Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet għat-titjib tas-sitwazzjoni għaċ-ċittadini li xtraw proprjetà fuq il-kosta Spanjola

Commission Européenne - IP/12/880   03/08/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Awwissu 2012

Il-Kummissjoni tilqa' b'sodisfazzjon il-pjanijiet għat-titjib tas-sitwazzjoni għaċ-ċittadini li xtraw proprjetà fuq il-kosta Spanjola

Illum, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, laqgħet b'sodisfazzjon dikjarazzjoni minn Spanja li biħsiebha ttejjeb iċ-ċertezza legali għas-sidien tal-proprjetà tul il-kosta Spanjola li ġew affettwati mil-Liġi Kostali. Il-Liġi Kostali (Ley de Costas) għandha l-għan li tħares l-abitati lokali billi tiddikjara żona madwar il-kosta kollha bħala dominju pubbliku. Madankollu, il-proprjetarji fiż-żona qed jgħidu li l-liġi – u l-mod kif ġiet applikata - tikser id-drittijiet tagħhom. Bosta minn dawk affettwati mil-Liġi Kostali huma ċittadini Ewropej li eżerċitaw id-dritt tagħhom ta' moviment ħieles u investew it-tfaddil tagħhom fil-proprjetà Spanjola.

Il-Kummissjoni Ewropea qajmet din il-kwistjoni mal-awtoritajiet Spanjoli f’diversi okkażjonijiet wara li rċeviet għadd kbir ta’ lmenti kemm minn ċittadini Spanjoli kif ukoll minn ċittadini oħra tal-UE. Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew organizza seduta speċifika dwar din il-kwistjoni u ħeġġeġ lill-awtoritajiet Spanjoli sabiex jirrevedu l-Ley de Costas.

Spanja issa qed tipproponi li tirriforma l-liġi sabiex jiġi żgurat ħarsien effettiv tal-ambjent kostali filwaqt li tingħata iktar ċertezza legali lill-proprjetarji u jiġu promossi l-attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet oħrajn bħad-divertiment u t-turiżmu.

"Il-Gvern Spanjol għandu raġun iħares il-kosta sabiħa ta' Spanja u nixtieq nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi għall-isforzi li issa qed jagħmel biex dan iwettqu b'mod li jtejjeb iċ-ċertezza legali u l-proċess korrett tal-liġi għal ċittadini li huma sidien ta' proprjetà fuq il-kosta Spanjola jew li qed jikkunsidraw li jsiru sidien. L-abbozz preliminari tal-liġi se jkun disponibbli onlajn fil-ġimgħat li ġejjin u jiena nsejjaħ lil kull min għandu interess f'din il-kwistjoni - pereżempju min huwa s-sid ta' proprjetà fi Spanja jew min jixtieq jixtri proprjetà hemm – biex jagħti ħarsa lejn l-abbozz tal-liġi onlajn biex jifhem dawn il-bidliet xi jkunu jfissru u jagħmel il-kummenti li jkunu meħtieġa," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE. "Il-liġi Spanjola l-ġdida għandha l-għan li ttejjeb iċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej u għalhekk li ttejjeb ukoll il-fiduċja tagħhom meta jinvestu f'ambjent legali barrani. Din hija aħbar tajba għaċ-ċittadini, iżda wkoll għall-ekonomija Spanjola."

Sfond

L-abbozz tal-liġi jestendi l-perjodu tal-konċessjoni eżistenti għat-tgawdija tal-pussess ta' proprjetajiet mibnija fiż-żona protetta (dominju pubbliku) minn 30 sena għal 75 sena. Jintroduċi wkoll il-possibilità li dan l-interess fil-proprjetà jinbiegħ - suġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel -, u li jsiru rinnovamenti tal-bini li jinsab f’din iż-żona, sakemm dan ma jkunx jimplika bidla fil-volum, fl-għoli jew fis-superfiċje tal-proprjetà. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni pubblika se tkun obbligata li tirreġistra l-linja ta' demarkazzjoni definittiva u proviżorja fir-reġistru tal-proprjetà, sabiex ix-xerrejja jkunu infurmati aħjar dwar jekk il-proprjetà tinsabx f'żona protetta u dwar il-post eżatt u l-estensjoni ta' din iż-żona. Il-linji ta' demarkazzjoni se jiġu ppubblikati wkoll fuq il-websajt tal-Ministeru Spanjol għall-Ambjent.

Ċittadini affettwati mil-Liġi Kostali ta' Spanja jinkludu kemm ċittadini Spanjoli kif ukoll ċittadini oħrajn tal-UE li għandhom proprjetajiet fuq il-kosta Spanjola.

Fi Spanja jgħixu madwar 2.3 miljun ċittadin minn pajjiżi oħrajn tal-UE, li jammontaw għal 5% tal-popolazzjoni. Dawn jinkludu madwar 367,000 ċittadin tal-Gran Brittannja, 238,000 Ġermaniż, 225,000 Franċiż, 99,000 Taljan, 52,000 Olandiż u 17,000 Irlandiż.

Mill-2010, il-Viċi President Viviane Reding qajmet il-kwistjoni ripetutament f'serje ta' ittri u laqgħat fuq livell tekniku mal-awtoritajiet Spanjoli, sabiex tiġbdilhom l-attenzjoni għas-sitwazzjoni taċ-ċittadini tal-UE affettwati.

Fit-13 ta' Lulju 2012, il-Gvern Spanjol adotta abbozz preliminari ta' liġi sabiex jemenda l-Liġi Kostali tal-1988. Taqsira bl-Ingliż tal-proposta issa hija disponibbli fuq il-websajt tal-Ministeru Spanjol għall-Ambjent:

http://www.magrama.gob.es/en/costas/temas/anteproyecto.aspx

Iċ-ċittadini jistgħu jikkummentaw fuq l-abbozz billi jibagħtu ittra elettronika lil:

informacionmma@magrama.es.

Għal aktar tagħrif

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 297 24 59)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site