Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ jappella biex l-impjieg u l-inklużjoni soċjali jingħataw l-ogħla prijorità

Commission Européenne - IP/12/948   10/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Settembru 2012

Ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ jappella biex l-impjieg u l-inklużjoni soċjali jingħataw l-ogħla prijorità

Ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ ippubblikat illum jappella biex l-impjieg taż-żgħażagħ, l-inklużjoni soċjali, is-saħħa u l-benessri taż-żgħażagħ jingħataw l-ogħla prijoritajiet fil-politika tal-Ewropa dwar iż-żgħażagħ. Ir-rapport, li jitressaq kull tliet snin mill-Kummissjoni, jisħaq fuq il-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħmlu aktar biex jappoġġjaw liż-żgħażagħ, li ġarrew il-piż tal-kriżi ekonomika.

Il-qgħad taż-żgħażagħ fl-UE fost iż-żgħażagħ bejn il-15 u l-24 sena żdied b'50 % minn mindu bdiet il-kriżi, minn medja ta' 15 % fi Frar 2008 għal 22.5 % f'Lulju ta' din is-sena. L-aħħar ċifri ppubblikati mill-Eurostat juru li l-ogħla rati huma fil-Greċja (53.8 %) u fi Spanja (52.9 %). Madwar l-UE, aktar minn 30% taż-żgħażagħ qiegħda ilhom bla xogħol għal aktar minn sena.

"Ninsab imħassba ferm minħabba l-effetti tal-kriżi fuq iż-żgħażagħ. Huma ħafna dawk fosthom li jinsabu f'riskju ta' esklużjoni soċjali u ta' faqar. Iż-żgħażagħ huma l-futur tagħna u huwa l-impenn tiegħi li nsaħħaħ il-politiki tagħna u l-programmi fl-oqsma tal-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ sabiex inżid il-prospetti tax-xogħol u l-opportunitajiet tagħhom fil-ħajja," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Hemm, madankollu, sinjali ta' tama fil-futur qrib: ir-rapport juri li kważi l-Istati Membri kollha qed jimplimentaw l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ, li għandha l-għan li toħloq iktar opportunitajiet li huma aħjar għaż-żgħażagħ u li tiġi promossa ċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà. Mir-rapport preċedenti fl-2009, l-Istati Membri saħħew l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-inizjattivi ta' intraprenditorija mmirati lejn iż-żgħażagħ. Il-livelli ta' parteċipazzjoni taż-żgħażagħ f’assoċjazzjonijiet u movimenti soċjali baqgħu għoljin.

"Erasmus għal kulħadd", il-programm il-ġdid propost dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ għall-2014-2020, se jkun fil-qalba tal-Istrateġija l-ġdida tal-UE għaż-Żgħażagħ. Il-programm il-ġdid jipprevedi żieda sinifikanti fil-fondi li tkun tippermetti li mhux inqas minn 5 miljun ruħ jirċievu għotjiet tal-UE biex jistudjaw, jitħarġu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom - kważi d-doppju meta mqabbel mal-lum taħt il-programmi 2007-2013.

Il-passi li jmiss

Ir-Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ se jitressaq lill-Kunsill u huwa skedat biex jiġi adottat bħala Rapport Konġunt tal-Kunsill u tal-Kummissjoni f'Novembru.

Sfond

L-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ (2010-2018) ġiet adottata mill-Kunsill fis-27 ta' Novembru 2009. L-għanijiet tagħha huma (1) il-ħolqien ta' iktar opportunitajiet aħjar għaż-żgħażagħ u (2) il-promozzjoni taċ-ċittadinanza attiva, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà. L-Istrateġija ta’ disa' snin hija maqsuma fi tliet ċikli. Lejn tmiem kull ċiklu, jitfassal Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ li jevalwa r-riżultati u jipproponi prijoritajiet ġodda għaċ-ċiklu ta' tliet snin li jkun imiss. Jekk jiġu adottati mill-Kunsill, il-prijoritajiet il-ġodda se jkunu japplikaw mill-2013-2015.

Ir-Rapport tal-2012 jinkludi taqsira dwar kif l-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ ġiet implimentata fuq livell nazzjonali u tal-UE mill-2010 flimkien ma' analiżi komprensiva tas-sitwazzjoni li jaffaċċjaw iż-żgħażagħ. Huwa jibbaża fuq il-kontribut mill-Istati Membri, l-aġenziji u l-ministeri tal-Gvern kif ukoll fuq il-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ. Il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-EFTA wkoll ħadu sehem fl-eżerċizzju ta' rappurtar fuq bażi volontarja.

L-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ hija komplementari għal "Żgħażagħ Mobbli," l-inizjattiva ewlenija tal-istrateġija Ewropa 2020 għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. L-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tindirizza l-bżonnijiet taż-żgħażagħ u l-opportunitajiet fi tmien oqsma ta' azzjoni:

  • L-edukazzjoni u t-taħriġ

  • L-impjiegi u l-intraprenditorija

  • L-inklużjoni soċjali

  • Is-saħħa u l-benessri

  • Il-volontarjat

  • Il-parteċipazzjoni

  • Il-kultura u l-kreattività

  • Iż-żgħażagħ u d-dinja

X'inhi tagħmel l-UE biex tiġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ?

Il-miżuri għat-trattament tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u ta' kwistjonijiet marbuta ma' dan, jinsabu fil-qalba tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, adottati mill-Kunsill f'Ġunju.

Il-Pakkett tal-Kummissjoni dwar l-Impjieg (April 2012) jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jiffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku, mhux biss fuq il-misuri ta' awsterità. Biex tiffaċilita aktar mobbiltà fix-xogħol, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa l-EURES, il-portal tal-impjiegi tagħha li jlaqqa' lil dawk li qed ifittxu impjieg ma' postijiet vakanti lil hinn mill-fruntieri.

Qabel tmiem din is-sena, il-Kummissjoni se tressaq proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar "garanziji għaż-żgħażagħ". L-għan hu li jiġi żgurat li ż-żgħażagħ kollha jkunu qegħdin fl-impjieg, fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jitilqu mill-iskola. Barra dan, il-Kummissjoni se tniedi konsultazzjoni mal-impjegaturi u mal-unjins dwar qafas ta' kwalità għall-apprendistati.

Il-Kummissjoni qed tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-Fond Soċjali Ewropew biex tappoġġja l-ħolqien ta' impjiegi u t-timijiet ta' azzjoni tal-Kummissjoni qed jgħinu lil tmien Stati Membri (il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja) fejn ir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ huma l-ogħla. Dawn l-azzjonijiet għenu lil dawn il-pajjiżi biex jallokaw mill-ġdid il-fondi strutturali tal-UE li jammontaw għal total ta' madwar EUR 7,3 biljun li minnhom se jibbenefikaw aktar minn 460,000 żagħżugħ.

Il-Kummissjoni qed taħdem biex tneħħi l-ostakli li ċ-ċittadini tal-UE jiffaċċjaw, notevolment id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fl-UE, inkluż għall-volontarjat, għall-istudju jew għax-xogħol.

Il-prijoritajiet u r-rakkomandazzjonijiet fl-Istrateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ huma appoġġjati mill-programm Żgħażagħ Attivi li jiffinanzja l-opportunitajiet ta' tagħlim barra mill-pajjiż għaż-żgħażagħ, għall-ħaddiema żgħażagħ u għall-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. F’konformità mal-istrateġija, huwa jippromwovi ċittadinanza u solidarjetà fost iż-żgħażagħ u jippermettilhom jiksbu ħiliet permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ, tal-volontarjat u tal-parteċipazzjoni ċivika. Permezz tiegħu ibbenefikaw madwar 185 000 parteċipant fl-2011, meta mqabbla ma' 111 000 individwu meta ġie stabbilit fl-2007.

L-isforzi biex tingħata spinta lill-impjegabbiltà, lill-mobbiltà tat-tagħlim u lis-sehem taż-żgħażagħ huma appoġġjati permezz tal-programm attwali tat-Tagħlim tul il-Ħajja, inkluż l-Erasmus u l-Leonardo da Vinci. Fl-2012-2013, il-Kummissjoni se tipprovdi l-appoġġ finanzjarju għal 280 000 post tax-xogħol permezz ta' dawn il-programmi għall-istudenti tal-edukazzjoni vokazzjonali u l-edukazzjoni superjuri bħala parti mill-kampanja tagħha 'We Mean Business' ("Mhux bil-kliem biss iżda wkoll bil-fatti").

Għal aktar tagħrif

Rapport tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2012 u l-annessi

Rapporti tal-Istati Membri

Dashboard tal-Indikaturi tal-UE għaż-Żgħażagħ

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site