Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Informazzjoni aħjar għaċ-ċittadini dwar riskji ta’ inċidenti maġġuri

European Commission - IP/12/897   13/08/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Awwissu 2012

L-ambjent: Informazzjoni aħjar għaċ-ċittadini dwar riskji ta’ inċidenti maġġuri

Regoli ġodda li jidħlu fis-seħħ illum se jfissru li ċ-ċittadini tal-UE se jkunu infurmati aħjar dwar theddid serju li jirriżulta minn impjanti industrijali li jinsabu qribhom. Ir-regoli huma parti minn aġġornament mill-bqija tekniku tad-Direttiva Seveso, strument essenzjali fl-immaniġġjar tar-riskji industrijali, li qed jiġi adattat biex jirrifletti ċerti bidliet fil-klassifikazzjoni internazzjonali u Ewropea tas-sustanzi kimiċi. Id-Direttiva tobbliga lill-Istati Membri jfasslu pjanijiet ta’ emerġenza għal żoni li jinsabu madwar l-installazzjonijiet industrijali fejn insibu kwantitajiet kbar ħafna ta’ sustanzi perikolużi.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Seveso III se tfisser protezzjoni aħjar għaċ-ċittadini u għall-ambjent minn inċidenti maġġuri. Se tfisser ukoll li ċ-ċittadini jkunu infurmati aħjar, u jkunu aktar involuti fid-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar tal-użu tal-art.”

Minbarra l-aġġornamenti tekniċi li jqisu l-bidliet fil-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi tal-UE, it-titjib ewlieni għaċ-ċittadini jinvolvi:

  • Aċċess aħjar għaċ-ċittadini għal informazzjoni dwar riskji li jirriżultaw mill-attivitajiet ta’ installazzjonijiet industrijali fil-qrib, u dwar kif wieħed għandu jġib ruħu f’każ ta’ inċident; dan se jżid ukoll il-fiduċja fil-funzjonament ta’ dawn il-kumpaniji

  • Regoli aktar effikaċi dwar il-parteċipazzjoni, mill-pubbliku kkonċernat, fi proġetti ta’ ppjanar tal-użu tal-art relatati mal-impjanti koperti mid-Direttiva Seveso

  • Aċċess għall-ġustizzja għaċ-ċittadini li ma ngħatawx aċċess xieraq għall-informazzjoni jew għall-parteċipazzjoni

  • Standards aktar stretti għall-ispezzjonijiet ta’ stabbilimenti biex jiġi żgurat infurzar aktar effikaċi tar-regoli tas-sikurezza.

Minn issa ‘l quddiem, informazzjoni pubblika dwar ir-riskji trid tkun disponibbli elettronikament. L-istabbilimenti kollha koperti mil-leġiżlazzjoni se jkollhom jipprovdu informazzjoni dwar kif se jissemmgħu t-twissijiet, u dwar kif għandhom jaġixxu ċ-ċittadini f’każ ta’ inċident maġġuri. Meta jseħħ inċident, l-awtoritajiet rilevanti se jkollhom jinformaw lil kull min jista’ jiġi affettwat minnu, filwaqt li jikkomunikaw il-miżuri meħuda biex jindirizzawh. Bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar tal-użu tal-art se jfissru l-introduzzjoni ta’ distanza xierqa ta’ “sikurezza” fil-pjanijiet għal stabbilimenti u infrastrutturi ġodda qrib ta’ stabbilimenti eżistenti. Ir-rekwiżiti proċedurali għal konsultazzjoni pubblika dwar proġetti, pjanijiet u programmi saru aktar stretti. Meta l-awtoritajiet u l-istabbilimenti jivvalutaw potenzjalitajiet ta’ inċidenti maġġuri u jadottaw miżuri biex jindirizzawhom, se jkollhom iqisu aħjar riskji potenzjali akbar minħabba l-qrubija ta’ siti industrijali oħrajn u r-riperkussjonijiet potenzjali fuq installazzjonijiet li jinsabu fil-qrib.

Il-passi li jmiss

L-Istati Membri se jkollhom japplikaw dawn ir-regoli mill-1 ta’ Ġunju 2015, li hija wkoll id-data meta l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar il-klassifika tas-sustanzi kimiċi se ssir applikabbli bis-sħiħ fl-Ewropa.

Sfond

Il-leġiżlazzjoni Seveso dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti maġġuri ilha mill-1982. Din tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-operaturi kollha koperti mid-Direttiva jkollhom implimentata politika biex jipprevjenu inċidenti maġġuri. L-operaturi li jimmanipulaw sustanzi perikolużi fi kwantitajiet ogħla minn ċerti livelli limitu jridu jinformaw regolarment lill-pubbliku li x’aktarx jiġi affettwat minn inċident, jipprovdu rapporti dwar is-sikurezza, sistema ta’ mmaniġġjar sikur, u pjan intern ta’ emerġenza. Il-leġiżlazzjoni tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjanijiet ta’ emerġenza jkunu implimentati għaż-żoni tal-madwar u li l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni jkunu ppjanati. Dawn l-għanijiet għandhom jitqiesu fl-ippjanar tal-użu tal-art.

Il-leġiżlazzjoni Seveso titqies li kienet strumentali fit-tnaqqis tal-eventwalità u l-konsegwenzi ta’ inċidenti maġġuri li jinvolvu sustanzi perikolużi, peress li l-għadd ta’ inċidenti rrapportati naqas b’10 % bejn l-2000 u l-2008, minkejja żieda fl-għadd tal-istabbilimenti. Dan l-approċċ ġie kkuppjat mad-dinja kollha.

Id-Direttiva tkopri madwar 10 000 sit industrijali fiss li jużaw jew jaħżnu sustanzi perikolużi fi kwantitajiet kbar, l-aktar fis-setturi tas-sustanzi kimiċi, tal-petrokimiċi, tal-ħżin, u tar-raffinerija tal-metalli. L-approċċ għal-livell ta’ kontrolli huwa wieħed iggradat: akbar ma jkunu l-kwantitajiet ta’ sustanzi perikolużi fi stabbiliment, aktar ikunu stretti r-regoli (stabbilimenti fil-gradi superjuri jkollhom kwantitajiet ikbar minn stabbilimenti fil-gradi inferjuri, u għalhekk huma soġġetti għal kontroll aktar strett).

Fl-2008, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew adottaw ir-Regolament CLP dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jadatta s-sistema tal-UE għas-sistema l-ġdida internazzjonali tal-klassifikazzjoni tas-sustanzi kimiċi tan-NU (il-GHS jew is-Sistema Globalment Armonizzata). Din min-naħa l-oħra ħolqot il-ħtieġa għal adattament tad-Direttiva Seveso, peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa bbażat fuq il-klassifikazzjoni preċedenti tas-sustanzi kimiċi li se titħassar mir-Regolament CLP f’Ġunju 2015. Dan l-adattament kien l-opportunità biex jittejbu aspetti oħrajn tad-Direttiva, inklużi b’mod partikolari l-ispezzjonijiet tal-istabbilimenti u l-informazzjoni pubblika, il-parteċipazzjoni u l-aċċess għall-ġustizzja.

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/seveso/index.htm

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website