Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Settembru 2012

Il-Ġimgħa tas-Suq Uniku dalwaqt magħna

L-2012 hija l-għoxrin sena minn mindu s-Suq Uniku Ewropew ġie stabbilit uffiċjalment fl-1 ta' Jannar 1993. Dan l-anniversarju huwa l-opportunità ideali biex issir riflessjoni dwar il-kisbiet tas-suq uniku minn mindu nħoloq u dwar l-isfidi li għad fadal sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal kollu tas-Suq Uniku li joħloq tkabbir ġdid.

Fl-Istati Membri kollha se jsiru diversi attivitajiet f’ġieħ dan l-għoxrin anniversarju, b’mod partikulari fil-Ġimgħa tas-Suq Uniku għat-Tkabbir il-Ġdid li se tiġi ċċelebrata bejn il-15 u l-20 ta' Ottubru 2012. Dawn l-attivitajiet se jiffukaw fuq tliet objettivi:

  • it-tfakkir tar-riżultati li kiseb is-Suq Uniku f’għoxrin sena;

  • il-preżentazzjoni ta' inizjattivi ġodda biex jiġi stimulat it-tkabbir fis-Suq Uniku u d-diskussjoni dwarhom;

  • il-ġbir tal-opinjonijiet taż-żgħażagħ dwar is-Suq Uniku u tal-aspettattivi tagħhom b’rabta miegħu.

Fil-15 ta' Ottubru, fil-Parlament Ewropew fi Brussell se jiġi organizzat avveniment interattiv ewlieni. Dan se jkun jinvolvi taħlita ta' dibattiti stimolanti, preżentazzjonijiet bil-vidjo, serje ta' diskussjonijiet, kwiżżis mal-udjenza u ċerimonja ta' premjazzjoni għall-kompetizzjoni msejħa "Ġenerazzjoni 1992" (aktar dettalji dwar din jingħataw hawn taħt), bl-għan li jingħata kontribut għall-politika tal-ġejjieni. L-avveniment se jiffoka l-iktar fuq iż-żgħażagħ li għandhom għoxrin sena, li twieldu fis-sena li fiha nħoloq is-Suq Uniku u li ma jiftakrux kif kienet l-Ewropa qabel ma ġie stabbilit is-Suq Uniku. Din it-tema qed tiġi diskussa f'film qasir li wieħed jista' jarah hawn taħt:

Fil-ġranet u l-ġimgħat ta' wara l-15 ta' Ottubru se jiġu organizzati ħafna avvenimenti nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. L-għan tagħhom huwa li jlaqqgħu flimkien liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet pubbliċi biex dawn jeżaminaw u jiddiskutu flimkien l-istat tas-suq uniku f'kuntest nazzjonali.

Qabel il-Ġimgħa tas-Suq Uniku, fil-bidu ta' Ottubru, il-Kummissjoni se tadotta pakkett ta' miżuri maħsubin biex isaħħu u japprofondixxu s-suq uniku, imsejjaħ "It-Tieni Att tas-Suq Uniku", wara li s-sena l-oħra ġie adottat pakkett inizjali ta' miżuri dwar is-suq uniku (ara d-dokument IP/11/469).

Bi tħejjija għall-Ġimgħa tas-Suq Uniku, illum il-Kummissjoni ppubblikat fuljett bl-isem ta' "20 sena ta' Suq Uniku Ewropew – flimkien għal tkabbir ġdid", sabiex ixxerred tagħrif dwar l-opportunitajiet u l-benefiċċji tas-Suq Uniku għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. Wieħed jista’ jordna dan il-fuljett mingħand il-Kummissjoni, jewinkella jniżżlu mill-websajt “Europa” mill-indirizz tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/internal_market/publications/docs/20years/achievements-web_en.pdf

Għal aktar tagħrif

Il-websajt tal-Ġimgħa tas-Suq Uniku tipprovdi aktar tagħrif dwar l-avvenimenti li se jsiru kemm fi Brussell kif ukoll f’postijiet oħrajn, flimkien ma' ħolqa biex wieħed jirreġistra għall-avveniment ewlieni li se jsir fi Brussell fil-15 ta' Ottubru: http://www.singlemarket20.eu

Il-kompetizzjoni msejħa "Ġenerazzjoni 1992"

F'April 2012 tnediet kampanja għal kompetizzjoni ta' kreattività mmirata biex tiġbor l-opinjonijiet taż-żgħażagħ Ewropej dwar is-Suq Uniku u xi jfisser għalihom, l-esperjenzi li għandhom tiegħu, l-għarfien tagħhom dwaru u l-aspettattivi tagħhom marbutin miegħu. Din il-kompetizzjoni kellha tagħti l-opportunità liż-żgħażagħ li twieldu fl-1992 biex jesprimu l-opinjoni tagħhom dwar is-Suq Uniku (ara d-dokument IP/12/358). Il-kampanja se tħeġġeġ liż-żgħażagħ joħolqu mod ġdid ta' kif wieħed iħares lejn is-Suq Uniku u se tistimula d-dibattiti. L-għoxrin rebbieħ se jiġu mistiedna jieħdu sehem fil-Ġimgħa tas-Suq Uniku f'Ottubru, fejn se jippreżentaw ix-xogħlijiet rebbieħa tagħhom waqt iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni li se ssir fil-15 ta' Ottubru.

Il-kompetizzjoni hija miftuħa sad-9 ta' Settembru. Ix-xogħlijiet jistgħu jintbagħtu permezz tal-websajt tal-kompetizzjoni: www.generation1992.eu

Kuntatti :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website