Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, l-10 ta' Settembru 2012
It-trasport: l-UE tagħti madwar €200 miljun f'appoġġ għal proġetti ewlenin tal-infrastruttura
Il-Kummissjoni Ewropea għażlet 74 proġett li se jirċievu madwar €200 miljun f'kofinanzjament tal-UE mill-programm tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), bl-għan li tkompli ttejjeb l-infrastruttura tat-trasport madwar l-UE. Dawn l-74 proġett, magħżula wara li saret is-sejħa annwali tal-2011, se jużaw l-appoġġ finanzjarju tal-UE għal diversi skopijiet, fosthom il-bini u/jew it-titjib ta' konnessjonijiet eżistenti, l-appoġġ għall-kurituri tat-trasport, is-sħubijiet pubbliċi privati (Public-Private Partnerships - PPPs) u l-istrumenti finanzjarji innovattivi.
Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Siim Kallas, responsabbli għat-trasport, qal: "Il-Kummissjoni Ewropea qed tkompli tappoġġa l-bini u t-titjib tal-infrastruttura Ewropea tat-trasport sabiex tiżgura li ċ-ċittadini tagħha jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji ta' netwerk komplut, sikur u modern. Barra minn hekk, is-somma ta' madwar €200 miljun li qed tingħata llum se twieżen ukoll l-appoġġ għall-impjiegi fl-UE billi se tippermetti li l-Istati Membri jkomplu jinvestu fi proġetti kbar u żgħar tal-infrastruttura matul żmien ta' staġnar ekonomiku ġenerali."
Fil-kuntest tas-sejħa tal-programm ta' ħidma annwali tal-2011, ingħata l-finanzjament totali ta' €198.63 miljun bil-għan li jiffinanzja l-ogħla prijoritajiet tan-netwerk TEN-T filwaqt li ffoka fuq dawn l-oqsma li ġejjin:
Il-Prijorità 1: Il-promozzjoni tal-iżvilupp ta' sistema ta' trasport integrata u multimodali - 10 proġetti magħżula b'finanzjament ta' €25.92 miljun
Il-Prijorità 2a: L-istudji u t-tħejjija ta' proġetti ta' implimentazzjoni li jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih (emissjonijiet ta' gass serra) — 4 proġetti magħżula b'finanzjament ta' €9.37 miljun
Il-Prijorità 2b: L-istudji u x-xogħlijiet li jappoġġaw it-tnaqqis tal-impatt tat-trasport marittimu fuq l-ambjent (sustanzi li jniġġsu l-arja) - 4 proġetti magħżula b'finanzjament ta' €3.76 miljun
Il-Prijorità 3: L-aċċellerazzjoni/l-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TEN-T, 44 proġett magħżul b'finanzjament ta' €146.63 miljun
Il-Prijorità 4: L-appoġġ għas-Sħubijiet Pubbliċi Privati (PPPs) u għal strumenti finanzjarji innovattivi – 6 proġetti magħżula b'finanzjament ta' €5.63 miljun
Il-Prijorità 5: L-appoġġ għall-implimentazzjoni fit-tul tan-netwerk TEN-T, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-kurituri li jippermettu implimentazzjoni koordinata tan-netwerk, 6 proġetti magħżula b'finanzjament ta' €7.32 miljun
Il-proġetti se jkunu mmaniġġati mill-Aġenzija Eżekuttiva tat-TEN-T, f'kollaborazzjoni mal-benefiċjarji tal-proġetti u taħt il-patroċinju tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport tal-Kummissjoni Ewropea.
Għal lista sħiħa tal-proposti magħżula jekk jogħġbok ara MEMO/12/654
Għal aktar tagħrif:
http://ec.europa.eu/tentea jew posta elettronika: TENT-AGENCY@ec.europa.eu
Kuntatti : Helen Kearns (+32 2 298 76 38) Dale Kidd (+32 2 295 74 61) |