Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-14 ta' Settembru 2012

L-Ambjent: skambju ta' informazzjoni għall-ġlieda kontra t-theddida tal-ispeċijiet aljeni fl-Ewropa

Kemm hemm pjanti fl-Alpi li mhumiex nattivi għal dak ir-reġjun? Liema kienu l-annimali li ġew introdotti deliberatament jew aċċidentalment fid-Danubju? Kemm se tkun kbira t-theddida għall-ispeċijiet lokali? L-EASIN, in-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni dwar l-Ispeċijiet Aljeni, imniedi llum mis-servizz xjentifiku intern tal-Kummissjoni Ewropea, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC), huwa l-ewwel pass sabiex jitwieġbu dawn il-mistoqsijiet u oħrajn relatati mas-16 000 speċi aljena attwalment irrappurtati madwar l-Ewropa kollha. Dan in-netwerk ta' informazzjoni – l-ewwel wieħed ta' dan it-tip fl-Ewropa – huwa pass importanti biex tiġi indirizzata din it-theddida tal-ispeċijiet aljeni li jsiru invażivi. L-ispeċijiet invażivi huma theddida serja għall-bijodiversità u għar-riżorsi naturali, tant li jħallu impatt ekonomiku stmat ta' madwar € 12 biljun fis-sena.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-ispeċijiet aljeni invażivi qed joħolqu problemi ta' tkabbir għar-riżorsi naturali tagħna, għas-saħħa tan-nies u għall-ekonomija. Din it-theddida ġejja mill-ispeċijiet mhux nattivi li qed jiżdiedu b'mod mgħaġġel f'dinja dejjem aktar interkonnessa. In-netwerk EASIN se jgħin biex in-nies fl-Ewropa jkollhom informazzjoni aħjar dwar fejn jinsabu dawn l-ispeċijiet mhux nattivi u kemm fil-fatt huma komuni - u se jappoġġa t-tfassil aħjar ta' politiki li jikkonċernaw din il-kwistjoni diffiċli."

L-ispeċijiet aljeni – li huma organiżmi mhux nattivi li jiġu stabbiliti f'ambjent ġdid – qed jiżdiedu mad-dinja kollha. Il-biċċa l-kbira minnhom ma jikkawżawx riskji sinifikanti għall-ambjent il-ġdid tagħhom. Madankollu, xi wħud minnhom tant jadattaw tajjeb għall-ambjent il-ġdid li jsiru invażivi - minn kurżitajiet bijoloġiċi jsiru theddida ġenwina għall-ekosistemi, għall-għelejjel u għall-bhejjem lokali, li jheddu l-benessri soċjali u ambjentali tagħna. L-ispeċijiet aljeni invażivi huma t-tieni kawża prinċipali tat-telf tal-bijodiversità, wara l-bidliet fil-ħabitat.

L-EASIN jiffaċilita l-immappjar u l-klassifikazzjoni tal-ispeċijiet aljeni billi joħloq indiċi tad-dejta rrappurtata minn 'il fuq minn 40 bażi online tad-dejta. Permezz ta' karatteristiċi tal-web aġġornati b'mod dinamiku, l-utenti jistgħu jaraw u jimmappjaw id-distribuzzjoni tal-ispeċijiet aljeni fl-Ewropa u jagħżluhom permezz ta' kriterji li jvarjaw mill-ambjent li jinsabu fih (l-art, il-baħar jew l-ilma ħelu) u l-klassifikazzjoni bijoloġika tagħhom sal-mogħdijiet li wasslu għall-introduzzjoni tagħhom fl-ambjent il-ġdid.

Il-qalba tal-EASIN hija katalgu li bħalissa fih 'l fuq minn 16 000 speċi differenti. L-inventarju tal-ispeċijiet aljeni kollha rrappurtati fl-Ewropa ġie prodott permezz ta' kumpilazzjoni, kontroll u standardizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli online u ta' dik li tinsab fl-letteratura xjentifika. L-utenti tal-EASIN jistgħu jesploraw u jimmappjaw informazzjoni ġeoreferenzjata dwar l-ispeċijiet aljeni minn dawn il-bażijiet online tad-dejta: il-"Global Biodiversity Information Facility" (GBIF), il-"Global Invasive Species Information Network" (GISIN) u r-"Regional Euro-Asian Biological Invasions Centre" (REABIC). Fis-snin li ġejjin se jiġu inklużi aktar fornituri tad-dejta. Is-servizzi u l-għodod tal-web tal-EASIN isegwu l-istandards u l-protokolli rikonoxxuti internazzjonalment. Dawn jistgħu jintużaw mingħajr ħlas, filwaqt li s-sjieda tad-dejta tibqa' tas-sors, li jiġi kkwotat u kkollegat elettronikament b'mod xieraq mal-EASIN.

Il-passi li jmiss

Il-ġlieda kontra l-ispeċijiet aljeni invażivi hija waħda mis-sitt għanijiet prinċipali tal-Istrateġija għall-Bijodiversità tal-UE 2020, u l-Kummissjoni qed tħejji proposti speċifiċi li jsaħħu l-leġiżlazzjoni ta' dan il-qasam.

Sfond

L-ispeċijiet aljeni jinsabu fi kważi kull tip ta' ekosistema li hawn fid-dinja. F'xi każijiet dawn l-ispeċijiet saru invażivi, billi jaffettwaw il-bijota nattiva. Dawn jagħmlu parti mill-gruppi tassonomiċi ewlenin, li jinkludu l-vajrusis, il-fungi, l-alki, il-muski, il-felċi, il-pjanti ogħla, l-invertebrati, il-ħut, l-amfibji, ir-rettili, l-għasafar u l-mammiferi. L-ispeċijiet aljeni invażivi jistgħu jibdlu l-istruttura u l-kompożizzjoni tal-ispeċijiet tal-ekosistemi billi jrażżnu jew jeskludu l-ispeċijiet nattivi, jew direttament permezz tal-predazzjoni jew billi jikkompetu magħhom għar-riżorsi, jew indirettament billi jimmodifikaw il-ħabitats jew ibiddlu l-mod li bih in-nutrijenti jiġu pproċessati fis-sistema. Il-ħsara lis-saħħa tal-bniedem tinkludi t-tixrid tal-mard u tal-allerġeni; il-ħsara ekonomika taffettwa lill-agrikoltura u lill-infrastruttura; filwaqt li l-ħsara lill-ambjent tħalli telf irreversibbli fuq l-ispeċijiet nattivi, u tħassar l-ekosistemi u l-bijodiversità li huma fundamentali għalihom.

Huwa stmat li bejn 10 sa 15 % tal-ispeċijiet aljeni identifikati fl-ambjent Ewropew infirxu u kkawżaw ħsara ambjentali, ekonomika u/jew soċjali. Speċijiet bħall-ħaxixa tal-Kawkażu (giant hogweed), il-gambli tal-Paċifiku (signal crayfish), il-maskli Zebra u l-firien tal-misk, illum għandhom impatt fuq is-saħħa tal-bniedem, jikkawżaw ħsara sostanzjali lill-forestrija, lill-għelejjel u lis-sajd u jibblukkaw il-passaġġi tal-ilma. Pereżempju, il-ħaxixa Ġappuniża (Japanese knotweed) ittellef it-tkabbir ta' pjanti oħra, tikkompeti b'suċċess kontra pjanti nattivi u tikkawża ħsara serja lill-infrastruttura u b'hekk tħalli implikazzjonijiet ekonomiċi kbar ħafna. Studji wrew li fl-Ingilterra, fl-Iskozja u f'Wales, din il-pjanta waħedha tikkawża € 205 miljun fi ħsarat fis-sena.

Għal aktar informazzjoni:

Ara s-sit http://easin.jrc.ec.europa.eu/

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/nature/invasivealien/index_en.htm

Kuntatti :

Fil-JRC: jrc-press@ec.europa.eu (+39 33 278 97 43)

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site