
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, it-3 ta' Settembru 2012
L-Aġenda Diġitali: il-Kummissjoni tniedi azzjonijiet biex titrawwem l-innovazzjoni bla fili permezz tal-kondiviżjoni tal-ispettru tar-radju
Il-Kummissjoni Ewropea illum, ħabbret pjanijiet li jindirizzaw it-tkabbir esponenzjali tat-traffiku mobbli u mingħajr fili tad-dejta permezz tal-użu kondiviż tal-ispettru tar-radju min-naħa tat-teknoloġiji bla fili, fosthom il-broadband.
Bit-teknoloġiji l-ġodda, l-ispettru tar-radju jkun jista' jiġi kondiviż minn diversi utenti – bħal, nagħtu każ, il-fornituri tal-internet. L-ispettru disponibbli bħal dak bejn il-frekwenzi tat-televiżjoni jista' wkoll jiġi użat għal skopijiet oħra. Ir-regolamentazzjoni nazzjonali dwar l-ispettru spiss ma tirriflettix il-possibiltajiet tekniċi l-ġodda, u filwaqt li d-domanda tikber, l-utenti tal-mowbajl u tal-broadband qed ikunu fir-riskju li jużaw servizz ta' kwalità fqira, u dan iżomm milli jkun hemm suq uniku għall-investiment f'dawn is-swieq tal-komunikazzjoni.
Approċċ Ewropew ikkoordinat għall-kondiviżjoni tal-ispettru se jwassal għal kapaċità akbar tan-netwerk mobbli, broadband bla fili irħas, u swieq ġodda bħal tad-drittijiet sekondarji negozjabbli għall-allokazzjoni partikolari tal-frekwenzi.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mill-Aġenda Diġitali għall-Ewropa, Neelie Kroes, qalet: "L-ispettru tar-radju huwa ossiġenu ekonomiku, peress li jintuża minn kull persuna u minn kull negozju. Jekk jispiċċalna l-ispettru tar-radju, in-netwerks mobbli u l-broadband ma jaħdmux. Dan mhuwiex aċċettabbli. Għandna bżonn nużaw kemm jista' jkun din ir-riżorsa skarsa billi nużawha mill-ġdid u noħolqu suq uniku minnha. Għandna bżonn suq uniku għall-ispettru sabiex nerġgħu niksbu lura t-tmexxija industrijali globali fis-setturi mobbli u tad-dejta, u biex niġbdu aktar investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp."
Bħala l-ewwel miżura tal-Programm tal-UE dwar il-Politika tal-Ispettru tar-Radju l-ġdid (IP/12/141), illum il-Kummissjoni qed issejjaħ biex:
1) ir-regolaturi jappoġġaw l-innovazzjoni fit-teknoloġija bla fili billi jimmonitorjaw u potenzjalment jestendu l-meded ta' frekwenzi armonizzati tas-suq intern li ma jeħtieġu ebda liċenzja (l-hekk imsejħin meded eżenti minn liċenzja) permezz ta' miżuri xierqa li jaqgħu taħt is-setgħa tad-Deċiżjoni tal-Ispettru tar-Radju (676/2002/KE);
2) jitrawmu approċċi regolatorji konsistenti madwar l-UE kollha għall-kondiviżjoni tad-drittijiet tal-użu, li joffru inċentivi u ċertezza legali lill-utenti kollha (attwali jew ġodda) li jistgħu jikkondividu bejniethom ir-riżorsi prezzjużi tal-ispettru tar-radju.
Sfond
L-ispettru tar-radju huwa riżorsa estremament prezzjuża iżda li qed issir dejjem aktar skarsa. Tintuża dejjem aktar minn firxa wiesgħa ta' applikazzjonijiet f'diversi setturi u hija prerekwiżit għall-broadband mingħajr fili. Iż-żieda esponenzjali fid-domanda – xprunata, pereżempju, mill-apparat informatiku mobbli u l-hotspots tal-Wi-Fi iżda wkoll minn sistemi elettriċi intelliġenti u mill-awtomazzjoni industrijali – tfisser li l-Ewropa trid tuża din ir-riżorsa limitata b'mod aktar effiċjenti milli għamlet fil-passat.
Sorsi tal-industrija jbassru li t-traffiku globali tad-dejta mobbli se jiżdied b'26 % kull sena sal-2015. Sa dak iż-żmien, aktar minn 7 biljun telefown, tablet u apparat mobbli ieħor se jkun jista' jaqbad mal-internet.
Innovazzjonijiet oħra mingħajr fili li jużaw l-ispettru jinkludu s-sensuri mingħajr fili u l-kontrolli mill-bogħod li jħaddmu sistemi intelliġenti (e.ż. li jitfu d-dawl meta ma nkunux id-dar jew li jirregolaw is-sistemi tal-arja kkundizzjonata skont it-temperatura). Biss biss, fil-medda armonizzata eżenti mil-liċenzja tal- 863-870 MHz, kull sena fl-Ewropa jinbiegħ mill-inqas 40 miljun apparat mingħajr fili.
Madankollu, id-domanda dejjem tikber għall-konnettività mingħajr fili qed tħabbat wiċċha mal-limiti tal-ispettru tar-radju disponibbli. Pereżempju, ma fadalx aktar spettru battal u jiswa ħafna li jiġi riallokat l-ispettru għal użi ġodda, partikolarment jekk l-utenti attwali jkollhom jitfu l-apparat tagħhom.
Permezz tal-progress fit-teknoloġija, l-aċċess kondiviż tal-ispettru jagħmel disponibbli r-riżorsi addizzjonali mingħajr ma jikkomprometti d-drittijiet eżistenti tad-detentur tal-liċenzja li juża l-frekwenzi. Pereżempju, ħafna teknoloġiji ġodda mingħajr fili huma mfassla biex jikkondividu l-meded ta' frekwenzi li ma jeħtieġu l-ebda liċenzja (meded ta' frekwenzi eżenti minn liċenzja). Oħrajn jagħmlu disponibbli r-riżorsi addizzjonali tal-ispettru billi, pereżempju, jipprovdu servizzi ta' broadband mingħajr fili bejn il-frekwenzi tat-televiżjoni (l-hekk imsejħin 'spazji bojod').
Sabiex jiġu sfruttati l-benefiċċji ta' dawn l-approċċi għall-kondiviżjoni l-ispettru, jeħtieġ li jitneħħew l-ostakoli regolatorji u li jiġu pprovduti inċentivi fuq il-livell tal-UE. B'mod partikolari, l-approċċi regolatorji l-ġodda jeħtieġ li jagħtu lill-utenti differenti, inklużi d-detenturi attwali, drittijiet iggarantiti li jużaw medda ta' frekwenza partikolari bbażata fuq il-kondiviżjoni b'livelli ggarantiti ta' protezzjoni kontra l-interferenza.
L-implimentazzjoni li għaddejja bħalissa tal-inventarju tal-ispettru skont l-RSPP se tipprovdi informazzjoni dwar l-użu tal-meded ta' frekwenza u għalhekk tiffaċilita l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ta' kondiviżjoni vantaġġuża (BSO) fis-suq uniku kemm għall-ispettru lliċenzjat kif ukoll għal dak eżenti minn liċenzja. Il-BSOs, ladarba jkunu stabbiliti, jistgħu jitniżżlu fl-inventarju bħala punt ta' riferiment għal żoni ġeografiċi oħra jew għal użu simili f'meded ta' frekwenzi oħra.
Il-Kummissjoni tfittex l-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex fl-Ewropa jinħoloq dan l-ambjent regolatorju aktar avvanzat.
Ħoloq Siewja
MEMO/12/636 L-Aġenda Diġitali: Nisfruttaw l-ispettru tar-radju bl-aħjar mod billi jiġi kondiviż
Websajt dwar l-aċċess għall-Ispettru Kondiviż
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
Aġenda Diġitali: Politika tal-Ispettru tar-Radju
Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter
Kuntatti: Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU Linda Cain (+32 2 299 90 19) |