Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-31 ta' Awwissu 2012

Konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa: Fadal għaxart ijiem oħra!

Aktar minn 8404 ċittadin tal-UE diġà esprimew l-opinjoni tagħhom dwar il-ġejjieni tal-Ewropa billi ħadu sehem fil-konsultazzjoni wiesgħa bbażata fuq l-internet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-ġejjieni tal-Ewropa mnedija mill-Kummissjoni Ewropea – kif juru l-aħħar figuri ppubblikati llum. Fid-9 ta' Mejju, Jum l-Ewropa, il-Kummissjoni Ewropea għamlet sejħa liċ-ċittadini Ewropej biex jgħinu fit-tfassil tal-aġenda politika għas-snin li ġejjin u jsawru l-ġejjieni tal-Ewropa. (IP/12/461). Proposti dwar "Unjoni Politika","Federazzjoni Ewropea" jew “Stati Uniti tal-Ewropa" qegħdin f’ħalq kulħadd. Din il-kwistjoni importanti dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex tkun mitħaddta mill-politiċi biss iżda miċ-ċittadini wkoll. Fadal għaxart ijiem oħra għall-Ewropej biex ilissnu l-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet bħal "Kif tixtieq li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa fil-ġejjieni qrib? F'liema tip ta' Unjoni Ewropea tixtieq tgħix fl-2020?". Il-konsultazzjoni se tagħlaq fid-9 ta’ Settembru

"Fi żmien meta d-dibattitu politiku fl-Ewropa qed iħares lejn il-futur u jiddiskuti diversi xenarji għal Unjoni politika, ekonomika u monetarja ġenwina, huwa importanti li ċ-ċittadini jingħataw sehem fir-rigward tal-ġejjieni tagħhom. Din il-konsultazzjoni hija opportunità għall-Ewropej biex jgħinu fit-tfassil tal-aġenda tal-UE, f’'termini ta' drittijiet konkreti tagħhom bħala ċittadini tal-UE u b’mod aktar wiesa' liema direzzjoni jixtiequ jarawha tieħu fil-ġejjieni," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza. "Neħtieġu aktar intervent Ewropew, mhux inqas, biex noħorġu mill-kriżi. Għal dan, jeħtieġ li ninkludu ċ-ċittadini tagħna. Fuq kollox, l-Ewropa tikkonċerna d-drittijiet, it-tħassib u l-ġejjieni tagħhom. Għaldaqstant, għandhom ikunu ċ-ċittadini li jiggwidawna f'din l-isfida li noħolqu Ewropa aktar b'saħħitha u aktar integrata."

Il-konsultazzjoni tal-Kummissjoni 'Id-drittijiet tiegħek, il-ġejjieni tiegħek' tistaqsi wkoll lill-pubbliku dwar l-ostakli li fil-prattika jħabbtu wiċċhom magħhom iċ-ċittadini fil-ħajja tagħhom ta' kuljum, meta jkunu qegħdin jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta' ċittadini tal-UE jew meta jserrħu fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom li huma mnaqqxa fil-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni tixtieq issir taf dwar kwalunkwe diffikultà li qegħdin jiltaqgħu magħha l-Ewropej, kemm jekk isseħħ waqt l-ivvjaġġar fl-Ewropa, meta jinqasmu l-fruntieri, waqt il-votazzjoni jew meta wħud jikkandidaw ruħhom f'elezzjonijiet, jew meta jsir xiri onlajn.

Il-kontribut li jasal mill-konsultazzjoni se jiġi inkluż direttament fl-aġenda politika tal-Kummissjoni għas-snin li ġejjin u se jifforma l-bażi tar-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, li għandu jiġi ppreżentat fid-9 ta' Mejju tal-2013, f'Jum l-Ewropa li jmiss. Wara proposta mill-Kummissjoni, l-2013 għandha tkun is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (IP/11/959). Din se tkun opportunità għad-dibattitu dirett maċ-ċittadini fl-Istati Membri fl-hekk imsejħa “Djalogi maċ-ċittadini” – u l-ewwel wieħed huwa mistenni li jseħħ fis-27 ta' Settembru f 'Cadiz.

L-ewwel Rapport tal-UE dwar iċ-Ċittadinanza fl-2010 ta ħarsa ġenerali dwar 25 azzjoni konkreta (ara IP/10/1390 u MEMO/10/525) biex jitneħħew l-ostakli ffaċċjati miċ-ċittadini tal-UE fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom fl-UE. Minn dakinhar il-Kummissjoni ħadmet biex twettaq il-wegħdiet tagħha, pereżempju billi saħħet id-drittijiet tal-vittmi tal-kriminalità, naqqset l-burokrazija għal nies li jirreġistraw karozza f 'pajjiż ieħor tal-UE, ipprojbiet imposti żejda fuq il-karti tal-kreditu u kaxxi mmarkati minn qabel għax-xerrejja onlajn, u saħħet id-drittijiet għal proċess ġuridiku ġust għaċ-ċittadini kollha fl-UE.

Tliet xhur biss wara t-tnedija ta’ konsultazzjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa fid-9 ta’ Mejju, aktar minn 8404 ruħ ipparteċipaw u wieġbu l-kwestjonarju fuq l-internet. Fost dawn hemm ċittadini mill-Istati Membri kollha (9,9% ta' min wieġeb huma Franċiżi, 9.2% Ġermaniżi 8,9% Taljani, 7.6% Spanjoli u 8,5% huma Pollakki - fl-Anness tista' tara l-perċentwal ta' pajjiżek).

Il-kwestjonarju qasir jista' jimtela onlajn faċilment u jeħodlok biss 10 minuti minn ħinek. Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa sad-9 ta’ Settembru: http://ec.europa.eu/your-rights-your-future.

Sfond

Bis-saħħa taċ-ċittadinanza tal-UE – li ma tissostitwixxix iċ-ċittadinanza nazzjonali iżda tikkumplimentaha – iċ-ċittadini kollha tas-27 Stat Membru tal-UE jgawdu minn sensiela ta’ drittijiet addizzjonali bħala ċittadini tal-UE. Dawn jinkludu d-dritt għall-vot u għall-kandidatura fl-elezzjonijiet lokali u Ewropej fil-pajjiż tal-UE li jgħixu fih, id-dritt għal protezzjoni konsulari barra mill-pajjiż bl-istess kundizzjonijiet daqslikieku kienu ċittadini u d-dritt li jippreżentaw petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li jippreżentaw lment quddiem l-Ombudsman Ewropew, jew li jieħdu sehem f'Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini. Barra minn hekk, kull persuna li tgħix fl-Ewropa tista' tiddependi fuq id-drittijiet fundamentali li huma stabbiliti fil-Karta tal-UE tad-Drittijiet Fundamentali kulfejn tiġi applikata l-liġi tal-UE mill-istituzzjonijiet tal-UE jew implimentata mill-awtoritajiet nazzjonali.

L-EU Citizenship Report 2010 ddeskriva fil-qosor 25 azzjoni konkreta biex jitneħħew l-ostakli li fadal għaċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment ħieles fl-UE. Wieħed minn dawn huwa li jissaħħaħ l-għarfien tan-nies dwar l-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE, dwar id-drittijiet tagħhom u dwar xi jfissru dawn id-drittijiet fil-ħajja tagħhom ta' kuljum. Għalhekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-2013 tiġi ddikjarata s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini u li, matul dik is-sena, jiġu organizzati avvenimenti li għandhom fil-mira tagħhom iċ-ċittadinanza tal-UE u l-politika marbuta maċ-ċittadinanza.

Għal aktar tagħrif

Il-paġna ewlenija fuq l-internet tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/reding

Aqra wkoll dwar il-viżjoni tal-ġejjieni tal-Ewropea tal-Viċi President Reding:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/eufuture/index_en.htm

Konsultazzjoni pubblika:

http://ec.europa.eu/yourvoice

Ċittadinanza tal-UE:

http://ec.europa.eu/justice/citizen/index_mt.htm

Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/news/intro/news_intro_en.htm

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

ANNEX

Total number of replies: 8404

Breakdown by nationality

% of total number of replies (8404)

France

(9.9%)

Germany

(9.2%)

Italy

(8.9%)

Poland

(8.5%)

Spain

(7.6%)

Portugal

(7.3%)

Romania

(6%)

United Kingdom

(5.3%)

Greece

(4.5%)

Belgium

(3.6%)

Bulgaria

(3.1%)

Netherlands

(2.5%)

Hungary

(2.2%)

Austria

(1.7%)

Czech Republic

(1.6%)

Cyprus

(1.5%)

Malta

(1.4%)

Latvia

(1.4%)

Luxembourg

(1.4%)

Sweden

(1.3%)

Finland

(1.2%)

Other

(1.2%)

Ireland

(1%)

Estonia

(0.7%)

Denmark

(0.6%)

Slovakia

(0.6%)

Lithuania

(0.5%)

Slovenia

(0.5%)

N/A

(4.7%)

Breakdown by age group

% of total number of replies (8404)

18-30 years old

(34.9%)

31-45 years old

(33.3%)

46-65 years old

(22%)

Over 65 years old

(4.3%)

Less than 18 years old

(1.2%)

N/A

(4.3%)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website