Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Lulju 2012

In-negozjar tal-emissjonijiet: il-Kummissjoni tħejji għal bidla fl-għażla taż-żmien tal-irkantar tal-kwoti tal-emissjonijiet

F’nofs April, il-Kummissjoni Ewropea bdiet ir-reviżjoni tal-profil taż-żmien tal-irkant tal-Iskema għan-Negozjar ta' Emissjonijiet tal-UE (ETS) u llum ipproponiet Deċiżjoni li tiċċara d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva EU ETS dwar l-għażla taż-żmien tal-irkantar tal-kwoti tal-emissjonijiet.

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, qalet: "L-EU ETS ilha takkumula kwoti żejda tal-emissjonijiet mill-aħħar ftit snin 'il hawn. Ma jkunx għaqli li deliberatament nkomplu nifqgħu suq li huwa diġà fornut iżżejjed. Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni wittiet it-triq biex tibdel l-iskeda ta' meta l-kwoti jiġu rkantati. Din il-miżura għal żmien qasir ser ittejjeb il-funzjonament tas-suq. Jekk teżisti rieda politika, id-deċiżjonijiet kollha meħtieġa jistgħu jittieħdu qabel ma tibda l-fażi tal-irkantar li jmiss fil-bidu tal-2013. Issa huwa f'idejn il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri li jwettqu dawn id-deċiżjonijiet. Wara l-vaganzi tas-sajf, il-Kummissjoni ser tiffinalizza wkoll l-alternattivi għal miżuri strutturali fit-tul."

Fit-tielet fażi tal-EU ETS – bejn l-2013 u l-2020 – ser jiġi rkantat ammont kbir ta' kwoti bid-dħul dovut imur għand l-Istati Membri.

Il-konċentrazzjoni tal-volumi tal-irkant

Fl-2010, permezz ta' Regolament tal-Kummissjoni, ġie stabbilit il-profil taż-żmien, jiġifieri d-distribuzzjoni tal-volumi rkantati fuq il-medda ta’ tmien snin tat-tielet perjodu ta’ negozjar. Fl-2011, ġiet deċiża emenda lil dan il-profil taż-żmien bl-effett li ċertu volum tal-irkant jitmexxa mill-2013 u l-2014 għall-2012 bil-għan li tiġi żgurata transizzjoni bla skossi mill-fażi 2 għall-fażi 3. L-iżviluppi makroekonomiċi fis-snin riċenti jagħtu lok biex titqies emenda oħra lil dan il-profil taż-żmien billi jiġi pospost jew “backloaded' ċertu volum tal-irkant mill-perjodu 2013-2015 lejn tmiem il-fażi 3.

Sabiex titwettaq din il-ħidma u s-suq jingħata l-istabilità meħtieġa għal bidla possibbli bħal din fil-profil taż-żmien, il-Kummissjoni llum qed tipproponi emenda teknika speċifika tad-Direttiva ETS li għandha l-għan li tiċċara li f'ċirkostanzi eċċezzjonali, iż-żmien tal-irkanti f’perjodu ta' negozjar jista' jinbidel mill-Kummissjoni permezz ta’ emenda tar-Regolament dwar l-Irkantar sabiex ikun żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq tal-karbonju.

Biex tiġbor mingħand l-Istati Membri opinjonijiet bikrija, li jinkludu l-ammont ta’ kwoti rkantati li għandu jiġi kkonċentrat, il-Kummissjoni llum qed tittrasmetti wkoll abbozz għal emenda futura għar-Regolament dwar l-Irkantar lill-Kumitat tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima.

Aktar informazzjoni tinsab disponibbli f'Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

Aktar tard din is-sena, il-Kummissjoni ser tippreżenta l-ewwel rapport dwar il-funzjonament tas-suq Ewropew tal-karbonju. Dan joffri opportunità biex jitnieda dibattitu fid-dettall dwar x’miżuri strutturali jistgħu jkunu meħtieġa sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-EU ETS.

Sfond: L-EU ETS u t-tielet fażi

L-EU ETS tkopri madwar 11 000 stallazzjoni industrijali u 45 % tal-emissjonijiet tal-UE. Minn din is-sena l-avjazzjoni hija inkluża wkoll fl-EU ETS.

Fit-tielet fażi tal-EU ETS (2013-2020), l-emissjonijiet minn stallazzjonijiet industrijali għandhom jitniżżlu għal 21 % taħt il-livelli tal-2005.

Il-bidliet ewlenin fit-tielet fażi ta’ negozjar huma:

  • It-tranżizzjoni minn limiti stabbiliti fil-livell tal-Istati Membri għal livell wieħed uniku għall-UE kollha għal kull settur;

  • It-tranżizzjoni minn allokazzjoni fil-biċċa l-kbira mingħajr ħlas għal aktar minn nofs tal-kwoti li jkunu qed jiġu rkantati;

  • L-armonizzazzjoni ta’ regoli dwar l-allokazzjoni mingħajr ħlas ibbażati fuq livelli ta’ referenza ambizzjużi mal-UE kollha.

Aktar tagħrif dwar l-EU ETS jista’ jinkiseb mis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/index_en.htm

Id-dokumenti jistgħu jinsabu fis-sit elettroniku:

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/auctioning/third/documentation_en.htm

Ara wkoll MEMO/12/600 (mistoqsijiet u tweġibiet)

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site