Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-iskandlu Libor: il-Kummissjoni tipproponi azzjoni madwar l-UE kollha biex tiġġieled l-iffissar tar-rati

European Commission - IP/12/846   25/07/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Lulju 2012

L-iskandlu Libor: il-Kummissjoni tipproponi azzjoni madwar l-UE kollha biex tiġġieled l-iffissar tar-rati

Fl-iskandli riċenti tal-LIBOR, tqajjem tħassib serju dwar sottomissjonijiet foloz tal-istimi tal-banek tar-rati tas-self interbankarju -. Kull manipulazzjoni fattwali jew tentattiva ta’ dawn il-valuri ta’ referenza ewlenin jista’ jkollha impatt serju fuq l-integrità tas-suq, u tista' tirriżulta f'telf sinifikanti għall-konsumaturi u l-investituri, jew fi tfixkil tal-ekonomija reali. Illum il-Kummissjoni Ewropea aġixxiet biex tindirizza din it-tip ta’ manipulazzjoni tas-suq, billi adottat emendi għall-proposti għal Regolament u Direttiva dwar abbuż minn informazzjoni privileġġata (insider dealing) u l-manipulazzjoni tas-suq, inklużi sanzjonijiet kriminali, inizjalment imressqa fl-20 ta’ Ottubru 2011 (ara IP/11/1217 u IP/11/1218). L-emendi tal-lum b’mod ċar ser jipprojbixxu l-manipulazzjoni ta’ valuri ta’ referenza, li jinkludu l-LIBOR u l-EURIBOR, u din il-manipulazzjoni tkun meqjusa bħala reat kriminali.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja fl-UE, qalet: "Il-fiduċja tal-pubbliku ħadet ħadet daqqa kbira ‘l isfel bl-aħħar skandli dwar manipulazzjonijiet serji ta’ rati ta’ self mill-banek. L-azzjoni tal-UE hija meħtieġa biex ittemm l-attività kriminali fis-settur bankarju u l-liġi kriminali tista’ sservi ta’ deterrent kbir. Din hija r-raġuni għaliex illum qed nipproponu regoli li japplikaw għall-UE kollha biex jiġi affrontat dan it-tip ta’ abbuż mis-suq u ma jkunx hemm aktar lakuni regolatorji. Ftehim rapidu dwar dawn il-proposti ser jgħin sabiex terġa’ tinkiseb il-fiduċja tant meħtieġa tal-pubbliku u tal-investituri f’dan is-settur kruċjali tal-ekonomija."

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: "L-investigazzjonijiet internazzjonali li għaddejjin dwar il-manipulazzjoni tal-LIBOR kixfu eżempju ieħor ta' imġiba skandaluża mill-banek. Xtaqt niżgura li l-proposti leġiżlattivi tagħna dwar l-abbuż mis-suq jipprojbixxu bis-sħiħ dawn l-oxxenitajiet. Għal din ir-raġuni, iddiskutejt mal-Parlament Ewropew u dan aġixxa malajr sabiex jemenda l-proposti tagħna, jiżgura li jkun ċar l-manipulazzjoni tal-valuri ta’ referenza hija illegali u jara li tkun soġġetta għal sanzjonijiet kriminali fil-pajjiżi kollha."

Sfond

Valur ta’ referenza huwa kwalunkwe indiċi kummerċjali jew ċifra ppubblikata kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ formula għall-valur ta’ wieħed jew iktar assi jew prezzijiet sottostanti, inklużi l-prezzijiet stmati, ir-rati tal-imgħax jew valuri oħrajn, jew stħarriġ li b’referenza għalihjiġi ddeterminat l-ammont pagabbli taħt strument finanzjarju. L-assi jew prezzijiet sottostanti msemmija fil-valuri ta’ referenza jistgħu jinkludu r-rati tal-imgħax, jew komoditajiet bħaż-żejt, sakemm dawn jiddeterminaw l-ammont pagabbli taħt strument finanzjarju, bħal derivat. Illum il-Kummissjoni adottat żewġ proposti emendati. L-ewwel hija proposta emendata li tintroduċi l-bidliet li ġejjin għall-proposta għal Regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq, adottata mill-Kummissjoni fl-20 ta' Ottubru 2011:

  • Emenda għall-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament propost biex tinkludi l-valuri ta’ referenza;

  • Emenda għad-definizzjonijiet biex tinkludi definizzjoni tal-valuri ta' referenza, ibbażata fuq verżjoni estiża tad-definizzjoni użata fil-proposta għal Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (miFIR); valuri ta’ referenza bħal rati tal-imgħax u valuri ta’ referenza ta’ komoditajiet huma inklużi;

  • Emenda għad-definizzjoni tar-reat ta’ manipulazzjoni tas-suq (l-Artikolu 8) biex jaqbad il-manipulazzjoni tal-valuri ta’ referenza infushom u t-tentattivi għal dawn il-manipulazzjonijiet; kif ukoll

  • Emenda tal-premessi biex jiġġustifikaw l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni u r-reat tal-manipulazzjoni tas-suq għall-valuri ta’ referenza.

Fl-istess waqt il-Kummissjoni adottat proposta emendata li tintroduċi l-emendi li ġejjin għall-proposta għal Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq:

  • Emenda għad-definizzjonijiet li tkun tinkludi definizzjoni tal-valuri ta’ referenza;

  • Emenda tar-reat kriminali tal-manipulazzjoni tas-suq biex jaqbad il-manipulazzjoni tal-valuri ta’ referenza infushom; kif ukoll

  • Emenda tar-reat kriminali għal "instigazzjoni, għajnuna u kompliċità u tentattiv" biex dawn it-tipi ta' mġiba jiġu inklużi fir-rigward tal-manipulazzjoni tal-valuri ta’ referenza.

F'dan l-istadju, il-Kummissjoni mhux qed tipproponi li tistabbilixxi t-tipi u l-livelli minimi ta’ sanzjonijiet kriminali, iżda trid tesiġi li kull Stat Membru jipprovdi għal sanzjonijiet kriminali fil-liġijiet nazzjonali tiegħu sabiex tkun koperta l-manipulazzjoni tal-valuri ta’ referenza. Fil-proposta oriġinali tagħha għal Direttiva, il-Kummissjoni pproponiet li tagħmel analiżi b'mod partikolari dwar kemm huwa xieraq li jiġu introdotti regoli komuni minimi dwar tipi u livelli ta' sanzjonijiet kriminali fi żmien erba’ snin wara li tidħol fis-seħħ id-Direttiva.

Ara wkoll MEMO/12/595 .

Aktar taghrif

Il-Kummissjoni Ewropea - Abbuż mis-Suq

http://ec.europa.eu/internal_market/securities/abuse/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – politika dwar il-liġi kriminali:

http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-law-policy

(ara IP 11/1049)

Is-sit elettroniku tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Michel Barnier, il-Kummissarju tal-UE għas-Suq Intern u s-Servizzi

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/barnier/index_en.htm

Contacts :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Mina Andreeva (+ 32 2 299 13 82)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website