Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-raba’ Jum Ewropew tas-Sikurezza fit-Toroq: Biex titqajjem aktar kuxjenza fost iż-żgħażagħ rigward is-sikurezza fit-toroq

European Commission - IP/12/837   25/07/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewopea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-25 ta' Lulju 2012

Ir-raba’ Jum Ewropew tas-Sikurezza fit-Toroq: Biex titqajjem aktar kuxjenza fost iż-żgħażagħ rigward is-sikurezza fit-toroq

Il-ħabtiet fit-toroq għadhom l-akbar kawża ta' mewt u diżabbiltà għaż-żgħażagħ, sew fid-dinja sew fl-Ewropa. 19% tal-fatalitajiet fit-toroq fl-2010 kienu żgħażagħ bejn it-18 u l-25 sena (għalkemm din l-età tinkludi biss 10% tal-popolazzjoni totali). Dan ifisser li dawk li għandhom bejn 18 u 25 sena għandhom kważi riskju doppju li jmutu f'inċidenti tat-traffiku. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk qed tiddedika r-raba’ Jum Ewropew tas-Sikurezza Stradali għaż-żgħażagħ. Dan il-jum jitfakkar b' konferenza, organizzata flimkien mal-Presidenza Ċiprijotta, li ser isseħħ fil-25 ta' Lulju f'Nikożija. Il-konferenza tlaqqa’ flimkien gruppi taż-żgħażagħ, organizzazzjonijiet u uffiċjali tas-sikurezza fit-toroq mill-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll minn pajjiżi ġirien għal jum ta’ diskussjonijiet, preżentazzjonijiet u sessjonijiet ta’ ħidma.

Il-Viċi President Siim Kallas responsabbli mit-Trasport qal, “It-telfa traġika ta’ żgħażagħ fit-toroq Ewropej hija inaċċettabbli. Ninsab imħasseb l-aktar dwar inċidenti kkawżati mid-drogi jew l-alkoħol, speċjalment fost irġiel u nisa żgħażagħ. Minħabba li għamilna progress tajjeb fl-aħħar 10 snin, ninsab ottimist li nistgħu navvanzaw lejn il-viżjoni tagħna tal-ġejjieni għas-sikurezza fit-toroq tal-UE, ta' ebda mewta oħra fit-toroq. Madankollu, għad hemm ħafna xogħol li għad irid isir. Huwa biss billi nbiddlu l-mentalità taż-żgħażagħ dwar is-sewqan li nistgħu nkomplu nsalvaw il-ħajjiet.”

Iż-żgħażagħ ta’ bejn it-18 u l-25 sena huma rrappreżentati żżejjed fil-fatalitajiet tat-traffiku.. Fl-2010:

  • Kien hemm 31 000 mewta f’inċidenti tat-triq.

  • Fi 19% minnhom kienu involut żgħażagħ bejn 18 u 25 sena.

  • F’40% tal-inċidenti fatali kien involut sewwieq żagħżugħ.

  • 25% tal-fatalitajiet li jinvolvu sewwieqa tal-karozzi huma żgħażagħ – 81% rġiel u 19% nisa.

  • L-imwiet taż-żgħażagħ skont il-mezz ta’ trasport: 66% karozzi tal-passiġġieri, 20% vetturi motorizzati b’żewġ roti, 2% bil-mixi, 8% roti, 4% oħrajn (vetturi tqal tal-merkanzija, karozzi tal-linja ...)

Iċ-ċifri fil-pajjiż ospitant tar-raba' Jum Ewropew għas-Sikurezza Stradali saħansitra huma aktar allarmanti. F’Ċipru din l-età tirrappreżenta 23% tal-imwiet kollha fit-toroq. Wieħed jista’ isib aktar dejta dwar inċidenti fit-toroq għal skont l-età u l-pajjiż fil-bażi tad-dejta CARE tal-Kummissjoni Ewropea.

Il-fatalitajiet stradali fost iż-żgħażagħ mhumiex inevitabbli. L-imwiet fit-toroq għall-etajiet bejn 18 u 25 naqsu b’49% mill-2001 sal-2010, aktar mit-tnaqqis ġenerali (43%). Is-sewwieqa żgħażagħ tal-karozzi huma partikolarment vulnerabbli, iżda madankollu għal dan il-grupp l-imwiet fit-toroq naqsu wkoll b'55% matul l-istess perjodu.

Sabiex jintlaħaq l-għan ambizzjuż li l-għadd ta' imwiet fit-toroq fl-Ewropa jitnaqqas bin-nofs sal-2020, iż-żgħażagħ għandhom ikunu involuti b'mod attiv. Iż-żgħażagħ Ewropej għandhom ikunu mħeġġa jikkontribwixxu għas-sikurezza fit-toroq, pereżempju billi jaqsmu l-ideat tagħhom ma' xulxin dwar soluzzjonijiet ġodda.

Sfond

Ir-raba’ edizzjoni tal-Jum Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq qed tiġi organizzata b’mod konġunt mill-Kummissjoni Ewropea u l-Presidenza Ċiprijotta tal-UE. Fl-aġenda hemm kwistjonijiet bħall-ħolqien ta’ kultura fost iż-żgħażagħ dwar is-sikurezza fit-toroq, sessjonijiet ta’ ħidma dwar l-edukazzjoni, l-infurzar u l-imġiba riskjuża. Għall-programm sħiħ, ara s-sit tal-avveniment.

Il-Jum Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar l-isfidi marbutin mas-sikurezza fit-toroq fost min jieħu d-deċiżjonijiet u l-opinjoni pubblika, u li jbiddel l-imġiba ta' min juża t-toroq sabiex il-mobbiltà tkun iktar sigura u aċċessibbli għal kulħadd.

L-avveniment jipprovdi l-opportunità li tiġi mnedija l-paġna l-ġdida ta' Facebook tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar is-Sikurezza fit-Toroq biex ikompli jrawwem id-dibattitu u l-kuxjenza fost il-komunità dejjem tikber ta' attivisti Ewropej involuti fis-sikurezza fit-toroq. Barra minn hekk, vidjo ġdid dwar is-sigurtà fit-toroq immirat lejn iċ-ċittadini żgħażagħ ser ixerred il-messaġġ li bejn l-2001 u l-2010 ġew salvati 100 000 ħajja – u li sal-2020 flimkien nistgħu nkomplu nsalvaw il-ħajjiet.

Diġà fl-2007, l-ewwel Jum Ewropew għas-Sikurezza fit-Toroq iffoka fuq is-sewwieqa żgħażagħ. It-tieni, fl-2008, iffoka fuq is-sikurezza fit-toroq fl-ambjent urban. Fl-2010, it-tielet Jum Ewropew għas-Sikurezza Stradali enfasizza b'mod partikolari fuq il-ġlieda trans-konfinali kontra l-kontravvenzjonijiet.

Ara wkoll il-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq tal-UE għall-2011-2020 li jkopri kwistjonijiet bħall-kwalità tat-taħriġ għal-liċenzji tas-sewqa għas-sewwieqa ġodda żgħażagħ u kampanji maħsuba biex iqajmu kuxjenza fost iż-żgħażagħ.

Għal aktar tagħrif:

Is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-politika tas-sikurezza stradali

Is-sit elettroniku tad-Direttorat-Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport

Is-sit elettroniku tal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport Siim Kallas

Is-sit elettroniku tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ dwar is-Sikurezza Stradali

Dwar il-politika tas-sikurezza stradali:

MEMO/10/343

IP/10/970

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website