Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 26 ta' Lulju 2012

Ir-regoli tal-UE li jtaffu s-suċċessjonijiet transkonfinali issa saru liġi

Għada se jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali r-regoli l-ġodda tal-Unjoni Ewropea li jittaffu l-uġigħ ta' ras legali meta jmut membru tal-familja bi proprjetà f'pajjiż ieħor tal-UE. Dan ifisser li dawn qed isiru liġi tal-UE. Ir-Regolament il-ġdid dwar is-suċċessjonijiet transkonfinali, propost mill-Kummissjoni Ewropea, u formalment adottat mill-Istati Membri tal-UE x-xahar li għadda (IP/12/576), se jagħmilha eħfef għaċ-ċittadini Ewropej biex jimmaniġġjaw l-aspett legali ta' testment jew suċċessjoni internazzjonali. Ir-regoli se jġibu ċertezza legali għal madwar 450 000 familja Ewropea fis-sena li jittrattaw suċċessjoni internazzjonali. B'aktar minn 12,3 miljun ċittadin tal-UE residenti f'pajjiż ieħor tal-UE, ir-regoli x'aktarx li jinteressaw ħafna aktar. L-Istati Membri issa għandhom tliet snin biex jallinjaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom sabiex ir-regoli l-ġodda tal-UE jsiru effettivi.

"Wara li għamilna l-ħajja aktar faċli għal koppji li jkunu involuti f'divorzju transkonfinali, issa għamilna l-istess ħaġa għal dawk il-familji li jittrattaw il-konsegwenzi legali wara li jitilfu lil xi ħadd għażiż," qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni. "Li kull pajjiż tal-UE kellu r-regoli tas-suċċessjonijiet tiegħu kien iwassal għal labirint legali. Permezz ta' din il-liġi aħna qed nissemplifikaw il-proċeduri u nġibu ċertezza legali liċ-ċittadini. B'dan ir-Regolament tal-UE fis-seħħ qed nagħmluha eħfef biex jiġi identifikat liema liġi tapplika f'kull każ. Dan huwa biss eżempju wieħed ta' kif l-Unjoni Ewropea qed taħdem biex tirriżolvi l-problemi legali ta' kuljum u tiffranka l-flus lill-Ewropej."

Il-liġi l-ġdida tagħmilha ħafna aktar sempliċi biex dak li jkun jirregola s-suċċessjonijiet internazzjonali billi tipprovdi kriterju uniku biex jiġu ddeterminati kemm il-ġurisdizzjoni kif ukoll il-liġi applikabbli f'każijiet transkonfinali: fejn hemm ir-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Hija tippermetti wkoll biex iċ-ċittadini jippjanaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem b'ċertezza legali sħiħa. Il-liġi tipprevedi wkoll Ċertifikat Ewropew ta’ Suċċessjoni, li permezz tiegħu persuni jistgħu jipprovaw li huma l-eredi jew l-amminsitraturi ta' suċċessjoni mingħajr formalitajiet oħra madwar l-UE. Dan se jfisser titjib konsiderevoli fil-konfront tas-sitwazzjoni attwali fejn iċ-ċittadini għandhom diffikultajiet kbar biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Ir-riżultat se jkun proċeduri eħfef u irħas, b'hekk il-pubbliku jiffranka l-ħin u l-flus f'tariffi legali.

Sfond

Fl-14 ta' Ottubru 2009, il-Kummissjoni pproponiet Regolament għas-semplifikazzjoni tas-suċċessjonijiet internazzjonali (ara IP/09/1508). Skont ir-Regolament, se jkun hemm kriterju uniku li jiddetermina kemm il-ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kif ukoll il-liġi applikabbli għal suċċessjoni transkonfinali: dak tar-residenza abitwali tal-persuna deċeduta. Madankollu, nies li jgħixu barra minn pajjiżhom se jkunu jistgħu jagħżlu li jissottomettu s-suċċessjoni sħiħa tagħhom għal-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom. B'hekk pensjonanti Ġermaniżi li jgħixu fil-Portugall jistgħu pereżempju jagħżlu li japplikaw il-liġi Ġermaniża meta jkunu qed jippjanaw is-suċċessjoni tagħhom.

F'Marzu 2012 il-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament Ewropew u l-plenarja tal-Parlament Ewropew ivvutaw fuq rapport dwar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni (ara IP/12/209). Imbagħad fl-aħħar nett, il-gvernijiet tal-Istati Membri tal-UE, rrappreżentati fil-Kunsill tal-UE adottatw il-liġi l-ġdida fis-7 ta' Ġunju 2012 (IP/12/576).

Il-pubblikazzjoni tar-Regolament fl-edizzjoni ta' għada tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tifforma parti minn sforz kontinwu tal-Kummissjoni Ewropea sabiex ittejjeb id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE. Mid-9 ta' Mejju 'l hawn, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar id-drittijiet taċ-ċittadini lil jidentifikaw ostakoli possibbli li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw meta pereżempju jkunu qed jivvjaġġaw fl-Ewropa jew meta jixtru mill-internet (IP/12/461)Il-konsultazzjoni se tibqa' miftuħa sad-9 ta' Settembru u l-kontribuzzjonijiet li jaslu se jkunu inklużi direttament fir-Rapport tal-2013 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE li se jiġi ppreżentat f'Mejju li ġej.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea - Kwistjonijiet tal-familja u tas-suċċessjonijiet:

http://ec.europa.eu/justice/civil/family-matters/index_en.htm

Il-konsultazzjoni pubblika:

http://ec.europa.eu/justice/opinion/your-rights-your-future/index_mt.htm

Il-Kamra tal-Aħbarijiet tad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Persuni ta’ kuntatt:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 297 24 59)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website