Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Awwissu 2012

It-talbiet għad-dokumenti tal-Kummissjoni jiżdiedu għall-għaxar sena konsekuttiva

L-aħħar rapport annwali dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti, li ħareġ illum, juri li saru 6,447 talba għal dokumenti tal-Kummissjoni fl-2011. Dan jitqabbel ma’ 6,361 fl-2010 – u 450 biss meta r-regoli attwali daħlu fis-seħħ fl-2001.

Din iż-żieda relattivament żgħira meta mqabbla mas-snin preċedenti timplika li t-talbiet bdew jistabbilizzaw ruħhom, forsi hekk kif id-dritt għall-aċċess għad-dokumenti qed jistabbilixxi ruħu sew f’moħħ il-pubbliku. Fattur ieħor jista’ jkun id-daqs li dejjem jikber tar-reġistru pubbliku permanenti tad-dokumenti tal-Kummissjoni, li jagħmel talbiet ad hoc inqas neċessarji. Żdiedu 19,956 dokument ieħor fir-reġistru pubbliku fl-2011, żieda ta’ 7% fuq it-18,661 dokument li żdiedu fir-reġistru fl-2010.

Il-Viċi President Maroš Šefčovič qal: "Il-Kummissjoni tittratta bil-bosta l-akbar numru ta’ talbiet għall-aċċess għad-dokumenti fost l-istituzzjonijiet tal-UE, u bħas-sena l-oħra, aħna tajna aċċess f'aktar minn erbgħa minn ħames każijiet. Irridu nkunu miftuħa u trasparenti kemm jista' jkun, u saħħaħna dan l-approċċ bit-tnedija tal-Portal dwar it-Trasparenza f’Ġunju li għadda."

Fl-2011, it-tassazzjoni u l-unjoni doganali qabżu lill-kompetizzjoni bħala l-aktar qasam ta’ politika popolari għal talbiet għad-dokumenti. L-akbar proporzjon tat-talbiet - 21.42% - ġew mill-Belġju. Mill-Italja oriġinaw 12.37%, segwita mill-qrib mill-Ġermanja bi 12.27%.

F’ċerti ċirkustanzi limitati definiti mil-leġiżlazzjoni (ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001), il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta li tipprovdi dokument. Bħal fi snin preċedenti, l-aktar raġuni komuni għal dan kienet il-protezzjoni tal-għan tal-ispezzjonijiet, l-investigazzjonijiet u l-awditjar.

Dan jirrifletti l-fatt li ħafna talbiet jikkonċernaw interess speċifiku u privat, aktar milli interess ġenerali u pubbliku. Il-kwerelanti fi proċedimenti ta' ksur, il-kompetituri jew il-vittmi allegati ta’ mġiba antikompetittiva huma fost dawk li jitolbu għal dokumenti ta' interess għalihom infushom, iżda li spiss ma jistgħux ikunu pubblikament disponibbli mingħajr ma ssir ħsara lil interess kumpensatorju leġittimu.

Ir-Rapport Annwali dwar l-Aċċess għad-Dokumenti tal-2011:

http://ec.europa.eu/transparency/access_documents/docs/com_2012_429_en.pdf

Il-Portal dwar it-Trasparenza, b’informazzjoni dwar l-aċċess għad-dokumenti:

http://ec.europa.eu/transparency/index_mt.htm

Kuntatti :

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website