Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali: Imħabbra r-rebbieħa tal-Kompetizzjoni "Hands off my Design” (Tmissx id-disinn tiegħi)

Commission Européenne - IP/12/93   01/02/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Figures and graphics available in PDF and WORD PROCESSED

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali: Imħabbra r-rebbieħa tal-Kompetizzjoni "Hands off my Design” (Tmissx id-disinn tiegħi)

Brussell, l-1 ta’ Frar 2012 – Il-falsifikazzjoni u l-piraterija huma theddida dejjem tikber għall-ekonomija. Bejn l-2005 u l-2010, l-għadd ta' każijiet irreġistrati ta' oġġetti suspettati bi ksur tal-IPR (intellectual property rights – drittijiet tal-proprjetà intellettwali) fil-fruntieri tal-UE żdied minn 26,704 għal aktar minn 80,0001. Sadanittant, l-industrija tal-kreattività tistma li biss biss fl-2008 lill-industrija Ewropea tal-mużika, tal-films, tat-TV u tas-softwer, il-piraterija swietha EUR 10 biljun u iktar minn 185,000 impjieg. L-Osservatorju Ewropew tal-Falsifikazzjoni u l-Piraterija, vara kompetizzjoni madwar l-UE kollha bl-isem “Hands off my Design” biex jiġbed l-attenzjoni lejn dan il-fenomenu. Studenti u professjonisti tad-disinn intalbu jressqu posters u vidjows li jaċċennaw l-impatt negattiv tal-falsifikazzjoni u l-piraterija fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa.

Iċ-Ċerimonja tal-Għotja għal din il-kompetizzjoni saret illum fil-Parlament Ewropew.

Fid-diskors tiegħu, il-Kummissarju Michel Barnier, qal:

“Din il-kompetizzjoni hija pass importanti biex tinġibed l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika u tas-soċjetà lejn il-kumplessità tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali. Jiena kuntent ħafna li qed nara li d-disinjaturi żgħażagħ daħlu għaliha b’daqshekk entużjażmu. Din is-sena, se nkun qed nagħmel proposti importanti fil-qasam tal-IPR: xi ideat li ġew espressi se jkunu ta’ kontribut utli għall-mod kif se nkunu qed naħsbu”.

Il-President tal-Uffiċċju tal-UE għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (OHIM - Office for Harmonisation in the Internal Market) António Campinos, qal:

“Fl-era diġitali, jeħtieġ li nsibu mod ġust biex nirrimuneraw lill-artisti, lill-mużiċisti, lill-awturi u lil dawk li jagħmlu l-films. Din il-kompetizzjoni tirrappreżenta l-perspettivi personali tad-disinjaturi li qed jaħdmu f’kull parti tal-Ewropa. Jiena fiduċjuż li dawn se jkollhom rwol ta' valur biex jgħinu jistimulaw dan it-tip ta' dibattitu kostruttiv dwar din il-kwistjoni li għandna bżonn fl-UE, irrispettivament minn jekk kulħadd jaqbilx mal-messaġġi jew le”.

Il-kompetizzjoni "Hands off my Design" li saret matul l-2011 madwar l-UE kollha, kienet immirata kemm lejn l-istudenti tad-disinn fit-tielet sena tagħhom fil-kulleġġi kif ukoll lejn il-professjonisti. Fiż-żewġ kategoriji, il-posters u l-vidjows li tressqu minn madwar l-Ewropa aċċennaw l-implikazzjonijiet tal-falsifikazzjoni u l-piraterija fuq l-ekonomija u s-soċjetà tal-Ewropa. Kien hemm kważi 60 student u professjonist tad-disinn li ressqu l-proposti quddiem ġurija indipendenti.

Il-premji mogħtija mill-ġurija f’kull kategorija kienu ta’ EUR 8,000 (l-ewwel premju), EUR 2,500 (it-tieni premju) u EUR 1,500 (it-tielet premju).

Ir-rebbieħa huma:

Fil-kategorija tal-istudenti tad-disinn:

L-ewwel premju: Julien Moreau, mill-Iskola ECV Atlantique fi Franza

It-tieni premju: Nejc Levstik, mill-Akkademja tat-teatru, ir-radju, il-film u t-televiżjoni fis-Slovenja

It-tielet premju: Lauri Särak, Daniel Levi Viinalass u Elmo Soomets, mill-Kulleġġ tal-Arti ta' Tartu fl-Estonja

Fil-kategorija tal-professjonisti tad-disinn:

L-ewwel premju: Gergely Szőnyi u Tamás Helényi, l-Ungerija

It-tieni premju: Christoph Brehme, l-Italja

It-tielet premju: Dimitris Haidas, il-Greċja

Ir-rebbieħa kollha ġew mistiedna fi Brussell, fejn irċevew il-premji tagħhom mingħand Membri tal-Parlament Ewropew li huma attivi fil-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni u l-piraterija (Edit Herzog, Antonio Masip Hidalgo, Andreas Schwab u Bill Newton Dunn), il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, u l-President tal-OHIM, António Campinos.

Informazzjoni ta’ sfond

Il-Kompetizzjoni

Dan l-avveniment ġie organizzat mill-Osservatorju Ewropew dwar il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea għas-Suq Intern u s-Servizzi, bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-UE għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (OHIM). Kien appoġġat ukoll minn Membri tal-Parlament Ewropew. Kien approvat mill-Cumulus International Association of Universities and Colleges of Art, Design and Media (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Universitajiet u l-Kulleġġi tal-Arti, id-Disinn u l-Midja, Cumulus).

Ir-rebbieħa intgħażlu minn panel internazzjonali li kien jinkludi persuni indipendenti mill-industrija tad-disinn u l-akkademja kif ukoll partijiet interessati tal-Osservatorju.

Wara l-kompetizzjoni, il-vidjows u l-posters se jkunu disponibbli biex jintużaw bħala għodod potenzjali tal-kummerċjalizzazzjoni fil-kampanji li jaċċennaw il-perikli tal-falsifikazzjoni u l-piraterija.

Il-vidjows se jittellgħu fuq is-sit tal-internet li ġej: www.handsoffmydesign.com

L-Osservatorju

L-Osservatorju nħoloq mill-Kummissjoni fl-2009 bħala pjattaforma biex tiffaċilita l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-esperjenzi bejn il-partijiet interessati pubbliċi u privati kif ukoll biex tippermetti l-ġbir tad-dejta dwar il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE.

L-OHIM, li huwa bbażat f'Alicante fi Spanja, huwa l-unika aġenzija tal-UE esklussivament iddedikata għal kwistjonijiet tal-proprjetà intellettwali (IP – Intellectual Property). Din tamministra l-marka tal-kummerċ u d-drittijiet tad-disinn tal-Komunità, li huma validi madwar l-UE kollha u qed taħdem mill-qrib mal-uffiċċji nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali biex toħloq Netwerk tal-UE għall-Marki tal-Kummerċ u tad-Disinn. Lill-Osservatorju din tipprovdilu wkoll appoġġ tekniku u kooperazzjoni, abbażi ta’ Memorandum ta’ Fehim maqbul mal-Kummissjoni f’April 2011. Bħalissa qed tistenna l-adozzjoni ta' Regolament li jittrasferixxi l-Osservatorju għall-Uffiċċju, liema Regolament se jittieħed vot dwaru fil-Parlament Ewropew fis-sessjoni plenarja ta' Frar.

Il-Falsifikazzjoni u l-Piraterija

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, l-isplużjoni globali tal-falsifikazzjoni u l-piraterija saret waħda mill-iktar problemi devastanti li d-dinja tan-negozju qed taffaċċa. Għoxrin sena ilu, il-falsifikazzjoni setgħet kienet meqjusa bħala problema b'mod partikolari għall-manifatturi tal-ħwejjeġ tal-moda, l-arloġġi u l-basktijiet li jiswew ħafna flus. Iżda llum dawk li jiffalsifikaw wessgħu l-produzzjoni tagħhom biex mhux biss jinkludu t-tagħmir tal-elettriku, il-partijiet tal-karozzi u l-ġugarelli ffalsifikati, iżda wkoll il-mediċini. Skont l-iktar ċifri riċenti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), fl-2007, il-kummerċ internazzjonali tal-oġġetti ffalsifikati u l-piraterija huwa stmat li laħaq USD 250 biljun. Fl-2010, l-uffiċċjali tad-dwana tal-UE interċettaw aktar minn 80,000 konsenja ta’ oġġetti ffalsifikati u tal-piraterija, b’valur stmat ta’ aktar minn EUR 1 biljun. Dan kien kważi d-doppju tal-konsenji interċettati fl-2009.

Għal aktar informazzjoni:

www.handsoffmydesign.com

http://ec.europa.eu/internal_market/iprenforcement/observatory/index_en.htm

1 :

IP/11/882


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site