lil 5.4 miljun persuna u jirrappreżentaw valur gross totali miżjud ta' madwar EUR 500 biljun. Sal-2020, dawn għandhom jiżdiedu għal 7 miljun persuna u għal kważi EUR 600 biljun rispettivament. Sabiex dan il-potenzjal jissarraf f'realtà, il-Kummissjoni tistabbilixxi li jridu jitneħħew l-ostakli li qed ixekklu t-tkabbir u jeħtieġ li jiġu implimentati soluzzjonijiet intelliġenti li jixprunaw dawn is-setturi l-ġodda. Billi tippromwovi r-riċerka u l-innovazzjoni marbuta mal-baħar, tappoġġa SMEs innovattivi, tindirizza l-ħiliet meħtieġa u tħeġġeġ prodotti u soluzzjonijiet innovattivi, l-Ewropa tista' tillibera l-potenzjal mhux sfruttat għat-tkabbir fl-ekonomija blu tagħha filwaqt li tħares il-bijodiversità u tipproteġi l-ambjent. Is-setturi tradizzjonali bħat-trasport marittimu u t-turiżmu marittimu u kostali se jżidu l-kompetittività tagħhom. Is-setturi li għadhom qed jikbru u dawk emerġenti, bħall-enerġija rinnovabbli mill-oċeani u l-bijoteknoloġija blu jistgħu jsiru fundamentali għall-ħolqien ta' aktar impjiegi, għal enerġija aktar nadifa, u biex ikun hemm aktar prodotti u servizzi.

Il-Komunikazzjoni tal-lum tniedi proċess li se jassigura l-post tal-ekonomija blu fl-aġenda tal-Istati Membri, tar-reġjuni, tal-impriżi u s-soċjetà ċivili. Tiddeskrivi kif l-Istati Membri u l-politiki tal-UE diġà qed jappoġġaw l-ekonomija blu. Tissokta bl-identifikazzjoni ta' ħames oqsma speċifiċi li għandhom potenzjal partikolari għat-tkabbir fejn azzjoni mmirata tkun tista' tipprovdi stimolu addizzjonali: i) it-turiżmu marittimu, kostali u dak tal-kruċieri, ii) l-enerġija Blu, iii) ir-riżorsi minerali tal-baħar, iv) l-akkwakultura u v) il-bijoteknoloġija blu.

Fil-futur qarib se jintnieda sett ta' inizjattivi tal-Kummissjoni bil-għan li jesploraw u jiżviluppaw il-potenzjal għat-tkabbir f'dawn l-oqsma; fost dawn l-inizjattivi hemm Komunikazzjonijiet dwar it-turiżmu kostali u marittimu, l-enerġija mill-oċeani, il-bijoteknoloġija blu u l-estrazzjoni tal-minerali tal-baħar, flimkien ma' linji gwida strateġiċi dwar l-akkwakultura. L-inizjattivi kollha se jittieħdu f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-partijiet interessati kkonċernati.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "Sabiex ngħaddu minn dan il-perjodu diffiċli, neħtieġu lil kull qasam tal-ekonomija Ewropea. L-"ekonomija blu" tippreżenta opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli tal-ekonomija fis-settur tal-baħar u dak marittimu kemm stabbiliti kif ukoll emerġenti. L-innovazzjoni, l-ispirtu ta' intrapriża kif ukoll id-dinamiżmu jikkaratterizzaw dawn is-setturi tal-ekonomija Ewropea. L-idea tat-Tkabbir Blu hija dik li kulħadd - mill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri sar-reġjuni u l-SMEs - jaħdem sabiex jiżgura li jingħelbu l-isfidi eżistenti b'mod li jiġi garantit l-aktar użu produttiv u sostenibbli ta' dak li joffru l-ibħra u l-kosti tagħna."

Kuntest

It-tkabbir blu huwa l-kontribut tal-Politika Marittima Integrata tal-UE għall-ksib tal-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

Abbażi tal-Istudju dwar it-Tkabbir Blu, il-Kummissjoni bniet stampa komprensiva tad-dimensjoni ekonomika tas-settur marittimu u dak tal-baħar fl-Ewropa, inkluż f'termini ta' impjiegi, u analizzat ukoll, b'mod realistiku, id-direzzjoni li dawn is-setturi jistgħu jieħdu fis-snin li ġejjin u wkoll fejn hemm potenzjal partikolari għall-innovazzjoni u impjiegi ġodda.

Skont dan l-istudju, it-turiżmu kostali u marittimu huwa l-akbar settur marittimu f'termini ta' valur gross miżjud u ta' impjiegi u huwa mistenni li sal-2020 dan jikber bi 2 sa 3 %, filwaqt li t-turiżmu tal-kruċieri huwa mistenni li sal-2020 joħloq 100,000 impjieg ġdid meta mqabbel mal-2010. Hekk kif il-kapaċità installata ta' enerġija mill-oċeani madwar id-dinja hija mistennija li fil-futur qarib tibda tirdoppja kull sena, it-tnaqqis fl-ispejjeż marbuta mat-teknoloġija użata se jiffavorixxi l-kummerċjalizzazzjoni tat-teknoloġiji tal-mewġ u tal-marea. Skont ċerti stimi, id-dħul annwali globali tal-estrazzjoni tal-minerali tal-baħar huwa mistenni li minn prattikament xejn jiżdied għal €5 biljun fl-10 snin li ġejjin u sa €10 biljun sal-2030. L-akkwakultura tal-UE tista' tikkontribwixxi għal dieta tajba jekk ir-rata ta' tkabbir tkun taqbel mar-rata barra mill-UE. Fl-għaxar snin li ġejjin, bejn wieħed u ieħor, is-settur tal-bijoteknoloġija blu għandu jsir il-fornitur tas-swieq ta' prodotti tal-massa, inkluż kożmetiċi, prodotti tal-ikel, farmaċewtiċi, kimiċi u bijofjuwils.

Il-komunikazzjoni dwar it-Tkabbir Blu se tkun waħda mill-kwistjonijiet prinċipali diskussa matul il-Konferenza Ministerjali ta' Ċipru dwar il-Politika Marittima Integrata li se sseħħ f'Limassol, fit-8 ta' Ottubru 2012.

Ir-rapport ta' progress dwar il-PMI

F'rapport separat adottat illum mill-Kummissjoni, din tqis il-progress fl-implimentazzjoni tal-Politika Marittima Integrata tal-2007 u telenka l-inizjattivi kollha tal-Kummissjoni li ttieħdu bħala appoġġ għat-tkabbir marittimu sostenibbli. Sa mill-ħolqien tagħha, il-Politika Marittima Integrata fittxet li ttejjeb l-iżvilupp sostenibbli tal-ekonomija marittima Ewropea billi ffaċilitat il-kooperazzjoni tal-atturi marittimi kollha fid-diversi setturi u lil hinn mill-fruntieri. Ara wkoll: http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/news/press_releases/items/20120913_en.htm

Għal aktar tagħrif:

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site