Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-12 ta' Settembru 2012

Tissaħħaħ is-sigurtà informatika tal-istituzzjonijiet tal-UE wara s-suċċess tal-proġett pilota

L-istituzzjonijiet tal-UE saħħew il-ġlieda tagħhom kontra t-theddid informatiku billi waqqfu, fuq bażi permanenti, l-"EU's Computer Emergency Response Team", jew CERT-EU. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara s-suċċess li kiseb il-proġett pilota li dam għaddej sena, u li ngħata valutazzjonijiet pożittivi mill-klijenti u mill-pari.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "L-istituzzjonijiet tal-UE, bħal kwalunkwe organizzazzjoni importanti oħra, ta' spiss ikunu fil-mira ta' inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà informatika. Is-CERT-EU qed tgħinna ntejbu l-protezzjoni tagħna kontra dan it-theddid. Dan eżempju eċċellenti ta' x'jistgħu jiksbu l-istituzzjonijiet tal-UE meta jaħdmu flimkien. Irridu li s-CERT tagħna tkun fost l-aħjar, li tikkoopera mill-qrib mal-bqija tal-komunità CERT u li tikkontribwixxi għas-sigurtà informatika tagħna lkoll."

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet: "Is-sigurtà informatika hija prijorità għall-benessri u l-kompetittività tal-Ewropa. L-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jserrħu moħħhom li s-CERT permanenti se tieħu ħsieb it-theddid informatiku u li iktar ma jgħaddi ż-żmien qiegħed dejjem isir aktar sofistikat. B'din id-deċiżjoni qed niżguraw li nwettqu dak li nippriedkaw."

Fis-snin riċenti, is-setturi pubbliċi u dawk privati waqqfu għadd ta' CERTs magħmula minn timijiet żgħar ta' esperti informatiċi li jistgħu jipprovdu rispons effettiv u effiċjenti f'każ ta' inċidenti li jikkonċernaw is-sigurtà informatika u t-theddid informatiku. Dawn is-CERTs urew li huma element fundamentali fl-istrateġija ta' difiża kontra dan it-theddid peress li jipprevjenu, jindividwaw u jikkoreġu l-vulnerabilitajiet u l-kompromessi. Is-CERTs iwissu lill-klijenti tagħhom kontra l-vulnerabilitajiet jew it-theddid u jirrakkomandaw azzjonijiet biex jitnaqqsu r-riskji. Jgħinu biex jindividwaw is-sistemi kompromessi u l-attakki, u jieħdu l-passi xierqa biex iwaqqfu dawn l-attakki u/jew biex jirkupraw minnhom. Is-CERTs huma interkonnessi ħafna ma' xulxin u b'hekk inħolqot komunità ta' esperti li jiġġieldu kontra l-kawża komuni tas-sigurtà informatika.

Fl-Aġenda Diġitali għall-Ewropa adottata f'Mejju 2010, il-Kummissjoni wiegħdet li tistabbilixxi CERT għall-istituzzjonijiet tal-UE bħala parti mill-impenn globali għal politika Ewropea msaħħa u ta' livell għoli għas-sigurtà tan-netwerking u tal-informazzjoni fl-Ewropa. L-Aġenda Diġitali tistieden ukoll lill-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu s-CERTs tagħhom, ħalli sal-2012 iwittu t-triq għal netwerk mifrux mal-UE kollha ta' skwadri nazzjonali ta' intervent f'każ ta' emerġenza informatika. Is-CERTs se jkollhom ukoll irwol importanti fil-Komunikazzjoni li jmiss dwar l-istrateġija tas-sigurtà informatika.

Sfond

Ir-riżorsi tas-CERT-EU huma pprovduti mill-akbar istituzzjonijiet u aġenziji tal-UE, li jinkludu l-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Networks u l-Informazzjoni (ENISA). It-tim jaħdem taħt is-sorveljanza strateġika ta' Bord ta' Tmexxija interistituzzjonali.

Is-CERT-EU taħdem mill-qrib ħafna mat-timijiet interni tas-sigurtà informatika tal-istituzzjonijiet tal-UE u tikkollabora mal-komunità tas-CERTs u mal-kumpaniji tas-sigurtà informatiku li jinsabu fl-Istati Membri u f'pajjiżi oħra, sabiex jaqsmu l-informazzjoni dwar it-theddid u dwar kif dawn għandhom jiġu trattati.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa:

http://ec.europa.eu/information_society/digital-agenda/index_en.htm

CERT-EU:

http://cert.europa.eu/

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site