Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-5 ta' Settembru 2012

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jgħarfu l-ħiliet miksuba barra mill-iskola u mill-università

Bħala parti mill-istrateġija tagħha għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, il-Kummissjoni Ewropea nediet inizjattiva biex tagħti spinta għar-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba barra mill-iskola jew mill-università. Il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li tkattar l-opportunitajiet ta' xogħol b'mod partikolari għal żgħażagħ qiegħda u għal dawk bi ftit kwalifiki formali bħall-ħaddiema li huma ikbar fl-età u ħaddiema b'ħiliet limitati. Din il-proposta għandha wkoll l-għan li żżid l-aċċess għal edukazzjoni ogħla, speċjalment fost studenti maturi.

Permezz ta’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni qed tħeġġeġ lill-Istati Membri biex sal-2015, jistabbilixxu sistemi nazzjonali għall-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali (ara l-isfond għad-definizzjonijiet). Dan għandu jippermetti liċ-ċittadini jiksbu kwalifika sħiħa jew parzjali fuq il-bażi tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba lil hinn mill-edukazzjoni formali. Attwalment, il-Finlandja, Franza, il-Lussemburgu u l-Pajjiżi l-Baxxi biss għandhom sistemi komprensivi fis-seħħ għall-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali.

"L-għan tagħna għaċ-ċittadini kollha hu li jagħmlu użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ tagħlim li huma disponibbli biex huma jtejbu l-ħiliet u l-impjegabbiltà tagħhom, sew jekk fuq il-post tax-xogħol, permezz ta' gruppi tas-soċjetà ċivili sew jekk permezz tal-internet,"qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. "Fi żmien ta' ħafna qgħad u tkabbir ekonomiku kajman, huwa essenzjali li l-Ewropa tiżviluppa l-aqwa taħlita ta' ħiliet u kompetenzi biex tingħata spinta lill-kompetittività, il-prosperità u l-inklużjoni soċjali".

Il-proposta tal-Kummissjoni kienet prevista bħala parti mill-inizjattivi tal-Ewropa 2020, "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u l-Impjiegi" u "Żgħażagħ Attivi". Din tikkomplementa il-European Qualifications Framework li jippromwovi l-validazzjoni tal-edukazzjoni formali.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-programm il-ġdid Erasmus for All 2014-2020, tipprevedi finanzjamenti għas-setturi tal-edukazzjoni kollha, inklużi l-iskejjel, it-tagħlim għall-adulti, l-edukazzjoni għolja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, kif ukoll it-tagħlim mhux formali u informali.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni se tiġi diskussa mill-Kunsill u hija mistennija tiġi adottata mill-ministri tal-edukazzjoni u ż-żgħażagħ fit-23/l-24 ta' Novembru.

L-isfond

It-"tagħlim mhux formali" iseħħ f’ambjent ta’ tagħlim formali u ġeneralment ma jwassalx għal kwalifika jew diploma. Dan tipikament ikun jinvolvi korsijiet, workshops, konferenzi jew seminars. It-"tagħlim informali" jseħħ f'varjetà ta' postijiet, bħal pereżempju fid-dar, fuq il-post tax-xogħol, f’assoċjazzjoni u permezz tal-interazzjoni ta' kuljum ta' bejn in-nies; dan jinkludi t-tagħlim tal-lingwi, in-normi kulturali u l-manjieri.

Erba’ Stati Membri bħalissa għandhom sistemi komprensivi fis-seħħ għall-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali:

Fi Franza l-kwalifiki kollha, ħlief professjonijiet regolati bħat-tobba, id-dentisti, il-veterinarji u l-periti, jistgħu jinkisbu permezz tal-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali. L-individwi jippreżentaw id-dettalji tal-esperjenzi tat-tagħlim tagħhom u l-ħiliet/il-kompetenzi miksuba. Mbagħad, ġurija ta' esperti maħtura mill-ministeru relevanti tista' tagħti kwalifika sħiħa jew parzjali. Fil-Lussemburgu teżisti sistema simili ġewwa.

Fil-Pajjiżi l-Baxxi, wieħed jista’ jippreżenta deskrizzjoni tal-esperjenzi tiegħu lil xi fornitur rikonoxxut ta' "ċertifikati tal-esperjenza" bil-ħsieb ta' japplika għal xi impjieg jew għar-rikonoxximent formali minn bord ta' eżaminaturi. Fil-Finlandja, il-liġijiet tal-edukazzjoni jagħtu lok għall-validazzjoni ta' esperjenzi f'bosta oqsma u livelli ta' edukazzjoni.

Għal aktar tagħrif

Il-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali

Il-Kummissjoni Ewropea: Education and training u validation of non-formal and informal learning

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site