Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Settembru 2012

L-għalliema anzjani joffru sfida lis-settur tal-edukazzjoni tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea llum laqgħet t-tnedija tal-Education at a Glance 2012, rapport annwali li jipprovdi dejta minn 34 pajjiż fosthom 21 Stat Membru tal-UE (elenkati hawn taħt) dwar il-prestazzjoni fl-edukazzjoni. Ir-rapport, miġbur mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD), jidentifika diversi oqsma fl-edukazzjoni Ewropea li x’aktarx joħolqu sfidi fil-futur qrib. L-għalliema anzjani hija waħda minnhom: aktar minn 40% tal-għalliema tal-iskejjel sekondarji f’ħames pajjiżi tal-UE (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Iżvezja) għandhom 50 sena jew aktar – fil-Ġermanja u l-Italja s-sehem huwa saħansitra ogħla, b’aktar minn 50%. L-inugwaljanza bejn is-sessi hija wkoll problema: Ir-rapport juri li kważi terz iktar tan-nisa mill-irġiel jipparteċipaw fl-edukazzjoni terzjarja fl-UE.

"Dan ir-rapport huwa strument imprezzabbli għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u Ewropea. L-Istati Membri jirrikonoxxu li l-investiment fl-edukazzjoni huwa ħtieġa għall-ġejjieni u l-prosperità fit-tul tal-Ewropa. Id-dejta turi b’mod ċar li l-benefiċċji huma ferm akbar mill-ispiża tal-edukazzjoni. Imma ma nistgħux inkunu sodisfatti: ir-rapport juri wkoll li hemm bżonn ta’ riforma biex tiġi modernizzata l-edukazzjoni u ssir aktar attraenti kemm għall-istudenti u kif ukoll għall-għalliema," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

L-Education at a Glance jiżvela wkoll li:

  • - L-infiq fl-edukazzjoni fil-21 Stat Membru tal-UE koperti, hu ta’ medja ta’ USD 9,122 kull sena għal kull student mill-primarja sal-edukazzjoni terzjarja. Dan huwa ħarira taħt il-medja tal-OECD ta’ USD 9,252.

  • - 84% taż-żgħażagħ fil-pajjiżi tal-OECD huma mistennija li jlestu l-edukazzjoni sekondarja għolja; fil-pajjiżi tal-UE, madwar 86% jkomplu. Fl-1995-2010, l-akbar żieda fir-rati ta' gradwati fl-edukazzjoni sekondarja għolja kienet fil-Portugall (rata ta' tkabbir annwali ta’ 4.7%).

  • - Il-benfiċċju finanzjarju mill-edukazzjoni terzjarja qed ikompli jikber. Gradwat Ewropew jista’ jippretendi dħul nett ta’ USD 176,000 (il-medja tal-OECD: USD 162,000) matul il-ħajja tax-xogħol tiegħu u l-benefiċċji pubbliċi fit-tul mill-edukazzjoni għolja permezz ta’ aktar ħlasijiet ta’ taxxa u ffrankar ieħor huma kważi tliet darbiet aktar mid-daqs tal-ispejjeż pubbliċi.

  • L-Ewropa tibqa’ d-destinazzjoni preferuta għal studenti li jistudjaw barra pajjiżhom biex b’hekk il-pajjiżi tal-UE jilqgħu fosthom 41% tal-istudenti internazzjonali kollha – tal-UE u mhux tal-UE. Studenti internazzjonali huma 10% jew aktar tar-reġistrazzjonijiet fl-edukazzjoni terzjarja fl-Awstrija, il-Lussemburgu u r-Renju Unit. Dawn jammontaw għal aktar minn 20% tar-reġistrazzjoni fir-riċerka avvanzata fl-Awstrija, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Lussemburgu, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Fl-UE kollha, 76% tal-istudenti barranin jiġu minn pajjiż ieħor tal-UE.

Sfond

L-Education at a Glance jiġi ppubblikat kull sena mill-OECD u jibbaża fuq dejta miġbura mill-Eurostat u l-Unesco.

Ir-rapport jipprovdi informazzjoni dwar l-istat attwali fl-edukazzjoni, inklużi r-riżorsi finanzjarji u umani investiti fl-edukazzjoni, il-proporzjon bejn l-istudenti u l-għalliema, is-sigħat tat-tagħlim, numri u riżultati dwar il-gradwati, l-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-mixja progressiva fl-edukazzjoni kif ukoll dejta dwar l-ambjent tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tal-iskejjel.

Hemm indikaturi ġodda li jiffokaw fuq l-effett tal-kriżi ekonomika globali fuq in-nefqa tal-edukazzjoni u l-impatt tal-edukazzjoni fuq ir-riżultati makroekonomiċi, bħalma huwa l-prodott domestiku gross. Ir-rapport ikopri wkoll suġġetti bħal sistemi ta’ edukazzjoni fit-tfulija bikrija, il-mobbiltà interġenerazzjonali fl-edukazzjoni għolja, fatturi li jinfluwenzaw l-infiq fl-edukazzjoni, l-aspettattivi tal-karriera fost iż-żgħażagħ ta’ 15-il sena, l-għamla tal-grupp tal-għalliema u l-impatt tal-eżamijiet fuq l-aċċess għall-edukazzjoni sekondarja u għolja.

Ir-rapport jippreżenta dejta dwar l-edukazzjoni minn 34 pajjiż membru tal-OECD. Dawn jinkludu 21 Stat Membru tal-UE (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Renju Unit, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja, l-Ungerija u l-Iżvezja), erba’ pajjiżi Ewropej oħra (l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u t-Turkija), u disa’ pajjiżi li mhumiex Ewropej (l-Awstralja, il-Kanada, iċ-Ċili, l-Iżrael, il-Ġappun, il-Korea, il-Messiku, in-New Zealand u l-Istati Uniti). Barra minn hekk, hemm dejta għall-Brażil, il-Federazzjoni Russa, u – f’xi każijiet – l-Arġentina, iċ-Ċina, l-Indja, l-Indoneżja, l-Arabja Sawdija u l-Afrika t’Isfel.

Is-sitt Stati Membri tal-UE li mhumiex pajjiżi membri tal-OECD u għalhekk mhumiex koperti fir-rapport huma l-Bulgarija, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u r-Rumanija.

F’konformità mal-importanza dejjem tikber tal-edukazzjoni u l-kwistjonijiet marbuta mal-ħiliet fl-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir u l-impjiegi, il-Kummissjoni Ewropea u l-OCED illum ħabbru wkoll il-ftehim tagħhom li jaħdmu aktar mill-qrib fil-futur. Dan se jsaħħaħ l-impatt u l-valur tax-xogħol tagħhom fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-pajjiżi membri tagħhom.

L-analiżi tal-pajjiż, l-istrateġiji tal-ħiliet kif ukoll il-kooperazzjoni dwar l-istħarriġ bħalma huma l-PISA u l-istħarriġ tal-futur dwar il-ħiliet tal-adulti (PIAAC) se jkunu prijorità fil-kuntest ta’ dan il-qafas ġdid għall-kollaborazzjoni.

Għal aktar tagħrif

It-tagħrif tekniku uffiċjali se jkun web streamed fil-11 a.m.

Ir-rapport sħiħ huwa disponibbli fuq website

Education at a Glance 2012: OECD Indicators

Il-Kummissjoni Ewropea: The EU's targets in education and training

L-Anness 1: Ir-rati tal-applikazzjonijiet tal-edukazzjoni terzjarja u d-distribuzzjoni skont l-età tal-parteċipanti l-ġodda (2010)

L-Anness 2: Id-distribuzzjoni skont l-età tal-għalliema fl-edukazzjoni sekondarja (2010)

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website