Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Rapport jiżvela varjazzjonijiet wiesgħa fl-ispiża tal-edukazzjoni superjuri u tal-appoġġ għall-istudenti

Commission Européenne - IP/12/947   10/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-10 ta' Settembru 2012

Rapport jiżvela varjazzjonijiet wiesgħa fl-ispiża tal-edukazzjoni superjuri u tal-appoġġ għall-istudenti

L-ispiża tal-edukazzjoni superjuri għall-istudenti tvarja b’mod drammatiku fl-Ewropa, skont rapport ġdid maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea llum. Il-miżati għat-tagħlim huma l-ogħla fl-Ingilterra, fejn l-istudenti jħallsu sa £9 000 (madwar EUR 11 500) kull sena akkademika, filwaqt li disa' pajjiżi (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, Malta, in-Norveġja, ir-Renju Unit (l-Iskozja) u l-Isvezja) ma jimponux ħlasijiet fil-parti l-kbira tal-każijiet. Il-pajjiżi Nordiċi għandhom it-tendenza li jkunu l-aktar ġenerużi, għalkemm il-Finlandja u l-Isvezja ssieħbu dan l-aħħar mad-Danimarka f'li jintroduċu miżati għall-istudenti internazzjonali. Il-pajjiżi kollha, minbarra l-Islanda u n-Norveġja, issa jimponu miżati fuq l-istudenti mhux Ewropej.

Ħafna mill-pajjiżi li ma jimponux ħlasijiet, bħall-Awstrija, ir-Renju Unit (l-Iskozja) u l-pajjiżi Nordiċi, jipprovdi wkoll appoġġ ġeneruż lill-istudenti bħal għotjiet ta' manteniment u self (ara l-Punti Ewlenin tar-rapport). Dan it-tagħrif dwar il-miżati għat-tagħlim u l-appoġġ issa huwa faċilment disponibbli onlajn għall-istudenti li jridu jqabblu l-ispejjeż tal-edukazzjoni tagħhom f'pajjiżi Ewropej differenti.

"Nittama li l-fatt li issa huwa aktar faċli għall-istudenti li jqabblu l-ispejjeż tal-edukazzjoni f’pajjiżi differenti se twassal għal aktar mobilità tal-istudenti u tippermetti lill-istudenti li jagħżlu l-kors li huwa l-aħjar għalihom" qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. "Dan ir-rapport huwa kemm f'waqtu kif ukoll importanti: ifakkarna li l-edukazzjoni u t-taħriġ modernizzati huwa l-pedament ewlieni għall-prosperità għall-Ewropa fit-tul biex jingħelbu d-diffikultajiet ekonomiċi tagħna."

Ir-rapport jenfasizza li jeżistu wkoll differenzi kbar fir-rigward tal-appoġġ għall-istudenti, li huwa wieħed ġeneruż fil-Ġermanja, fil-pajjiżi Nordiċi u fir-Renju Unit, filwaqt li l-istudenti fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fl-Ungerija, fil-Latvja u fil-Litwanja jirċievu biss appoġġ finanzjarju limitat. Hemm ukoll differenzi sinifikanti dwar min hu intitolat għall-appoġġ: is-sussidji jistgħu jitqassmu jew lil dawk li jkunu fil-bżonn jew ikunu faċilment disponibbli għal kulħadd. Allowances tal-familja u benefiċċji fiskali għal ġenituri tal-istudenti huma element sinifikanti tal-pakkett kumplessiv ta' appoġġ lill-istudenti f'madwar nofs il-pajjiżi.

Il-punti ewlenin tar-rapport

MIŻATI

L-ogħla Miżati

L-ogħla miżati jitħallsu fir-Renju Unit (l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta' fuq). Sal-2012 kienu stipulati għal £3 375 fis-sena għall-korsijiet tal-Baċellerat. Minn Settembru 2012, dan il-livell żdied fl-Ingilterra għall-miżata bażi ġdida ta' £6 000 għat-tagħlim sa massimu ta' £9 000. L-istudenti fl-Ingilterra jirċievu self biex iħallsu l-miżati u ma għandhomx għalfejn iħallsu lura sakemm ma jkunux f’impjieg imħallas relattivament tajjeb. F’Wales, madankollu, l-ispiża addizzjonali ta' miżati għat-tagħlim għall-istudenti residenti f'Wales se titħallas mill-Gvern ta' Wales, anki jekk dawn jistudjaw barra minn Wales. Sadattant fl-Irlanda ta' Fuq, il-miżati se jiżdiedu biss skont l-inflazzjoni, għal £3 465 fl-2012/13.

In-nuqqas ta' Miżati

Fl-estrem l-ieħor, hemm 9 pajjiżi fejn l-istudenti (dan ma jinkludix l-istudenti internazzjonali minn barra l-UE/iż-ŻEE) ma jħallsux miżati. Dawn huma l-Awstrija, Ċipru (fil-livell ta' Baċellerat), id-Danimarka (għalkemm l-istudenti part-time iridu jħallsu), il-Finlandja, il-Greċja u Malta (fil-livell ta' Baċellerat), in-Norveġja, ir-Renju Unit (l-Iskozja) (fil-livell ta' Baċellerat) u l-Isvezja.

Fil-Ġermanja, għas-sena l-ġdida akkademika 2012/13, żewġ Länder (Stati Federali) (il-Bavarja u s-Sassonja ta' Isfel) jitħallsu l-miżati filwaqt li fl-erbatax l-oħra ma jitħallsux.

Il-proporzjon ta' studenti li jħallsu l-miżati

Il-proporzjon ta' studenti li jħallsu l-miżati f'kull pajjiż ivarja b'mod konsiderevoli. F'għadd ta' pajjiżi l-istudenti kollha jħallsu l-miżati, u dan huwa l-każ fil-Belġju (il-Komunità Fjamminga), fil-Bulgarija, fir-Repubblika Ċeka, fl-Ingilterra, fl-Islanda, fil-Liechtenstein, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovakkja u fit-Turkija. F'seba' pajjiżi (il-Komunità Franċiza tal-Belġju), l-Estonja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, ir-Rumanija) hemm maġġoranza li tħallas il-miżati. F'erba' pajjiżi (il-Kroazja, il-Ġermanja, il-Litwanja, is-Slovenja), hemm minoranza li tħallas il-mizati, u fl-aħħar nett hemm id-disa' pajjiżi li ssemmew hawn fuq, għajr l-eċċezzjonijiet imsemmija, fejn l-istudenti ma jħallsux.

Miżati mill-istudenti internazzjonali

Għal studenti li ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea, il-livelli tal-miżati għandhom il-ħabta li jkunu ogħla. Dawn huma ġeneralment stabbiliti minn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni superjuri nfushom, għalkemm f’xi pajjiżi (il-Belġju, il-Bulgarija, il-Greċja, il-Portugal, ir-Rumanija) hemm regoli fuq livell ċentrali li jirregolaw il-livelli tal-miżati.

F’sitt pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, l-Islanda, l-Italja, il-Liechtenstein u n-Norveġja) l-istudenti minn barra l-Unjoni Ewropea huma ttrattati bl-istess mod bħal dawk minn ġewwa l-Unjoni Ewropea, rigward il-miżati.

Differenzi fil-miżati bejn iċ-ċikli

Il-livelli tal-miżati għandhom il-ħabta li jkunu ogħla fil-livell ta' Masters (it-tieni ċiklu) milli fil-livell ta' Baċellerat (l-ewwel ċiklu), u l-miżati huma wkoll mitluba minn aktar studenti fit-tieni ċiklu. Fil-Greċja, Ċipru, Malta u r-Renju Unit (l-Iskozja), il-miżati jitħallsu fit-tieni ċiklu iżda mhux fl-ewwel, filwaqt li livelli ogħla ta miżati huma tipikament mitluba fil-livell ta' Masters fl-Irlanda, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, is-Slovenja, u r-Renju Unit (l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta' fuq).

APPOĠĠ GĦALL-ISTUDENTI

L-appoġġ għall-istudenti jieħu forom differenti u għandu l-għan li jissodisfa ħtiġijiet differenti skont il-pajjiż. Madankollu, l-aktar forom komuni ta' appoġġ huma l-għotjiet u s-self, li xi drabi joperaw flimkien (fejn l-istudent jirċievi self u għotjiet) u xi drabi separatament (l-istudent jirċievi jew self jew għotja).

Għotjiet

Il-pajjiżi kollha, bl-eċċezzjoni tal-Islanda u t-Turkija, jipprovdu xi tipi ta' għotjiet lil mill-inqas xi wħud mill-istudenti. Fit-Turkija hemm tnaqqis fil-ħlas għal xi studenti, iżda l-ebda għotjiet.

Hemm firxa wiesgħa ta' sitwazzjonijiet f'pajjiżi oħra rigward il-probabbiltà li wieħed jirċievi għotja.

Fid-Danimarka, f'Ċipru u f'Malta l-istudenti kollha jirċievu għotjiet. Fil-Finlandja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, l-Isvezja u r-Renju Unit (l-Ingilterra, Wales u l-Irlanda ta' fuq) il-maġġoranza tal-istudenti jirċievu għotjiet.

Fil-maġġoranza l-kbira tal-pajjiżi (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Liechtenstein, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, ir-Renju Unit (l-Iskozja), is-Slovakkja, Spanja) hemm biss minoranza ta' studenti li tirċievi l-għotjiet. Il-proporzjon ivarja minn 1% tal-popolazzjoni tal-istudenti fil-Greċja għal madwar 40% fl-Ungerija.

Self

Filwaqt li tista' tkun teoretikament possibbli għall-istudenti biex jieħdu self fil-pajjiżi kollha, is-self jitqies bħala karatteristika ewlenija tas-sistemi ta' appoġġ lill-istudenti jekk aktar minn 5% tal-popolazzjoni tal-istudenti jieħdu tali self. Dan hu l-każ f'16-il pajjiż: fil-Bulgarija, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja, ir-Renju Unit (il-partijiet kollha), l-Islanda, in-Norveġja u fit-Turkija.

Appoġġ ieħor: Allowances tal-familja u benefiċċji fiskali għall-ġenituri tal-istudenti

Sistemi ta' appoġġ għall-istudenti jistgħu jikkunsidraw l-istudent jew bħala individwu jew bħala membru ta' familja li tista' teħtieġ l-appoġġ. Fil-pajjiżi Nordiċi, b'mod partikolari, l-istudent jitqies bħala individwu, u huwa l-individwu li jirċievi l-appoġġ. Madankollu, f'ħafna pajjiżi oħra, l-appoġġ jista' jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi ġenerali tal-familja, u xi forom ta' appoġġ jistgħu jingħaddu lil membri oħra tal-familja minflok lill-istudent.

L-allowances tal-familja u l-benefiċċji fiskali għandhom rwol sinifikanti fl-appoġġ lill-istudenti f'għadd ta 'pajjiżi: fil-Belġju, fir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Estonja (benefiċċji fiskali biss), il-Greċja, Franza, l-Irlanda (benefiċċji fiskali biss), l-Italja (benefiċċji fiskali biss), il-Latvja (benefiċċji fiskali biss), il-Litwanja, Malta (benefiċċji fiskali biss), l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja (benefiċċji fiskali biss), is-Slovakkja u fil-Liechtenstein (benefiċċji fiskali biss).

Sfond

Ir-rapport jitħejja għall-Kummissjoni min-netwerk Eurydice, li jikkonsisti minn 38 unità nazzjonali bbażati fl-34 pajjiż parteċipanti fil-Programm tat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-UE (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, is-Serbja, l-Isvizzera u t-Turkija). Huwa kkoordinat u amministrat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-UE. Minn issa 'l quddiem, ir-reviżjoni dwar il-miżati mill-istudenti u l-appoġġ se titwettaq annwalment sabiex jitqiesu l-bidliet.

Għal aktar tagħrif

Ir-rapport sħiħ jinsab hawnhekk.

Il-Kummissjoni Ewropea:Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site