Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 30 ta' Lulju 2012

L-industrija tas-sigurtà: Il-Kummissjoni tipproponi programm għal aktar tkabbir

Is-sigurtà hija kwistjoni ċentrali ta’ kull soċjetà. Id-diżastri naturali reċenti u l-attakki terroristiċi enfasizzaw il-ħtieġa ta' preparazzjoni aħjar għas-sitwazzjonijiet ta' kriżi. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk ipproponiet programm ta’ azzjoni għall-iżvilupp tal-industrija tas-sigurtà fl-Ewropa. Il-programm għandu jagħti lil din l-industrija - wieħed mis-setturi bl-ogħla potenzjal għat-tkabbir u l-impjieg fl-UE - dak li teħtieġ biex tibqa’ fl-Ewropa u tkompli tipproduċi prodotti ta’ sigurtà ta’ kwalità għolja.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, responsabbli mill-Industrija u l-Imprenditorija, qal: “Is-suq fframmentat attwali jdgħajjef il-kompetittività tal-industrija tas-sigurtà fl-Ewropa. In-nuqqas ta’ “Marka UE” huwa partikolarment kritiku peress li s-swieq ewlenin tal-ġejjieni għat-teknoloġiji tas-sigurtà mhux se jkunu fl-Ewropa, iżda fil-pajjiżi emerġenti. Illum ftehmna dwar pjan dettaljat ta’ xogħol li għandu jsir għall-ħolqien ta’ suq intern veru għat-teknoloġiji tas-sigurtà. Dan huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-industrija tas-sigurtà tagħha biex tkun tista’ tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-impjieg.”

Il-Kummissjoni tipproponi li toħloq suq intern veru għall-industrija tas-sigurtà billi fost l-oħrajn:

  • tarmonizza l-istandards u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni għat-teknoloġiji tas-sigurtà

  • tisfrutta aħjar is-sinerġiji bejn is-sigurtà (ċivili) u r-riċerka marbuta mad-difiża

  • tħejji skemi ġodda ta’ ffinanzjar bħal Akkwisti Prekummerċjali għall-ittestjar u l-ivvalidar tar-riżultati tal-proġetti tal-UE ta’ riċerka dwar is-sigurtà

  • tintroduċi verifiki fuq l-impatt tat-teknoloġiji ġodda ta’ sigurtà fl-istadju ta’ riċerka fuq is-soċjetà.

Is-suq intern għall-iżvilupp tal-industrija tas-sigurtà fl-UE

Huwa stmat li s-suq tas-sigurtà tal-UE għandu valur tas-suq ta’ bejn EUR 26 biljun u EUR 36,5 biljuni b'madwar 180 000 impjegat. Jista’ jinqasam b’mod wiesa’ fis-setturi li ġejjin: is-sigurtà tal-avjazzjoni, is-sigurtà marittima, is-sigurtà tal-fruntieri, il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika, l-informazzjoni għal kontra t-terroriżmu (inkluż is-sigurtà tal-informatika u l-komunikazzjoni), il-protezzjoni tas-sigurtà fiżika. il-ġestjoni tal-kriżi u l-ibies ta’ protezzjoni.

Il-kumpaniji Ewropej għadhom minn ta’ quddiem fid-dinja fil-biċċa l-kbira tat-taqsimiet tas-suq tas-settur tas-sigurtà. Huwa essenzjali li jkollhom kundizzjonijiet tas-suq favorevoli biex iżommu u jespandu l-vantaġġ teknoloġiku tagħhom, bħat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-industrija tas-sigurtà tal-UE fis-swieq internazzjonali emerġenti. Għandha ssir enfasi speċjali fuq l-appoġġ għall-SMEs fl-isforzi tagħhom biex ikollhom aċċess għas-swieq internazzjonali f'pajjiżi terzi.

B’mod aktar speċifiku, il-Kummissjoni tipproponi l-miżuri li ġejjin biex jinħoloq suq intern veru għall-industrija tas-sigurtà:

  • Il-prijorità se tkun li tiġi megħluba l-frammentazzjoni tas-suq tas-sigurtà tal-UE permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards u l-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni għat-teknoloġiji tas-sigurtà. L-organizzazzjonijiet ta’ standardizzazzjoni Ewropej se jintalbu jistabbilixxu pjanijiet ta’ azzjoni fid-dettall għal dik li hija standardizzazzjoni tal-ġenerazzjoni l-ġdida tat-teknoloġiji. F’dan il-kuntest, biex jinkiseb għarfien reċiproku tas-sistemi ta’ ċertifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li toħroġ żewġ proposti leġiżlattivi biex tistabbilixxi sistema ta’ ċertifikazzjoni armonizzata mal-UE kollha għat-tagħmir ta’ skrining fl-ajruporti, u sistema ta’ ċertifikazzjoni armonizzata għas-sistemi ta’ twissija mal-UE kollha.

  • Għandha ssir enfasi fuq sfruttar aħjar tas-sinerġiji bejn is-sigurtà (ċivili) u r-riċerka marbuta mad-difiża. F’kooperazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, il-Kummissjoni beħsiebha tagħti mandati ta' standardizzazzjoni lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni għall-"istandards ibridi".

  • Biex jonqos id-distakk bejn ir-riċerka u s-suq, speċjalment fl-akkwisti pubbliċi Ewropej u internazzjonali, il-Kummissjoni se tuża skemi ġodda ta’ finanzjament previsti fi ħdan l-Orizzont 2020 bħall-akkwisti prekummerċjali biex tittestja u tivvalida r-riżultati li joħorġu minn proġetti ta’ riċerka tal-UE għal dik li hija sigurtà. Dan l-approċċ għandu jgħaqqad l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi u l-utenti aħħarija sa mill-bidu tal-proġetti ta' riċerka. Is-sigurtà tal-fruntieri u s-sigurtà tal-avjazzjoni huma l-aktar oqsma promettenti.

  • Il-Kummissjoni se tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iniedu inizjattivi simili fil-livell nazzjonali, b’konformità mal-liġi rilevanti tal-UE dwar l-akkwisti pubbliċi.

  • Il-Kummissjoni se tintroduċi kontrolli fuq l-impatt soċjali tat-teknoloġiji l-ġodda tas-sigurtà fl-istadju tar-riċerka. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tagħti mandat lill-organizzazzjonijiet Ewropej ta’ standardizzazzjoni biex jiżviluppaw standard għall-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ privatezza, mill-fażi tad-disinn sal- fażi tal-proċess ta’ produzzjoni.

  • Studju ewlieni se janalizza l-implikazzjonijiet ġuridiċi u ekonomiċi tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-parti terza.

Grupp ta’ esperti apposta mwaqqaf mill-Kummissjoni se jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena biex jissorvelja l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika proposti u jiġbor flimkien l-entitajiet kollha rilevanti fil-qasam tas-sigurtà.

Sfond

Matul dawn l-aħħar għaxar snin is-suq globali tas-sigurtà kiber bi kważi għaxar darbiet minn madwar €10 biljuni għal madwar €100 biljun fl-2011, b’fatturat annwali ta' madwar €30 biljun fl-UE. Madankollu, kif jixdu l-evoluzzjonijiet reċenti tas-suq, l-ishma tas-suq globali tal-kumpaniji Ewropej jistgħu jikkrollaw b’mod sinifikanti fis-snin li ġejjin jekk ma tittieħedx ebda azzjoni biex tittejjeb il-kompetittività tagħhom. Fl-Istati Uniti, bis-saħħa tal-benefiċċji ta’ qafas ġuridiku armonizzat u suq intern b’saħħtu, il-kumpaniji tas-sigurtà jibqgħu fuq quddiem fis-suq u f’dak li għandu x’jaqsam mat-teknoloġija. B’kuntrast ma' dan, is-suq intern tal-UE huwa fframmentat ħafna, maqsum skont il-fruntieri nazzjonali jekk mhux reġjonali. Billi s-sigurtà hija qasam politiku mill-iżjed sensittiv, l-Istati Membri jsibuha bi tqila jċedu l-prerogattivi nazzjonali tagħhom.

Għal iktar tagħrif, ara MEMO/12/605.

Aktar tagħrif

Contacts :

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website