Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi setgħat ġodda għall-BĊE għas-superviżjoni bankarja bħala parti minn unjoni bankarja

Commission Européenne - IP/12/953   12/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Strasburgu, it-12 ta’ Settembru 2012

Il-Kummissjoni tipproponi setgħat ġodda għall-BĊE għas-superviżjoni bankarja bħala parti minn unjoni bankarja

Il-proposti mressqa llum għal mekkaniżmu superviżorju uniku (MSS) għall-banek fiż-żona tal-euro huma pass importanti għat-tisħiħ tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Fil-mekkaniżmu uniku ġdid, ir-responsabbiltà aħħarija tal-kompiti superviżorji speċifiċi relatati mal-istabbiltà finanzjarja tal-banek kollha taż-żona tal-euro se tkun tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). Is-superviżuri nazzjonali xorta se jibqa' jkollhom irwol importanti fis-superviżjoni ta' kuljum u fit-tħejjija u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BĊE. Illum, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) tiżviluppa Manwal dwar is-Superviżjoni Unika biex tiġi ppreservata l-integrità tas-suq uniku u biex tiġi żgurata l-koerenza fis-superviżjoni bankarja tas-27 pajjiż tal-UE.

Il-Kummissjoni qed tistieden lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex sal-aħħar tal-2012 jadottaw ir-regolamenti li ġew proposti llum, flimkien ma' tliet testi oħra li jagħmlu parti minn "unjoni bankarja" integrata – il-ġabra unika ta' regoli li tikkonċerna r-rekwiżiti ta' kapital (ara IP/11/915), l-iskemi armonizzati ta' protezzjoni għad-depożiti fil-bank (ara IP/10/918), u l-qafas uniku Ewropew ta' rkupru u riżoluzzjoni tal-banek (ara IP/12/570).

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea José Manuel Barroso qal: "Illum, il-Kummissjoni ressqet proposti għal mekkaniżmu superviżorju uniku Ewropew, li huwa pass kbir għall-unjoni bankarja. Din is-sistema l-ġdida, bil-Bank Ċentrali Ewropew fil-qalba tagħha u li tinvolvi s-superviżuri nazzjonali, se terġa' trodd lura l-fiduċja fis-superviżjoni tal-banek kollha fiż-żona tal-euro. Il-Parlament Ewropew se jkollu rwol kruċjali biex jiżgura li jkun hemm superviżjoni demokratika. Għandna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex dan is-superviżur Ewropew jidħol fis-seħħ fil-bidu tas-sena d-dieħla. Dan iservi wkoll biex iwitti t-triq għal kwalunkwe deċiżjoni li tuża s-salvagwardji Ewropej għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek." Il-President żied jgħid: "Irridu nkissru r-rabta vizzjuża li hemm bejn il-gvernijiet u l-banek tagħhom. Fil-futur, it-telf li jġarrbu l-banek ma għandux isir dejn għan-nies, u b'hekk jipperikola l-istabbilità finanzjarja tal-pajjiżi kollha."

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Michel Barnier qal: "Jeħtieġ li s-superviżjoni bankarja ssir aktar effettiva fil-pajjiżi Ewropej kollha sabiex jiġi żgurat li r-regoli tas-suq uniku jiġu applikati b'mod konsistenti. L-irwol tal-BĊE se jkun li jiżgura li l-banek fiż-żona tal-euro jużaw biss prattiki finanzjarji sodi. L-għan prinċipali tagħna huwa li niefqu nużaw il-flus tal-kontribwenti biex insalvaw il-banek". Żied jgħid: "Ipproponejna mekkaniżmu li jifred is-superviżjoni mill-politika monetarja fi ħdan il-BĊE, u li permezz tiegħu l-BĊE se jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew għad-deċiżjonijiet superviżorji".

Il-pakkett ta' proposti tal-lum jinkludi:

  • Regolament li jagħti setgħat kbar lill-BĊE għas-superviżjoni tal-banek kollha fiż-żona tal-euro, b'mekkaniżmu li jippermetti lill-pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro li jissieħbu b'mod volontarju;

  • Regolament li jarmonizza r-regolament eżistenti dwar l-ABE mal-istruttura l-ġdida għas-superviżjoni bankarja sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-ABE jibqa' bbilanċjat u li l-ABE tibqa' tippreserva l-integrità tas-suq uniku;

  • Komunikazzjoni li tippreżenta viżjoni ġenerali tal-Kummissjoni għall-unjoni bankarja, li tinkludi l-ġabra unika ta' regoli u l-mekkaniżmu superviżorju uniku, kif ukoll il-passi li jmiss li jinvolvu mekkaniżmu uniku ta' riżoluzzjoni bankarja.

Inkarigi superviżorji speċifiċi fiż-żona tal-euro se jiġu trasferiti fuq livell Ewropew, b'mod partikolari dawk li huma fundamentali biex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u biex jiġu individwati r-riskji ta' vijabilità tal-banek. Il-BĊE se jkun responsabbli għal inkarigi bħall-awtorizzazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu; il-konformità mar-rekwiżiti ta' kapital, ta' ingranaġġ finanzjarju u ta' likwidità; u t-twettiq ta' superviżjoni tal-konglomerati finanzjarji. Il-BĊE se jkun jista' jwettaq miżuri ta' intervent bikri meta bank jikser jew ikun qiegħed fir-riskju li jikser ir-rekwiżiti kapitali regolatorji billi jitlob lill-banek jieħdu azzjoni ta' rimedju.

Il-BĊE se jikkoopera mal-ABE fi ħdan il-qafas tas-sistema Ewropea tas-superviżjoni finanzjarja. L-irwol tal-ABE se jkun simili għal dak li għandha llum: se tibqa' tiżviluppa l-ġabra unika ta' regoli applikabbli għas-27 Stat Membru u tiżgura li l-prattiki superviżorji jkunu konsistenti mal-Unjoni kollha.

Għall-banek transfruntiera li huma attivi kemm fl-Istati Membri li jipparteċipaw fl-MSS kif ukoll barra minnhom, il-proċeduri eżistenti ta' koordinazzjoni tas-superviżur tad-domiċilju jew ta' dak ospitanti se jibqgħu kif inhuma bħalissa. Il-BĊE ħa inkarigi superviżorju sal-punt li se jwettaq il-funzjonijiet tal-awtorità tad-domiċilju u ta' dik ospitanti għall-Istati Membri kollha li jipparteċipaw.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li l-MSS ikun fis-seħħ sal-1 ta' Jannar 2013. Qed jiġi previst perjodu ta' introduzzjoni gradwali biex jippermetti t-tranżizzjoni bla xkiel għall-mekkaniżmu l-ġdid. Bħala l-ewwel pass, mill-1 ta' Jannar 2013, il-BĊE se jkun jista' jiddeċiedi li jieħu responsabbiltà superviżorja kompleta ta' kwalunkwe istituzzjoni ta' kreditu, b'mod partikolari ta' dawk li rċivew jew talbu finanzjament pubbliku. Mill-1 ta' Lulju 2013, il-banek kollha li għandhom l-akbar importanza sistemika se jkunu taħt is-superviżjoni tal-BĊE. Il-perjodu ta' introduzzjoni gradwali għandu jitlesta sal-1 ta' Jannar 2014 meta l-MSS se jkopri l-banek kollha.

Sfond

Xprunat mill-munita unika u mis-suq uniku, is-settur bankarju tal-UE kiber u sar dejjem aktar integrat. Ħafna mill-banek żviluppaw attivitajiet transfruntiera u kibru aktar mis-swieq nazzjonali tagħhom.

Minħabba l-kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet monetarji fiż-żona tal-euro u l-integrazzjoni finanzjarja iktar rigoruża, jeżistu riskji speċifiċi fiż-żona tal-euro f'termini ta' effetti mifruxa transfruntiera f'każ ta' kriżi bankarja. Il-koordinazzjoni tas-superviżjoni bankarja nazzjonali ma għadhiex alternattiva għaż-żona tal-euro. Huwa neċessarju li jkun hemm bidla għal sistema integrata.

Fis-summit tal-Kunsill Ewropew u taż-żona tal-euro tat-28/29 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE qablu li jiżviluppaw aktar l-unjoni ekonomika u monetarja bħala wieħed mir-rimedji għall-kriżi attwali. Wieħed mill-elementi ewlenin għal integrazzjoni aktar profonda hija l-unjoni bankarja. L-erba' komponenti tal-unjoni bankarja huma kollha vitali (ara MEMO/12/656 dwar l-unjoni bankarja). Il-proposti pendenti għandhom jiġu adottati sal-aħħar tas-sena.

Importanti li wieħed jinnota d-deċiżjoni tal-Istati Membri li jistabbilixxu mekkaniżmu uniku superviżorju bħala prekundizzjoni għall-possibilità ta' rikapitalizzazzjoni diretta tal-banek min-naħa tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES).

Wara l-ftehim dwar il-proposti pendenti, il-Kummissjoni tipprevedi li tipproponi mekkaniżmu uniku Ewropew ta' riżoluzzjoni li jittratta b'mod effiċjenti r-riżoluzzjoni bankarja transfruntiera u jevita li l-flus tal-kontribwenti jintużaw biex jiġu megħjuna l-banek.

Ara wkoll MEMO/12/662

Aktar taghrif

It-testi tal-proposti leġiżlattivi u tal-komunikazzjoni jinsabu fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/internal_market/finances/committees/index_en.htm

Kuntatti :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site