
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, it-12 ta' Settembru 2012
Il-proposta tal-Kummissjoni tagħti spinta lill-kapaċità tal-partiti politiċi Ewropej biex jirrappreżentaw liċ-ċittadini tal-UE, issaħħaħ id-demokrazija
Il-Kummissjoni llum adottat proposta biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-partiti politiċi Ewropej biex jiffurmaw sfera pubblika tassew Ewropea u li jesprimu r-rieda taċ-ċittadini tal-UE, billi żżid il-viżibbiltà, ir-rikonoxximent, l-effettività, it-trasparenza u r-responsabbiltà tagħhom.
Il-proposta tipprovdi status ġuridiku fil-livell Ewropew għal partiti politiċi u l-fondazzjonijiet affiljati tagħhom, b’mod li jiġi indirizzat l-akbar ostaklu li jsibu quddiemhom meta joperaw fil-Istati Membri u madwarhom. Il-biċċa l-kbira huma reġistrati bħala assoċjazzjonijiet Belġjani mhux għall-qligħ, jew 'asbl'.
Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "Partiti politiċi u fondazzjonijiet Ewropej tassew transnazzjonali huma kruċjali biex ikunu jistgħu jinstemgħu l-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew, u biex jiġu ġġenerati dibattiti pubbliċi madwar l-Ewropa kollha. Huma għandhom rwol ċentrali fit-tfassil tad-dibattitu dwar kwistjonijiet Ewropej, li fid-dawl tal-elezzjonijiet Ewropej fl-2014, jidher li se jkun wieħed vivaċi fis-snin li ġejjin. Din il-proposta ambizzjuża hija pass importanti lejn il-konsolidazzjoni tad-demokrazija Ewropea”.
Biex jingħataw għarfien bħala partit politiku Ewropew jew bħala fondazzjoni politikia Ewropea, dawn l-organizzazzjonijiet se jkollhom jilħqu standards għolja fejn jidħlu d-demokrazija interna, il-governanza, ir-responsabilità, it-trasparenza u r-rispett għall-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. L-aspetti kollha tal-finanzjament tal-partiti se jkunu soġġetti għal sett komprensiv ta' regoli, inklużi r-rekwiżiti ta’ rappurtar u kontroll strett. Se tiddaħħal sistema ta’ sanzjonijiet amministrattivi f’każ ta’ksur.
Mhu se jkun hemm l-ebda impatt fuq l-ammonti globali disponibbli skont il-baġit tal-UE għall-finanzjament ta’ partiti u fondazzjonijiet politiċi. Iżda r-regoli li jirregolaw finanzjament bħal dan se jiġu razzjonalizzati u adottati għas-sitwazzjoni u l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom. Il-partiti politiċi Ewropej se jkunu obbligati jippubblikaw l-ismijiet tad-donaturi li jikkontribwixxu aktar minn €1,000 fis-sena, filwaqt illi l-limitu annwali fuq d-donazzjonijiet individwali se jiżdied minn €12,000 għal €25,000.
Il-Kuntest
Il-leġiżlazzjoni eżistenti (Reg (KE) 2004/2003 tal-4/11/03) li tirregola l-partiti politiċi f'livell Ewropew u l-finanzjament tagħhom ġiet adottata fl-2003. Ġiet emendata fl-2007 biex, fost affarijiet oħra jkun jista' jingħata finanzjament mill-baġit tal-UE lil fondazzjonijiet politiċi Ewropej. Il-Parlament Ewropew stabbilixxa sensiela ta’ talbiet biex itejjeb din il-leġiżlazzjoni, permezz tar-Rapport Giannakou. Il-proposta tal-lum tinkludi ħafna minn dawn it-talbiet.
Fl-2012, total ta’ 13-il partit politiku fil-livell Ewropew irċieva finanzjament permezz tar-Regolament, li huwa amministrat mill-Parlament Ewropew. Il-baġit għall-finijiet tal-partiti u l-fondazzjonijiet politiċi f’livell Ewropew jammonta għal ftit aktar minn €31 miljun fl-2012.
Ir-Regolament 2004/2003:
http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CONSLEG:2003R2004:20071227:MT:PDF
Il-proposta dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi u fondazzjonijiet Ewropej:
COM(2012)499:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/documents/com_2012_499_en.pdf
COM(2012)500:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/sefcovic/documents/swd_com_2012_500_en.pdf
Ara wkoll MEMO/12/660
Kuntatti : Antonio Gravili (+32 2 295 43 17) Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51) |