Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tixtieq l-opinjoni tiegħek dwar kif nistgħu nipproduċu u nikkunsmaw b’mod aktar sostenibbli

European Commission - IP/12/92   01/02/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tixtieq l-opinjoni tiegħek dwar kif nistgħu nipproduċu u nikkunsmaw b’mod aktar sostenibbli

Brussell, l-1 ta’ Frar 2012 – Sas-sena 2050 il-popolazzjoni globali se tilħaq id-9 biljun persuna u d-domanda mad-dinja kollha għall-ikel, għall-għalf u għall-fibra hija mbassra li tiżdied b'70 %. Sabiex l-ekonomiji jikbru f’dak il-kuntest, se jkollhom jużaw riżorsi naturali b’mod ħafna iktar effiċjenti. Il-mod kif nikkunsmaw u kif nipproduċu se jkun il-qofol għas-suċċess jew falliment tal-Ewropa f’dan il-proċess. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tirrevedi l-politiki tal-UE dwar il-Konsum u l-Produzzjoni u b’rabta ma dan varat konsultazzjoni pubblika li se tibqa miftuħa sat-3 ta’ April.

Kif indikat fil-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi li ġie adottat f’Settembru li għadda, jekk irridu li fil-ġejjieni nkunu nistgħu nissodisfaw il-ħtiġijiet tagħna u nżommu l-istell livell ta’ benesseri, il-kumpaniji se jkollhom jipproduċu aktar valur miżjud b'inqas inputs, u l-konsumaturi se jkollhom jadottaw xejriet ta' konsum aktar sostenibbli għall-prodotti u s-servizzi. B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tirrevedi l-azzjonijiet dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli (Sustainable Consumption and Production - SCP) tagħha, biex tiżgura li dawn jgħinu lill-Ewropa tagħmel użu aktar effiċjenti tar-riżorsi, u jpoġġuha fit-triq lejn is-sostenibbiltà fit-tul.

Bħala parti mill-analiżi politika tal-SCP tagħha, il-Kummissjoni varat konsultazzjoni pubblika kbira dwar l-azzjonijiet tagħha f'erba' oqsma prinċipali. Għad-disa' ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni tixtieq tiġbor opinjonijiet dwar l-alternattivi differenti għal Politika SCP aktar ambizzjuża. Din il-konsultazzjoni abbażi tal-web hija parti minn proċess usa’ ta’ riflessjoni li se jdakkar inizjattivi politiċi li għandhom jiġu addottati qabel tmiem l-2012.

Il-konsultazzjoni pubblika tistieden lill-partijiet kollha interessati biex jaqsmu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-aħjar modi kif jittejbu l-politiki tal-UE dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli f’erba’ oqsma, bil-għan li jipprovdu reazzjonijiet immirati dwar:

  • Politiki rigward id-disinn tal-prodott, ir-riċiklaġġ u l-ġestjoni tal-iskart, eċċ;

  • L-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (l-inkoraġġiment tal-korpi pubbliċi sabiex jiffavorixxu soluzzjonijiet ekoloġiċi);

  • Azzjonijiet għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti (L-impronta ekoloġika tal-Prodotti - IEP);

  • Azzjonijiet għat-titjib tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjonijiet (L-impronta ekoloġika tal-Organizzazzjonijiet - IEO).

Il-konsultazzjoni hija stampa ġenerali tal-politiki tal-UE, u għalhekk tinvolvi madwar 50 mistoqsija. Madwar nofshom huma għall-pubbliku inġenerali u l-bqija jimmiraw lejn gruppi aktar speċjalizzati tal-partijiet interessati bħal gvernijiet, assoċjazzjonijiet tal-industrija u kumpaniji privati.

Sfond

Il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli kienu mira fundamentali tal-Unjoni Ewropea minn meta ġie ffirmat it-Trattat tal-UE f'Maastricht fl-1992. Il-ħsieb ewlieni huwa li nissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ konsum tagħna stess b’tali mod li ma nċaħħdux lill-ġenerazzjonijiet futuri mill-kapaċità li huma wkoll jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ konsum tagħhom. It-Trattat jitlob l-inklużjoni ta’ konsiderazzjonijiet u miri ta' sostenibbiltà fil-politiki Ewropej kollha, sabiex ikunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod integrat biex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali.

L-ewwel pakkett strutturat u sinerġiku ta’ azzjonijiet u proposti biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali ta' prodotti u sabiex tiġi stimulata d-domanda għal prodotti aktar sostenibbli ġie inkluż fil-Pjan ta' Azzjoni dwar "il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli" ippubblikat fl-2008. Minn dak iż-żmien twettqu bosta inizjattivi f'dan il-qafas, iżda jeħtieġ li jiġu żviluppati pjanijiet aktar ambizzjużi li jindirizzaw l-impatti negattivi ambjentali tal-konsum u biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jaqilbu għal konsum effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Il-kuntest politiku attwali għall-Konsum u Produzzjoni Sostenibbli (SCP) u għall-Politika Industrijali Sostenibbli (SIP) hija l-Istrateġija Ewropa 2020, li għandha l-għan li twassal għal tkabbir ekonomiku intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u li issa hija l-istrateġija ewlenija tal-Ewropa għall-ħolqien tat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Il-politika tal-SCP tikkontribwixxi wkoll lejn l-Inizjattiva Ewlenija għall-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi ta’ Ewropa 2020 billi tgħin biex l-għanijiet fuq livell makro tal-politika dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi (id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u d-degradazzjoni ambjentali) jinbidlu f’għanijiet fuq livell mikro, u b’hekk l-atturi ekonomiċi individwali jaslu sabiex jiksbu l-aħjar prestazzjoni ambjentali ekonomikament possibbli.

Għal aktar tagħrif:

Il-konsultazzjoni hija aċċessibbli fuq is-sit:

http://ec.europa.eu/environment/consultations_en.htm

Għal aktar dettalji dwar il-politika SCP, ara: http://ec.europa.eu/environment/eussd/escp_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website