Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Impjiegi: Il-Fond għall-Globalizzazzjoni tal-UE appoġġa aktar minn 21,000 ħaddiem fl-2011

Commission Européenne - IP/12/932   04/09/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Settembru 2012

Impjiegi: Il-Fond għall-Globalizzazzjoni tal-UE appoġġa aktar minn 21,000 ħaddiem fl-2011

Aktar minn 21,000 ħaddiem ssensjati minħabba l-kriżi ekonomika u l-effetti tal-globalizzazzjoni ġew megħjuna biex isibu opportunitajiet ġodda ta’ impjieg mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fl-2011, skont rapport adottat illum mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ħallas total ta’ EUR 128 miljun fl-2011 biex jgħin lil dawn il-ħaddiema fi tnax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja u l-Portugall).

Fi kliem László Andor, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni: "Il-Fond Ewropew tal-Globalizzazzjoni kien strument effiċjenti u effikaċi għal nies li tilfu l-impjieg tagħhom. Huwa espressjoni konkreta tas-solidarjetà Ewropea u strument prattiku li jgħin lill-poplu u r-reġjuni jirkupraw minn sensji f’numri kbar. B’mod partikolari, il-FEG jippermetti lill-Istati Membri biex jappoġġaw miżuri mmirati adattati għaċ-ċirkostanzi tal-ħaddiema kkonċernati. Mit-tnedija tiegħu fl-2007, total ta’ madwar 91,000 ħaddiem issensjat diġà bbenefikaw minn jew waslu biex jirċievu assistenza mill-FEG għal taħriġ, għajnuna fit-tfittxija għal impjieg u forom oħra ta' appoġġ. Il-FEG se jkompli jkollu sehem kruċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad."

Il-ħames rapport annwali dwar l-attivitajiet u r-riżultati tal-FEG juri żieda ta’ 50 % fl-2011 fil-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-Istati Membri meta mqabbel mal-2010. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ħadu 22 deċiżjoni fl-2011 sabiex jiġi mobilizzat il-finanzjament mill-FEG. Ir-Repubblika Ċeka u l-Greċja rċevew appoġġ mill-FEG għall-ewwel darba fl-2011.

L-appoġġ ingħata biex jikkofinanzja miżuri attivi marbuta mal-politika tas-suq tax-xogħol proposti u organizzati għall-ħaddiema mill-Istati Membri, tul perjodu ta’ 24 xahar wara d-data tal-applikazzjoni. L-FEG kkofinanzja 65 % tal-miżuri, filwaqt li l-bqija tal-35 % pprovdewhom sorsi nazzjonali. Il-miżuri konkreti għal dawk li qed ifittxu impjieg inkludew assistenza intensiva u personalizzata fit-tfittxija tal-impjiegi, tipi varji ta' taħriġ vokazzjonali, miżuri li jqawwu l-ħiliet u jħarrġu mill-ġdid, inċentivi u konċessjonijiet temporanji tul il-miżuri attivi, u tipi oħra ta' appoġġ bħalma huma l-ħolqien tan-negozji u skemi ta' impjiegi pubbliċi.

Ir-rapport jiddeskrivi wkoll l-eżitu ta’ erba’ kontribuzzjonijiet tal-FEG mogħtija fis-snin preċedenti lil tliet Stati Membri (il-Belġju, l-Irlanda u l-Iżvezja) f’termini ta’ kif l-appoġġ mill-FEG għen lill-ħaddiema ssensjati jsibu impjiegi ġodda. Ir-riżultati huma inkoraġġanti peress li 2,352 ħaddiem (45 % tat-total tal-5,228 li rċevew appoġġ mill-FEG) li kienu ġew issensjati mill-impjegaturi tal-industriji tal-karozzi, tat-tessuti u tal-kompjuter sabu impjiegi ġodda jew kienu bdew jaħdmu għal rashom sa tmiem il-perjodu tal-appoġġ tal-FEG (nofs l-2011).

Ir-riżultati tajbin f’termini ta' integrazzjoni mill-ġdid fl-impjieg jissuġġerixxu li perjodu itwal ta’ appoġġ u kofinanzjament ogħla tal-UE (bħala riżultat tal-emenda tar-Regolament tal-FEG fl-2009) huma ta’ benefiċċju kemm għall-ħaddiema u kif ukoll għas-swieq tax-xogħol lokali u reġjonali.

Sfond

L-FEG, li huwa inizjattiva li l-ewwel li proponieha kien il-President Barroso sabiex tipprovdi għajnuna lil dawk li jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-impatt tal-globalizzazzjoni, twaqqaf mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill fi tmiem l-2006.

Kien hemm 101 applikazzjoni lill-FEG mill-bidu tal-operazzjonijiet tiegħu fl-2007: Għoxrin Stat Membru talab madwar EUR 440.5 miljun biex jgħinu madwar 91,000 ħaddiem issensjati. Minn meta r-Regolament tal-FEG fl-20091 ġie emendat, ġew ippreżentati applikazzjonijiet tal-FEG minn għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri u minn għadd dejjem jikber ta’ setturi. Ara wkoll l-Anness tal-MEMO/12/639.

Rigward id-19-il każ li għalihom r-riżultati finali huma issa disponibbli u li ġew analizzati bis-sħiħ u magħluqin mill-Kummissjoni, l-Istati Membri rrapportaw li s-sitwazzjoni personali, l-awtofiduċja u l-impjegabilità tal-ħaddiema kkonċernati tjiebet b’mod ċar bis-saħħa tal-għajnuna tal-FEG u s-servizzi pprovduti, anki jekk dawn mhux dejjem sabu xogħol ġdid immedjatament.

L-FEG ta lill-Istati Membri l-opportunità li jaġixxu b'mod aktar intensiv fir-reġjuni milquta mis-sensji – f’termini tal-għadd ta' persuni assistiti u t-tul ta' żmien, it-tip u l-kwalità tal-appoġġ – aktar milli kien possibbli mingħajr il-finanzjament tal-FEG. Il-fondi tal-UE jgħinu lill-pajjiżi biex iwieġbu b’mod aktar flessibbli għal sfidi kurrenti tal-impjiegi, li jiddedikaw iktar attenzjoni lil ħaddiema b’inqas ħiliet u lil persuni li qed ifittxu x-xogħol li huma aktar diffiċli biex tgħin, u li jinkludu azzjonijiet innovattivi fl-appoġġ provdut.

Bħala parti mill-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020, il-Kummissjoni pproponiet li l-UE, anki fil-ġejjieni, għandha tkompli tesprimi solidarjetà permezz tal-FEG mal-ħaddiema ssensjati u r-reġjuni milquta.

Hi pproponiet ukoll li jitwessa’ l-iskop tiegħu biex jiġu inklużi kategoriji oħra bħalma huma dawk li jaħdmu għal rashom u ħaddiema temporanji.

Il-proposta tal-Kummissjoni se tippermetti lill-FEG biex jirreaġixxi wkoll għal sensji f’numru kbir ikkawżati minn kriżijiet mhux mistennija kif ukoll għal effetti negattivi ta’ ftehimiet kummerċjali dwar is-settur agrikolu permezz ta’ appoġġ tranżitorju għall-bdiewa li jiffaċilita l-adattament tagħhom.

Aktar tagħrif

MEMO/12/639

Ir-rapport annwali tal-FEG:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1625&furtherNews=yes

EGF Statistical Portrait 2007-2011

EGF website

Filmati tal-Aħbarijiet:

Europe acts to fight the crisis: the European Globalisation Fund revitalised

Facing up to a globalised world – The European Globalisation Fund

Il-websajt ta' László Andor: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/laszloandoreu

Issieħeb bla ħlas fil-bullettin bl-email, tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti :

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)

1 :

Il-limitu tnaqqas minn 1,000 għal 500 sensja, il-perjodu ta’ implimentazzjoni twal minn 12 għal 24 xahar mid-data tal-applikazzjoni, u l-eliġibilità temporanja tas-sensji relatati mal-kriżi (mill-1.5.2009 sat-30.12.2011) b’żieda fir-rata ta’ kofinanzjament tal-FEG ta' 65 % minflok 50 % (matul l-istess perjodu).


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site