Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Settembru 2012

Il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew: 50 pajjiż jiftħu l-aċċess għal siti li rarament jinfetħu għall-pubbliku

Matul ix-xahar li ġej, aktar minn 20 miljun ruħ mistennija jieħdu vantaġġ mill-aċċess liberu għal eluf ta' siti li rarament jinfetħu għall-pubbliku kif ukoll minn avvenimenti speċjali bħala parti mill-Jiem tal-Patrimonju Ewropew li jiġu ċċelebrati kull Settembru f'50 pajjiż madwar l-Ewropa.

"Il-Jiem tal-Wirt Ewropew jipprovdu opportunità mill-aqwa għan-nies biex jiskopru teżori kulturali li ta' spiss jinsabu qrib ħafna ta' fejn joqogħdu. Uħud lanqas biss ma jkunu jafu bihom, filwaqt li oħrajn ikunu rarament aċċessibbli għall-pubbliku. Permezz tal-ftuħ tal-bibien tagħhom, dawn is-siti jiftħulna għajnejna u moħħna għall-wirt kulturali differenti li nikkondividu u li huwa l-ġawra tal-kuruna tal-Ewropa," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ.

Gabriella Battaini-Dragoni, il-Viċi Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, qalet: "Din l-inizjattiva konġunta hija mfaħħra ferm mill-koċittadini Ewropej tagħna. Is-suċċess tagħha, tul perjodu ta' 20 sena, hu dovut għall-fatt li ġiet xprunata fil-livell lokali mill-komunitajiet muniċipali u reġjonali. Kull sena, il-komunitajiet madwar l-Ewropa jsiru parti minn "familja kulturali" li tiċċelebra r-rikkezza immensa tal-patrimonju kulturali tagħna."

Varjetà inkredibbli ta' siti u avvenimenti se jinfetħu għall-pubbliku. Dawn ivarjaw mill-"wirt moħbi" ta' Franza - eżempji li rari jidhru jew mhux mistennija ta' wirt moħbi fil-ħitan, taħt l-art jew fil-pajsaġġ, l-arkivji ta' Marks & Spencer bbażati f'Leeds, il-ħanut li jifforma parti minn katina fir-Renju Unit magħruf għall-ħwejjeġ ta' taħt u għas-sandwiches, eżempji tar-rabta speċjali tal-Ġermanja mal-injam fil-forom kollu tiegħu sa miż-żminijiet Neolitiċi, u ċelebrazzjoni tal-"arti tal-bini" fi Brussell, il-Belġju, li jenfasizzaw l-inġinerija u l-avvanzi tekniċi li wasslu għall-evoluzzjoni tal-arkitettura.

Għadd ta' pajjiżi qed jipproduċu avvenimenti konġunti biex jenfasizzaw id-dimensjoni tal-inizjattiva. Spanja, l-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja, pereżempju, ħolqu websajt li se torbot il-mużewijiet tal-inbid fl-Ewropa; dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Slovenja, Franza u l-Belġju qed jikkooperaw fuq skambju taż-żgħażagħ u avveniment marbut mal-edukazzjoni dwar il-partimonju.

B’mod parallel, qed issir kompetizzjoni fotografika Wiki loves monuments, f'21 pajjiż Ewropew bl-għan li tħeġġeġ lill-pubbliku biex jiskopri s-sinifikat kulturali, storiku u xjentifiku tal-viċinat tiegħu.

Il-passi li jmiss

Bejn l-14 u s-16 ta' Ottubru, il-ħames Forum dwar il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew se jsir f'Nicosia, Ċipru, fil-preżenza tal-Kummissarju Androulla Vassiliou. Il-Forum se jiffoka fuq ir-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-wirt kulturali u biex jinkoraġġixxu lin-nies jaħdmu għall-preservazzjoni tiegħu.

L-isfond dwar il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew

Imnedija fl-1985, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew ilhom jiġu organizzati mill-1999 bħala inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa. Il-50 pajjiż firmatarju għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea jieħdu sehem fil-Jiem tal-Patrimonju Ewropew billi jeżibixxu t-teżori kulturali ġodda u billi jiftħu bini storiku li normalment ikun magħluq għall-pubbliku. L-avvenimenti kulturali jgħinu biex tingħata importanza lill-ħiliet u lit-tradizzjonijiet lokali, lill-arkitettura u lill-arti, kif ukoll ifittxu li jippromwovu l-fehim reċiproku fost iċ-ċittadini Ewropej.

Għal aktar tagħrif

Lista tal-avvenimenti

Il-Kummissjoni Ewropea: il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti :

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website