Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Awwissu 2012

Ambjent: Regoli ġodda dwar l-iskart elettroniku biex tingħata spinta lill-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi

Illum jidħlu fis-seħħ ir-regoli mtejba dwar il-ġbir u t-trattament tal-iskart elettroniku. Skart elettroniku (jiġifieri skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku, jew STEE) huwa wieħed mill-flussi ta' skart li qed jikber l-aktar malajr, u joffri opportunitajiet sostanzjali sabiex materja prima sekondarja tibda tkun disponibbli fis-suq. Ġbir sistematiku u trattament xieraq huma prekundizzjoni għar-riċiklaġġ ta' materjali bħad-deheb, il-fidda, ir-ram u l-metalli rari użati fit-TVs, laptops u mowbajls. Id-Direttiva l-ġdida hija pass ċar 'il quddiem mil-lat ta' protezzjoni ambjentali u spinta qawwija għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi fl-Ewropa.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "F'dawn iż-żminijiet ta' taqlib ekonomiku u prezzijiet dejjem telgħin għall-materja prima, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi hija fejn jingħaqdu flimkien il-vantaġġi ambjentali u l-opportunitajiet tat-tkabbir innovattiv. Issa rridu niftħu kanali ġodda għall-ġbir ta' skart elettroniku u ntejbu l-effikaċja ta' dawk eżistenti. Jien inħeġġeġ l-Istati Membri biex jilħqu dawn il-miri ġodda qabel l-iskadenza formali."

Id-Direttiva li tidħol fis-seħħ illum tintroduċi mira ta' ġbir ta' 45 % ta' tagħmir elettroniku mibjugħ li se tapplika mill-2016 u, bħala t-tieni stadju mill-2019, mira ta' 65 % tat-tagħmir mibjugħ, jew 85 % tal-iskart elettroniku ġġenerat. L-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu wieħed minn dawn iż-żewġ modi ekwivalenti biex ikejlu l-mira li jixtiequ jirrappurtaw. Mill-2018, id-Direttiva se tkun estiża mill-kamp ta' applikazzjoni ristrett attwali tagħha għall-kategoriji kollha ta' skart elettroniku, soġġett għal valutazzjoni tal-impatt minn qabel.

Id-Direttiva tagħti lill-Istati Membri l-għodda biex tiġi miġġielda b'mod aktar effikaċi l-esportazzjoni illegali tal-iskart. Il-vjeġġi illegali ta' STEE huma problema serja, speċjalment meta jkunu ppreżentati b'mod qarrieq bħala vjeġġi legali ta' tagħmir użat biex jiġu evitati r-regoli tal-UE dwar it-trattament tal-iskart. Id-Direttiva l-ġdida se tobbliga lill-esportaturi jittestjaw jekk it-tagħmir jaħdimx jew le, u jipprovdu dokumenti dwar in-natura tal-vjeġġi fejn ikun hemm suspett li huma illegali.

Titjib ieħor mistenni huwa t-tnaqqis tal-piż amministrattiv permezz tal-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti nazzjonali ta' reġistrazzjoni u rappurtar. Rekwiżiti mir-reġistri tal-Istati Membri għall-produtturi tal-iskart elettroniku issa se jkunu allinjati aktar mill-qrib.

Attwalment terz biss tal-iskart elettriku u elettroniku fl-UE jinġabar separatament fi ħdan is-sistema dokumentata. Il-mira attwali tal-UE għall-ġbir hija ta' 4 kg ta' STEE per capita, li tirrappreżenta 2 miljun tunnellata fis-sena, minn madwar 10 miljun tunnellata ta' STEE ġġenerati annwalment fl-UE. Sal-2020, huwa stmat li l-volum ta' STEE se jiżdied sa 12-il miljun tunnellata. Il-mira finali tad-Direttiva l-ġdida, li hija ta' 85 % tal-STEE kollu ġġenerat, se tiżgura li fl-2020 madwar 10 miljun tunnellata, jew madwar 20 kg per capita, se jinġabru separatament fl-UE.

Il-passi li jmiss

Sa mhux aktar tard mill-14 ta' Frar 2014, l-Istati Membri se jkollhom jemendaw il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-STEE u jallinjawha mad-Direttiva l-ġdida u l-miri l-ġodda. Il-konsumaturi jistgħu jirritornaw lura skart elettroniku żgħir fi ħwienet kbar sakemm ma jintweriex li skemi alternattivi jistgħu jkunu daqstant ieħor effikaċi. Mid-data tat-traspożizzjoni 'l quddiem, se tapplika inverżjoni tal-obbligu tal-provi għall-vjeġġi ta' tagħmir użat fejn ikun hemm suspett li huma vjeġġi ta' skart illegali.

Mill-2016 'il quddiem, l-Istati Membri se jkollhom jiżguraw li jinġabar 45 % tat-tagħmir elettriku u elettroniku mibjugħ f'kull pajjiż.

Mill-2018 'il quddiem, il-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva se jiġi estiz mill-kategoriji attwali għat-tagħmir elettriku u elettroniku kollu.

Mill-2019 'il quddiem, il-mira ta' ġbir se tittella' sa 65 % tat-tagħmir elettriku u elettroniku mibjugħ, jew il-miżura alternattiva ta' 85 % tal-STEE ġġenerat.

Xi Stati Membri se jkunu jistgħu jidderogaw mill-miri l-ġodda għal perjodu limitat, fejn dan ikun ġustifikat minn nuqqas ta' infrastruttura meħtieġa jew livelli baxxi ta' konsum ta’ tagħmir elettroniku. Il-Kummissjoni se tuża s-setgħat mogħtija fid-Direttiva l-ġdida biex tarmonizza l-frekwenza tar-rappurtar mill-produtturi lir-reġistri nazzjonali, u l-format tar-reġistrazzjoni u r-rappurtar. Il-Kummissjoni se tanalizza ċerti tibdiliet miftiehma fid-Direttiva l-ġdida, pereżempju fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, sabiex jiġi identifikat kwalunkwe effett mhux mixtieq.

Sfond

Id-Direttiva dwar l-STEE eżistenti (Id-Direttiva 2002/96/KE) ilha fis-seħħ minn Frar 2003. Fiha huwa previst il-ħolqien ta' skemi ta' ġbir fejn il-konsumaturi jirritornaw l-iskart elettroniku użat tagħhom mingħajr ħlas. L-iskop huwa li tiġi evitata ħsara għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn sustanzi ta' ħsara li jinsabu fl-STEE, u biex jiżdied ir-riċiklaġġ u/jew l-użu mill-ġdid ta' prodotti u materjali. F'Diċembru 2008, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva STEE rriformulata, u issa din ġiet immodifikata u adottata mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/environment/waste/weee/index_en.htm

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site