Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-kostruzzjoni: nisfruttaw il-potenzjal ta' bini li juża ftit enerġija biex terġa' tinqabad it-triq tat-tkabbir

Commission Européenne - IP/12/869   31/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 31 ta' Lulju 2012

Il-kostruzzjoni: nisfruttaw il-potenzjal ta' bini li juża ftit enerġija biex terġa' tinqabad it-triq tat-tkabbir

Minkejja l-vantaġġi ekonomiċi u ambjentali, il-kummerċjalizzazzjoni ta' bini li juża ftit enerġija u li għandu potenzjal kbir li jnaqqas is-CO2 u l-ispejjeż tal-enerġija, xorta għadha limitata. Is-settur tal-kostruzzjoni jipprovdi aktar minn 10% tal-impjiegi totali tal-UE. Għalhekk, sabiex tippromwovi s-settur tal-kostruzzjoni bħala forza fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir sostnut għall-ekonomija b’mod ġenerali, il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat strateġija biex tagħti spinta lis-settur.

L-elementi ewlenin tagħha jinkludu l-istimolu ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-investiment, b’mod partikolari fir-rinnovazzjoni u l-manutenzjoni tal-bini. Pereżempju, billi jkun inkoraġġit biex jibda jintuża l-pakkett ta’ massimu ta’ EUR 120 biljun f’self li huwa disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bħala parti mill-Patt Ewropew għat-Tkabbir u l-Impjiegi ta' Ġunju li għadda. It-tieni, bili tingħata spinta lill-innovazzjoni u jittejbu l-kwalifiki tal-ħaddiem billi tiġi promossa l-mobbiltà. It-tielet, billi tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi billi jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku ta’ sistemi sostenibbli tal-kostruzzjoni fl-UE. Ir-raba’, billi jiġu pprovduti kodiċijiet ta’ prassi ta’ disinn standard għall-kumpaniji tal-kostruzzjoni biex ikun aktar faċli għalihom li jaħdmu fi Stati Membri oħrajn. Fl-aħħarnett, billi tittrawwem il-pożizzjoni globali tal-intrapriżi Ewropej tal-kostruzzjoni biex jiġu stimulati l-prestazzjoni tajba u l-istandards sostenibbli f'pajjiżi terzi.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "Fil-kriżi ekonomika u soċjali gravi attwali, il-bini li juża ftit enerġija huwa investiment sikur u vijabbli għas-soċjetà u għall-investituri privati. Is-settur tal-kostruzzjoni għandu jara din bħala opportunità biex jinnova u jattira talent ġdid. It-teknoloġiji l-ġodda joffru potenzjal ta' importanza akbar, mhux biss għal djar ġodda, iżda wkoll biex jiġu rrestawrati l-miljuni ta’ binjiet eżistenti biex dawn ikattru l-effiċjenza tagħhom fl-użu tal-enerġija, b’konformità mal-għanijiet tal-Istrateġija UE 2020. Ejja ma nħallux din l-opportunità taħrabilna. Is-settur tal-kostruzzjoni jista' jsir il-forza wara t-tkabbir sostenibbli.”

Għaliex l-UE teħtieġ strateġija tal-kostruzzjoni?

  • Il-kriżi finanzjarja u ekonomika fissret li x-xogħol fil-bini u l-infrastruttura naqas bi 17% bejn Jannar 2008 u April 2012 fl-UE-27

  • il-fatt li l-bużżieqa tas-settur tad-djar infaqgħet kompla jnaqqas b'mod sinifikanti l-attività fis-settur, biex b'hekk kompla jinħoloq il-qgħad

  • il-kontrazzjoni tas-swieq tal-kreditu u l-prattiki ta' ħlas tard jitfgħu pressjoni ulterjuri fuq is-solvenza tal-intrapriżi tal-kostruzzjoni

  • is-settur dejjem jeħtieġ ħaddiema tas-sengħa

  • l-introduzzjoni ta' Bini bi Kważi Xejn Konsum ta' Enerġija (nearly zero energy buildings, NZEB) kif imħabbar fir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prestazzjoni tal-Enerġija tal-Bini se tkun sfida kbira għas-settur tal-kostruzzjoni

  • l-isforzi biex tittejjeb l-effiċjenza enerġetika u biex jiġu integrati s-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli qegħdin javvanzaw bil-mod il-mod, partikolarment fir-rinovazzjoni ta' bini eżistenti

  • is-sitwazzjoni fis-swieq internazzjonali hija waħda kritika għall-operaturi tal-UE. Jirriżultaw diffikultajiet mill-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’pajjiżi oħra bħal rekwiżiti soċjali u ambjentali anqas stretti. Pajjiżi li mhumiex operaturi fl-UE jgawdu benefiċċji tal-għajnuna mill-Istat, pereżempju fiċ-Ċina, li jillimitaw l-opportunitajiet għall-operaturi fl-UE li jkollhom aċċess għal dawn is-swieq.

Il-passi li jmiss

Se jsir Forum ta' Livell Għoli mal-Istati Membri u r-rappreżentanti settorali sabiex dan ikun jista' jsegwi l-implimentazzjoni tal-istrateġija u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kull aġġustamenti meħtieġa jew biex jitniedu inizjattivi ġodda. Fl-istess ħin, gruppi tematiċi u gruppi oħrajn se jkunu qegħdin jiddiskutu l-approċċi varji għall-implimentazzjoni ta' inizjattivi speċifiċi, jevalwaw l-effetti probabbli ta' azzjonijiet eżistenti fil-livell nazzjonali u l-livell settorjali dwar inizjattivi speċifiċi u jidentifikaw opportunitajiet għal sinerġiji.

L-isfond

Is-settur tal-kostruzzjoni huwa kruċjali għall-ekonomija Ewropea għaliex jiġġenera kważi 10% tal-PDG tal-UE u jipprovdi 20 miljun impjieg, l-aktar f'intrapriżi mikro u żgħar. Il-kompetittività fis-settur tal-kostruzzjoni tista' tinfluwenza sew l-iżvilupp tal-ekonomija inġenerali. Il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini u l-effiċjenza tar-riżorsi fil-manifattura, it-trasport u l-użu ta' prodotti għall-kostruzzjoni ta' bini u infrastrutturi, għandhom impatt qawwi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-Ewropej. Il-kompetittività tal-kumpaniji tal-kostruzzjoni hija għalhekk kwistjoni importanti mhux biss għat-tkabbir u l-impjiegi b'mod ġenerali, iżda wkoll biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-settur.

Għal aktar informazzjoni ara MEMO/12/610.

Aktar informazzjoni

Kuntatti :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site