Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-UE tilqa' l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO wara 18-il sena ta’ negozjati

European Commission - IP/12/906   22/08/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2012

L-UE tilqa' l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO wara 18-il sena ta’ negozjati

Illum, wara 18-il sena ta' negozjati, ir-Russja se tingħaqad mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) bħala l-156 membru tagħha. Din l-adeżjoni hija partikolarment importanti għall-UE, peress li l-UE hija l-ewwel sieħba kummerċjali tar-Russja u r-Russja hija t-tielet sieħba kummerċjali tal-UE. Għall-ewwel darba ż-żewġ entitajiet se jkunu marbuta b'regoli u obbligazzjonijiet multilaterali għall-kummerċ ta' bejniethom.

"L-adeżjoni tal-lum fid-WTO hija pass importanti biex ir-Russja tintegra aktar ruħha fl-ekonomija dinjija", qal il-Kummissarju tal-UE għall-Kummerċ Karel De Gucht. "Din se tiffaċilita l-investiment u l-kummerċ, se tgħin biex jitħaffef l-immodernizzar tal-ekonomija Russa u se toffri ħafna opportunitajiet kummerċjali għall-kumpaniji Russi kif ukoll dawk Ewropej. Jiena fiduċjuż li r-Russja se tissodisfa r-regoli u l-istandards internazzjonali tal-kummerċ hekk kif ikkommettiet ruħha li tagħmel."

L-adeżjoni fid-WTO se jkollha impatt pożittiv fuq il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-investiment bejn ir-Russja u l-Unjoni Ewropea. Il-pożizzjoni ġeografika tar-Russja u l-importanza tas-suq tagħha f'termini ta' volum u tkabbir jagħmluha sieħba kummerċjali importanti ħafna għall-UE. B'konsegwenza tal-adeżjoni fid-WTO, ir-Russja, fost oħrajn, se tnaqqas id-dazji tagħha fuq l-importazzjoni, se tillimita d-dazji tagħha fuq l-esportazzjoni, se tagħti aċċess akbar għas-suq lill-fornituri tas-servizzi tal-UE u se tiffaċilita r-regoli u l-proċeduri f'ħafna oqsma li jaffettwaw ir-relazzjonijiet ekonomiċi bilaterali. Ir-regolamenti dwar il-proċeduri tad-dwana, l-użu ta' miżuri dwar is-saħħa u s-sanità, l-istandards tekniċi u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali għandhom importanza partikolari.

Ir-Russja se tkun soġġetta għar-regoli tad-WTO f'dawn l-oqsma kollha, inklużi l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ u infurzar. L-UE, flimkien mas-sħab kummerċjali tagħha, qiegħda f'kuntatt mar-Russja sabiex tiżgura li din tirrispetta dawn l-impenji tad-WTO. Jidher li ċerta leġiżlazzjoni li ġiet implimentata jew proposta dan l-aħħar qed tistona mal-impenji tar-Russja u se tkun ta' tfixkil għal membri oħra tad-WTO li qed igawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji mistennija mill-adeżjoni tar-Russja fid-WTO. L-UE hija partikolarment imħassba dwar il-leġiżlazzjoni l-ġdida li ġiet proposta li tistipula miżata fuq ir-riċiklaġġ tal-karozzi li tista' tkun diskriminatorja kontra vetturi importati, u għalhekk tispera li din il-leġiżlazzjoni ma tiġix adottata.

L-isfond

Ir-Russja hija t-tielet sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-ewwel sieħba kummerċjali tar-Russja.

  • L-esportazzjonijiet tal-UE lejn ir-Russja fl-2011: EUR 108.4 biljun

  • L-importazzjonijiet fl-UE mir-Russja fl-2011: EUR 199.5 biljun

  • It-total tal-kummerċ f'merkanzija fl-2011: EUR 308 biljun

L-esportazzjonijiet ewlenin tal-UE lejn ir-Russja huma l-karozzi (EUR 7 biljuni), il-mediċini (EUR 6 biljuni), il-parts tal-karozzi (EUR 3.5 biljuni), it-telefons u l-parts tagħhom (EUR 2.5 biljuni) u t-trakters (EUR 1 biljun). L-importazzjonijiet mir-Russja lejn l-UE ikopru prinċipalment materja prima. L-importazzjonijiet ewlenin huma ż-żejt (mhux maħdum u raffinat: EUR 130 biljun) u l-gass (EUR 24 biljun). Għal dawn il-prodotti, kif ukoll għal materja prima oħra importanta, ir-Russja impenjat ruħha li tillimita d-dazji tagħha fuq l-esportazzjoni.

Il-bidliet ewlenin marbuta mal-adeżjoni tar-Russja fid-WTO jikkonċernaw it-titjib fl-aċċess għas-suq għall-merkanzija u s-servizzi. Id-dazji fuq l-importazzjoni ta' prodotti ser jonqsu minn medja attwali ta’ 10% għal medja ta' 7,8 %. F’xi setturi importanti, bħal dak tal-karozzi, it-tnaqqis fid-dazju fuq l-importazzjoni huwa aktar sinifikanti (tnaqqis minn dak attwali ta' 30% għal 25% fil-mument tal-adeżjoni u mbagħad għal 15% wara 7 snin). Huwa stmat li t-tnaqqis fit-tariffa globali se jirriżulta f'tifdil ta' EUR 2.5 biljun fis-sena f'dazji fuq l-importazzjoni għall-esportaturi tal-UE. Barra minn hekk, it-tariffi mnaqqsa huma stmati li se jistimolaw EUR 3.9 biljun fis-sena f'esportazzjonijiet addizzjonali mill-UE lejn ir-Russja.

Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, ir-Russja se tneħħi gradwalment il-limiti attwali tal-ekwità tagħha (49%) għall-investituri barranin fi żmien 4 snin. Barra minn hekk, l-adeżjoni tar-Russja fid-WTO tkopri firxa ta' kwistjonijiet regolatorji inklużi r-regoli sanitarji u fitosanitarji, id-dwana u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

L-UE hija l-akbar investitur barrani fir-Russja, b'investimenti li fl-2010 kienu jiswew madwar EUR 120 biljun. Fl-2010, l-investimenti Russi fl-UE kienu jammontaw għal EUR 42 biljun.

Għal aktar tagħrif

Ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u r-Russja:

http://ec.europa.eu/trade/creating-opportunities/bilateral-relations/countries/russia/

Stqarrija għall-istampa: L-UE tilqa' l-konklużjoni tal-adeżjoni tar-Russja fid-WTO, l-10 ta’ Novembru 2011

IP/11/1334

Kuntatti :

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

John Clancy (+32 2 295 37 73)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website