Navigation path

Left navigation

Additional tools

Grupp ta' livell għoli jsejjaħ lill-Istati Membri għal azzjoni sabiex jindirizzaw il-kriżi tal-litteriżmu

European Commission - IP/12/940   06/09/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Nikosija, is-6 ta' Settembru 2012

Grupp ta' livell għoli jsejjaħ lill-Istati Membri għal azzjoni sabiex jindirizzaw il-kriżi tal-litteriżmu

L-Unjoni Ewropea teħtieġ tirrevedi l-approċċ tagħha biex ittejjeb l-istandars tal-litteriżmu, skont grupp espert ta' livell għoli mwaqqaf mill-Kummissarju Ewropew Androulla Vassiliou biex jindirizza l-kwistjoni. Wieħed minn kull ħames żgħażagħ ta' 15-il sena u kważi 75 miljun adult ma għandhomx il-ħiliet bażiċi tal-qari u tal-kitba, u għalhekk isibuha diffiċli biex isibu xogħol u għaldaqstant jiżdidilhom ir-riskju li jġarrbu l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Il-president tal-grupp espert, l-Altezza Rjali Tagħha l-Prinċipessa Laurentien tal-Pajjiżi l-Baxxi, attivista għal żmien twil f'dan il-qasam, tiddeskrivi r-rapport bħala "sejħa għal azzjoni dwar il-kriżi li taffettwa lil kull pajjiż fl-Ewropa". Ir-rapport ta' 80 paġna fih sensiela ta' rakkomandazzjonijiet li jvarjaw minn pariri għall-ġenituri biex tinħoloq kultura li jaqraw ma' wliedhom għall-gost, sa libreriji f'postijiet mhux konvenzjonali bħal f'ċentri kummerċjali u l-ħtieġa li jiġu attirati aktar għalliema rġiel sabiex ikunu ta' mudell għas-subien li jaqraw ferm anqas mill-bniet. Dan jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi skont l-età, fosthom isejjaħ għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità għolja għal kulħadd u bla ħlas, għal aktar għalliema speċjalisti tal-qari fl-iskejjel primarji, għal bidla fil-mentalità dwar id-dyslexia, bl-argument li kważi t-tfal kollha jistgħu jitgħallmu jaqraw jekk jingħataw l-għajnuna adatta, u għal aktar opportunitajiet varjati ta' tagħlim għall-adulti speċjalment fuq il-post tax-xogħol.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ qalet: "Aħna qed ngħixu paradoss: filwaqt li l-qari u l-kitba saru aktar importanti u rilevanti fil-kuntest tad-dinja diġitali, il-ħiliet tagħna tal-litteriżmu mhumiex ilaħħqu. Neħtieġu mill-aktar fis li nreġġgħu lura din il-qagħda allarmanti. L-investimenti biex jitjieb il-litteriżmu fost iċ-ċittadini ta' kull età jagħmlu sens mil-lat ekonomiku, joħolqu kisbiet tanġibbli għall-individwi u għas-soċjetà, u jissarrfu f'biljuni ta' ewro fuq medda twila ta' żmien."

Il-Prinċipessa Lauretien żiedet tgħid: "Il-qari u l-kitba huma ferm aktar minn teknika jew ħila. Il-litteriżmu hu dwar l-istima personali tan-nies u dwar il-kapaċità tagħhom li jiffunzjonaw u jimxu 'l quddiem fis-soċjetà bħala individwi privati, ċittadini attivi, impjegati, jew ġenituri. Neħtieġu strateġiji nazzjonali ċari u kkoordinati, u aktar għarfien aħjar madwar l-Ewropa, mhux biss fil-politika u fl-oqsma edukattivi, iżda anke fl-isptarijiet, fuq il-postijiet tax-xogħol u l-aktar fil-familji. Wasal iż-żmien li l-Ewropa tgħolli l-livell tal-ambizzjoni tagħha u tiżgura litteriżmu għal kulħadd."

Ir-rapport, li ġie żvelat waqt konferenza f'Nikosija ospitata mill-Presidenza Ċiprijotta tal-UE, jagħti eżempji ta' proġetti tal-litteriżmu li rnexxew f'pajjiżi Ewropej u jidentifika individwi li għelbu t-tabù tal-illitteriżmu u biddlu ħajjithom. Dan ir-rapport jipprova jxejjen ideat żbaljati komuni dwar il-litteriżmu (ara l-Anness 1).

Il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE ffissaw mira konġunta biex il-proporzjon ta' żgħażagħ ta' 15-il sena li għandhom ħiliet baxxi fil-qari jonqos minn 20 % kif inhu bħalissa għal 15 % sal-2020. Ir-rapport tal-grupp espert ta' livell għoli jenfasizza diskrepanza sinifikanti bejn is-sessi, bi 13.3 % tal-bniet li jiksbu livell baxx meta mqabbel ma' 26.6 % tas-subien. Id-diskrepanza bejn is-sessi hija l-iżgħar fil-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u l-Belġju, u l-akbar f'Malta, il-Bulgarija u l-Litwanja (skont statistika tal-2009). L-Anness 2 jagħti dettalji dwar il-persentaġġi ġenerali ta' dawk b'livell baxx fil-qari fl-Istati Membri u l-Anness 3 jagħti ħarsa ġenerali lejn id-diskrepanza bejn is-sessi.

Sfond: għalfejn il-litteriżmu huwa kwistjoni importanti

Ir-rapport jenfasizza li ħiliet tajbin fil-litteriżmu huma essenzjali biex titjieb il-ħajja tal-persuni, u għall-promozzjoni tal-għarfien, l-innovazzjoni u t-tkabbir.B'mod aktar ġenerali, bidliet fin-natura tax-xogħol, l-ekonomija u s-soċjetà jfissru li fid-dinja tal-lum il-litteriżmu sar aktar importanti minn qatt qabel u li għalhekk l-Ewropa għandha timmira li tilħaq il-100 % tal-litteriżmu funzjonali fost iċ-ċittadini kollha tagħha.

Ir-rapport jgħid li l-litteriżmu huwa kwistjoni importanti peress li:

  • Is-suq tax-xogħol jeħtieġ ħiliet tal-litteriżmu dejjem ogħla (huwa stmat li sal-2020, 35 % tal-impjiegi kollha se jkunu jeħtieġu kwalifiki ta' livell għoli u dan meta mqabbel mad-29 % tal-lum);

  • Fid-dinja diġitali, il-parteċipazzjoni soċjali u ċivika tiddependi fuq il-litteriżmu;

  • Il-popolazzjoni qed tixjieħ u jeħtieġ li taġġorna l-ħiliet tal-litteriżmu tagħha, inklużi ħiliet tal-litteriżmu diġitali;

  • Il-faqar u l-ħiliet baxxi tal-litteriżmu nqabdu f'ċirku vizzjuż, kull waħda tkebbes lill-oħra;

  • Żieda fil-mobbiltà u l-migrazzjoni qed tissarraf f'litteriżmu ferm aktar multilingwi li jgħaqqad firxa wiesgħa ta' sfondi kulturali u lingwistiċi.

Ir-rapport jagħmel rakkomandazzjonijiet għal kull grupp ta' età.

Huwa essenzjali li għat-tfal iż-żgħar l-Istati Membri jimplimentaw programmi dwar il-litteriżmu għall-familja biex jitjiebu l-ħiliet tal-kitba u l-qari kemm tal-ġenituri kif ukoll tal-ulied. Programmi bħal dawn huma tassew kosteffikaċi. Investiment f'edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta' kwalità għolja (ECEC) huwa wieħed mill-aqwa investimenti li l-pajjiżi jistgħu jagħmlu fil-kapital uman futur tal-Ewropa. It-tfal li bbenefikaw minn ECEC jafu aktar jaqraw u jiktbu, u jmorru aħjar fl-iskola. L-istudji juru li jekk l-Ewropa tilħaq il-parametru referenzjarju għall-2020 fil-ħiliet bażiċi tal-litteriżmu, il-matematika u x-xjenza (il-mira hija 85 % taż-żgħażagħ ta' 15-il sena), dan jista' jwassal għal qligħ tal-PDG ta' EUR 21 triljun matul il-ħajja tat-tfal li twieldu fl-2010.

L-iskejjel primarji jeħtieġ li jingaġġaw aktar għalliema speċjalisti tal-qari u dawk l-istudenti li jġibu riżultati baxxi jingħataw għajnuna individwali hekk kif jinqala' l-bżonn. Il-libreriji tal-iskejjel għandu jkollhom materjal li hu attraenti u joffri sfida għall-etàjiet kollha, u fil-klassi u fid-dar għandhom jitħeġġu l-użu tal-għodod tal-ICT u l-qari diġitali.

L-adolexxenti jeħtieġu aktar materjal tal-qari varjat, minn komiks sa testi letterarji u kotba elettroniċi għall-motivazzjoni tal-qarrejja kollha, l-aktar is-subien. Għandha ssir promozzjoni għal koperazzjoni bejn l-iskejjel u n-negozji ħalli t-tagħlim tal-litteriżmu jsir aktar rilevanti għal sitwazzjonijiet fil-ħajja ta' kuljum. Jeħtieġ li jispiċċa t-tabù fejn jidħlu l-problemi tal-litteriżmu tal-adulti. L-NGOs, il-midja, l-impjegaturi, l-organizzazzjonijiet soċjetali u l-personalitajiet famużi, ilkoll għandhom rwol x'jaqdu biex jinfirex il-messaġġ dwar il-litteriżmu tal-adulti u s-soluzzjonijiet tiegħu.

It-tagħlim tal-lingwi: Ir-rapport jinnota li l-litteriżmu għandu dimensjoni multilingwa u migranti li dejjem qed tikber minħabba li żdiedet il-mobbiltà fl-Ewropa. Fl-2009, 10 % taż-żgħażagħ ta' 15-il sena fl-UE twieldu f'pajjiż ieħor jew kellhom iż-żewġ ġenituri mwielda barra mill-pajjiż, meta mqabbla ma' 7 % fis-sena 2000. F'xi pajjiżi, bħall-Italja jew Spanja, il-persentaġġ ta' tfal migranti żdied b'ħames darbiet mill-2000 sal-2010. Għaldaqstant it-tagħlim tal-lingwi huwa aktar importanti, mhux biss bħala għodda għall-komunikazzjoni iżda bħala mezz biex jinħoloq fehim reċiproku. Filwaqt li litteriżmu baxx, fih innifsu mhux problema ta' migrazzjoni (il-maġġoranza l-kbira tat-tfal u l-adulti b'litteriżmu baxx ikunu twieldu fil-pajjiż fejn jgħixu), ir-rapport jgħid li hemm bżonn ta' aktar għajnuna personalizzata, imsejsa fuq il-fehim tal-ħtiġijiet individwali fejn jidħlu l-lingwa u l-litteriżmu.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissarju Vassiliou se tiddiskuti s-sejbiet tar-rapport mal-Ministri tal-Edukazzjoni meta jiltaqgħu b'mod informali f'Ċipru fl-4 u l-5 ta' Ottubru. Id-diskussjonijiet se joħolqu l-bażi għal Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Litteriżmu, li fiha l-pajjiżi tal-UE se jistabbilixxu l-prijoritajiet miftiehma, kemm għalihom kif ukoll għall-Kummissjoni, sabiex jindirizzaw il-problemi tal-litteriżmu b'mod aktar effettiv.

Għal aktar tagħrif:

MEMO/12/646

It-test sħiħ tar-rapport

Il-websajt il-ġdida tal-Kummissjoni dwar il-litteriżmu fl-Ewropa

Filmat ta' konverżazzjoni dwar ir-rapport mal-Kummissarju Vassiliou u l-Altezza Rjali Tagħha l-Prinċipessa Laurentien tal-Pajjiżi l-Baxxi

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness 1 – Ideat żbaljati dwar il-litteriżmu

Ir-rapport jipprova jxejjen xi ideat żbaljati li huma komuni ħafna dwar in-natura, id-daqs u l-ambitu tal-kwistjoni tal-litteriżmu:

Ideat żbaljati

Il-fatti

"Il-litteriżmu baxx huwa xi ħaġa li tiġri f'pajjiżi li qed jiżviluppaw, żgur li mhux fl-Ewropa?"

Wieħed minn kull ħames żgħażagħ Ewropej ta' 15-il sena u kważi wieħed minn kull ħames adulti ma għandhomx il-ħiliet tal-litteriżmu meħtieġa biex ma jinqatgħux lura f'soċjetà moderna.

"Il-litteriżmu baxx huwa problema importata mill-migranti, u mhux għal dawk li twieldu u trabbew f'pajjiżi Ewropej."

Il-maġġoranza l-kbira tat-tfal u l-adulti b'ħiliet baxxi tal-litteriżmu twieldu u trabbew fil-pajjiż fejn jgħixu, u jitkellmu l-lingwa tat-tagħlim f'dak il-pajjiż bħala lsien nattiv tagħhom.

"Xi nies ma jistgħu bl-ebda mod jitgħallmu jaqraw u jiktbu."

Kważi kull min jagħmel ħiltu kollha biex jitgħallem jaqra u jikteb, jista' jiżviluppa l-ħiliet xierqa tal-litteriżmu, jekk jingħata l-għajnuna adatta. In-nies b'diffikultajiet konjittivi severi biss mhumiex kapaċi jiżviluppaw il-litteriżmu funzjonali.

"L-iskejjel huma responsabbli biex jgħallmu lit-tfal jaqraw u jiktbu."

L-iskejjel jaqdu rwol importanti iżda mhumiex l-uniċi responsabbli. Hemm firxa wiesgħa ta' atturi li jiffurmaw l-iżvilupp tal-litteriżmu, minn ġenituri u sħab sa servizzi tas-saħħa u oħrajn. Wara l-edukazzjoni formali, l-impjegaturi għandhom rwol vitali.

"Id-dyslexia hi kundizzjoni li ma titfejjaqx u għalhekk m'hemm xejn x'jista' jsir dwarha."

It-tfal tal-lum huma dejjem aktar mistennija li jimxu 'l quddiem fil-qari u l-kitba b'pass standard b'metodoloġija waħda. Ħafna drabi dawk li jbatu fil-qari jitqiesu bħala dyslexic. Id-dijanjosi għandha tkun "persuna li tbati biex taqra", u l-enfasi għandha tkun is-soluzzjoni tal-problema. Fil-prinċipju, it-tfal kollha jistgħu jitgħallmu jaqraw u jiktbu.

"Ikun tard wisq biex wieħed jieħu azzjoni għall-problemi tal-litteriżmu meta t-tfal itemmu l-iskola primarja.It-titjib tal-ħiliet ta' dawk li jbatu fil-qari jieħu ħafna ħin, huwa diffiċli u l-isforz jiswa ħafna flus biex jissarraf f'ġid."

Miljuni ta' tfal jibdew l-iskola sekondarja kapaċi jaqraw, iżda mhux tajjeb biżżejjed biex imorru tajjeb fl-iskola. B'għajnuna speċjalizzata, dawn iż-żgħażagħ jistgħu jiżviluppaw ħiliet tal-litteriżmu tajbin jew saħansitra eċċellenti. Il-programmi mmirati biex jitjiebu l-ħiliet ta' dawk li jbatu fil-qari għandhom rata għolja ta' suċċess, u huma estremament kosteffikaċi. Dan l-investiment jissarraf f'ġid għal tnax-il darba jew possibbilment għal mijiet ta' drabi matul il-ħajja ta' individwu.

"Il-ġenituri ma għandhom l-ebda influwenza fuq l-iżvilupp tal-litteriżmu ta' wliedhom wara l-ewwel snin."

L-attitudnijiet u l-prattiki tal-litteriżmu li jkollhom il-ġenituri jħallu influwenza kbira ħafna fuq l-iżvilupp tal-litteriżmu ta' wliedhom matul is-sekondarja. L-interventi biex jitjiebu l-ħiliet ta' appoġġ tal-ġenituri jħallu impatt kbir fuq il-litteriżmu tat-tfal.

Anness 2 – Il-persentaġġi ta' dawk li jiksbu livell baxx fil-qari (l-istudju ta' PISA)

Programm għal Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti 2000-2009

2000

2003

2006

2009

Bidla mill-2006 għall-2009

(punti perċentwali)

Il-Belġju

19.0

17.9

19.4

17.7

-1.7

Il-Bulgarija

40.3

:

51.1

41.0

-10.1

Ir-Repubblika Ċeka

17.5

19.4

24.8

23.1

-1.7

Id-Danimarka

17.9

16.5

16.0

15.2

-0.8

Il-Ġermanja

22.6

22.3

20.0

18.5

-1.5

L-Estonja

:

:

13.6

13.3

-0.3

L-Irlanda

11.0

11.0

12.1

17.2

+5.1

Il-Greċja

24.4

25.2

27.7

21.3

-6.4

Spanja

16.3

21.1

25.7

19.6

-6.1

Franza

15.2

17.5

21.7

19.8

-1.9

L-Italja

18.9

23.9

26.4

21.0

-5.4 

Il-Latvja

30.1

18.0

21.2

17.6

-3.6

Il-Litwanja

:

:

25.7

24.3

-1.4

Il-Lussemburgu

(35.1)

22.7

22.9

26.0

+3.1

L-Ungerija

22.7

20.5

20.6

17.6

-3.0

Il-Pajjiżi l-Baxxi

(9.5)

11.5

15.1

14.3

-0.8

L-Awstrija

19.3

20.7

21.5

27.5

 +6.0

Il-Polonja

23.2

16.8

16.2

15.0

-1.2

Il-Portugall

26.3

22.0

24.9

17.6

-7.3

Ir-Rumanija

41.3

:

53.5

40.4

-13.1

Is-Slovenja

:

:

16.5

21.2

+4.7

Is-Slovakkja

:

24.9

27.8

22.3

-5.5

Il-Finlandja

7.0

5.7

4.8

8.1

+3.3

L-Isvezja

12.6

13.3

15.3

17.4

+2.1

Ir-Renju Unit

(12.8)

:

19.0

18.4

-0.6

L-UE (18-il pajjiż)

21.3

24.1

20.0

 -4.1

L-UE (25 pajjiż)

23.1

19.6

 -3.5

UK, NL, U: ir-riżultati tas-sena 2000 ma jistgħux jitqabblu ma' tas-snin ta' wara

Anness 3 – Id-diskrepanza bejn is-sessi fil-qari


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website