Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Immappjar ta’ qiegħ il-baħar Opportunitajiet ġodda għal tkabbir u impjiegi blu fl-ibħra u l-oċeani

Commission Européenne - IP/12/920   29/08/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta’ Awwissu 2012

Immappjar ta’ qiegħ il-baħar Opportunitajiet ġodda għal tkabbir u impjiegi blu fl-ibħra u l-oċeani

L-oċeani u l-ibħra madwar l-Ewropa joffru opportunitajiet ġodda sabiex it-tkabbir u l–impjiegi jilħqu l-miri tal-Ewropa 2020. Sabiex inkunu nistgħu nisfruttaw dan il-potenzjal bl-aħjar mod possibbli, hemm bżonn inkunu nafu aktar dwar x'qed jiġri taħt il-baħar. Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li toħloq mappa diġitali ta’ taħt il-baħar tal-ilmijiet Ewropej sal-2020 billi tiġbor id-dejta kollha eżistenti f’bażi ta’ dejta koerenti aċċessibbli għal kulħadd. Fi Green Paper adottata llum dwar “L-Għarfien dwar il-Baħar”, il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar kif dan jista’ jintlaħaq. Tipproponi għadd ta' mistoqsijiet bħal "kif jistgħu l-isforzi dejjem għaddejjin fl-Istati Membri jiġu inkorporati fi sforz komuni tal-UE?",kif jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji ta’ osservazzjoni orħos?” u “kif jista’ jikkontribwixxi s-settur privat?Il-konsultazzjoni ser tibqa’ miftuħa sal-15 ta' Diċembru 2012.

Il-mappa waħda diġitali ġdida b’riżoluzzjoni multipla ta’ qiegħ il-baħar tal-ilmijiet Ewropej għandha tkun tal-ogħla riżoluzzjoni possibbli u tkopri t-topografija, il-ġeoloġija, il-ħabitats u l-ekosistemi. Għandha tkun akkumpanjata minn aċċess għal osservazzjonijiet u informazzjoni f’waqthom dwar l-istat fiżiku, kimiku u bijoloġiku tal-kolonna tal-ilma, minn dejta assoċjata dwar l-impatt tal-attivitajiet tal-bniedem, u minn tbassir oċeanografiku. Dan kollu għandu jkun faċilment aċċessibbli, interoperabbli u mingħajr restrizzjonijiet fuq l-użu. Għandu jkun sostnut minn proċess sostenibbli li jtejjeb progressivament l-adegwatezza għall-iskop tiegħu u jgħin lill-Istati Membri jimmassimizzaw il-potenzjal tal-programmi tagħhom ta’ osservazzjoni, teħid ta' kampjuni u stħarriġ tal-baħar.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet:L-Ekonomija Ewropea tista’ tibbenefika minn approċċ għall-għarfien dwar il-baħar aktar strutturat. Dan jista’ itejjeb il-kompetittività ta’ dawk li jkunu qed jaħdmu fl-ibħra u x-xtut tagħna bi EUR 300 miljun fis-sena. Jista’ jiġġenera opportunitajiet ġodda li jiswew EUR 200 miljun oħra fis-sena. Il-benefiċċji tat-tnaqqis fl-inċertezza huma aktar iebsa biex wieħed jikkalkulahom iżda aħna nikkalkulaw li jekk inkunu nistgħu nnaqqsu l-inċertezza taż-żieda tal-livell tal-baħar fil-futur b’25 % fis-sena, niffrankaw lil dawk inkarigati mill-protezzjoni tal-ixtut tal-Ewropa EUR 100 miljun fis-sena. L-ewwel sett ta’ proġetti pilota wera li dan l-approċċ huwa vijabbli. Aħna ser nibnu fuq il-lezzjonijiet li tgħallimna minn dawn il-proġetti."

L-oċeani u l-ibħra madwar l-Ewropa jistgħu jipprovdu impjiegi stimulanti u ta’ sodisfazzjon, li jilħqu l-aspettattivi taż-żgħażagħ tagħna. Jistgħu jipprovdu l-enerġija nadifa li għandna bżonn jekk irridu nevitaw katastrofi klimatika. Jistgħu jipprovdu l-proteina għal dieti tajbin għas-saħħa. Jistgħu jipprovdu prodotti farmaċewtiċi jew enzimi mill-organiżmi li jabitaw fl-ogħla estremitajiet ta’ temperatura, dlam, u pressjoni li tiltaqa’ magħhom il-ħajja. U jistgħu jkunu ta’ reazzjoni wkoll għall-ġuħ globali li qed jikber għall-materja prima mill-estrazzjoni f'baħar fond.

Dawn l-opportunitajiet ġodda għal tkabbir u impjiegi blu qegħdin jiġu xprunati minn żewġ żviluppi. L-ewwel nett, nuqqas ta’ art u ilma ħelu disponibbli qiegħed iħeġġeġ lill-bniedem biex jerġa’ jħares lejn ir-riżorsi fil-71 % mis superfiċje koperta bl-ilma mielaħ tal-pjaneta tagħna. It-tieni nett, l-avvanzi mgħaġġla fl-osservazzjoni taħt l-ilma, l-immaniġġjar fil-bogħod u t-teknoloġija tal-kostruzzjoni, żviluppata primarjament mill-industrija taż-żejt, tista’ tintuża f’medda ta’ industriji li għadhom jibdew taħt medda wiesgħa ta' kundizzjonijiet oċeanografiċi u meterjoloġiċi.

Sabiex jintlaħaq dan il-potenzjal, irridu nagħmluha aktar faċli għal kwalunkwe investiment possibbli. Irridu nbaxxu l-ispejjeż, innaqqsu r-riskji u nistimulaw l-innovazzjoni. U rridu niżguraw li din l-espansjoni tal-ekonomija blu tkun sostenibbli. Ir-riżorsi huma kbar iżda mhux infiniti. Għalhekk, irridu nkunu nafu dwar l-istat tal-baħar bħalissa u kif dan jista’ jinbidel fil-futur. Irridu nifhmu kif il-klima li qed tinbidel ser taffettwa l-oċean u viċi versa.

Bħalissa mijiet ta' istituzzjonijiet fl-Ewropa għandhom dejta. Huwa diffiċli li ssib dejta dwar parametru partikulari f’qasam partikulari, huwa kkumplikat biex tikseb awtorizzazzjoni biex tużaha, u tieħu ħafna ħin biex tgħaqqad dejta inkompatibbli b’mod reċiproku minn sorsi differenti fi stampa koerenti. Dan iżid mal-ispejjeż tal-operaturi tal-baħar u jfisser li ħafna attivitajiet potenzjali qatt ma jibdew.

L-għan tal-Kummissjoni huwa li taħdem flimkien mal-Istati Membri sabiex tiġbor flimkien ir-riżorsi u l-mekkaniżmi disponibbli biex twassal dak l-għarfien aċċessibbli għall-benefiċċju tal-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, ir-riċerkaturi u s-soċjetà.

Sfond

Il-Komunikazzjoni 'L-Għarfien dwar il-Baħar 2020’ ta' Settembru 2010 uriet li ġestjoni aħjar tal-osservazzjonijiet u d-dejta tal-baħar tnaqqas in-nefqa ta’ operazzjonijiet fil-baħar, tistimula l-innovazzjoni u tnaqqas l-inċertezza rigward l-imġiba tal-baħar fil-futur.

L-ewwel sett ta’ azzjonijiet preparatorji taħt il-Politika Marittima Integrata tal-UE nieda prototipi ta' pjattaformi tad-dejta li jipprovdu aċċess għad-dejta tal-baħar miżmuma minn korpi pubbliċi Ewropej. Sitt gruppi tematiċi ta’ assemblaġġ — għall-idrografija, il-ġeoloġija, il-fiżika, il-kimika, il-bijoloġija u l-ħabitats fiżiċi — laqqgħu flimkien netwerk ta’ 53 organizzazzjoni. Fl-istess żmien twaqqaf servizz tal-baħar taħt il-programm Ewropew ta' monitoraġġ tad-dinja (GMES) bl-użu ta' satellita u dejta in situ biex jipprovdi tbassir oċeanografku u l-Qafas tal-Ġbir tad-Dejta tal-UE stabbilixxa proċess għal ġabra struttura ta' dejta dwar is-sajd. L-Istati Membri tal-UE ukoll huma attivi.

Għal aktar tagħrif:

Ħolqa għall-Għarfien dwar il-Baħar

http://ec.europa.eu/maritimeaffairs/policy/marine_knowledge_2020/index_mt.htm

http://ec.europa.eu/dgs/maritimeaffairs_fisheries/consultations/marine-knowledge-2020/index_en.htm

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site