Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-24 ta' Lulju 2012

Il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Id-dwana tal-UE żżomm iktar minn 100 miljun oġġett falz mal-fruntieri tal-UE

Fl-2011, Id-Dwana tal-UE żammet kważi 115-il miljun prodott suspettat li kien qed jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) meta mqabbel mal-103 miljun prodott fl-2010. L-għadd ta’ każi interċettati żdied bi 15% mata mqabbel mal-2010. Skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-azzjonijiet tad-dwana biex jissaħħu l-IPR, il-valur tal-oġġeti interċettati kien jirrappreżenta kważi EUR 1.3 biljun meta mqabbel ma’ EUR 1.1 biljun fl-2010. Ir-rapport tal-lum jagħti statistiċi dwar it-tip, l-oriġini u l-metodu tat-trasport ta' prodotti li jiksru l-IPR u li jinżammu fil-fruntieri esterni tal-UE. L-oġġetti l-aktar miżmuma mid-dwana kienu mediċini (24 %), materjal tal-ippakkjar (21 %) u sigaretti (18 %). Prodotti li jintużaw kuljum u prodotti li jistgħu jkunu potenzjalment perikolużi għas-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi kienu responsabbli għal total ta’ 28.6 % tal-ammont totali tal-oġġetti miżmuma, meta mqabbel ma’ 14.5 % fl-2010. Fl-2011, kompla jiżdied l-għadd ta’ pakketti postali miżmuma, b’36 % tal-oġġetti miżmuma kienu jikkonċernaw il-mediċini.

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, qal: Id-dwana tal-UE hija l-ewwel linja ta’ difiża kontra l-prodotti foloz li jheddu s-sikurezza taċ-ċittadini tagħna u jxekklu n-negozji legali. Ir-rapport tal-lum juri l-intensità u l-importanza tal-ħidma li qed issir mid-Dwana f'dan il-qasam. Jien se nkompli ninsisti biex saħansitra tiżdied il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Ewropa, permezz tal-ħidma tagħna mal-imsieħba internazzjonali, l-industrija u l-Istati Membri."

F’termini ta’ min fejn oriġinaw l-oġġetti foloz, iċ-Ċina kompliet tkun is-sors prinċipali, responsabbli għal 73 % tal-oġġetti li jiksru l-IPR. Għal ċertu kategorija ta’ prodotti, pajjiżi oħrajn jibqgħu s-sorsi prinċipali bħat-Turkija għall-oġġetti tal-ikel, il-Panama għax-xorb alkoħoliku, it-Tajlandja għax-xorb mhux alkoħoliku u Ħong Kong għat-telefowns ċellulari. Madwar 90 % tal-prodotti kollha miżmuma jew ġew meqruda jew inkella nfetħet kawża fil-qorti sabiex jiġi ddeterminat il-ksur.

Sfond

Bħalma tisħaq l-Istrateġija 2020 tal-UE, il-ħarsien tal-IPR huwa l-qofol tal-ekonomija tal-UE u l-ixprun ewlieni għal aktar tkabbir f'oqsma bħar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. L-infurzar effettiv tal-IPR huwa essenzjali għas-saħħa u s-sikurezza minħabba li ċerti prodotti ffalsifikati (bħal ma huma l-oġġetti tal-ikel, il-prodotti għall-kura tat-trabi u l-ġugarelli għat-tfal) li jiġu prodotti f'ambjent li mhuwiex irregolat jistgħu joffru theddida serja għaċ-ċittadini tal-UE.

Id-Dwana tal-UE għandha rwol importanti ħafna biex twaqqaf id-dħul ta' prodotti li jiksru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-UE. Bħalissa qed jitwettqu għadd ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni sabiex tissaħħaħ is-setgħa tad-Dwana fil-ġlieda kontra dan it-tip ta' kummerċ. Fl-24 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal regolament ġdid dwar l-infurzar doganali tal-IPR, bħala parti minn pakkett komprensiv ta' miżuri għall-IPR (ara IP/11/ 630, MEMO/11/327)

Kooperazzjoni tajba mal-imsieħba kummerċjali tista’ wkoll tikkontribwixxi sostanzjalment fil-prevenzjoni tal-esportazzjoni tal-oġġetti li jiksru l-IPR lejn l-UE. Fl-2009, l-UE ffirmat Pjan ta' Azzjoni maċ-Ċina li jiffoka speċifikament fuq it-titjib tal-kooperazzjoni fl-infurzar doganali tal-IPR (IP/09/193). Fl-2010, dan il-Pjan ta' Azzjoni ġie estiż sa tmiem l-2012 (IP/10/1079). Il-kooperazzjoni mal-industrija hija wkoll importanti ħafna sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti li jiksru l-IPR ikunu jistgħu jiġu identifikati sew. In-negozji jistgħu jitolbu azzjonijiet doganali meta jkollhom suspett li jkunu qed jinkisru d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom, u l-informazzjoni pprovduta mill-industrija tgħin lid-dwana timmira aħjar il-kontrolli tagħha. Il-Kummissjoni stabbilixxiet manwal għad-detenturi tad-drittijiet sabiex jgħinhom iressqu dawn it-talbiet.

Għar-rapport sħiħ, ara:

http://ec.europa.eu/taxation_customs/customs/customs_controls/counterfeit_piracy/statistics/index_en.htm

Ara wkoll

MEMO/12/592

Ritratti disponibbli fuq l-arkivju tal-EbS:

http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?ref=I074051

Ritratti disponibbli fuq il-portal tal-AV:

http://ec.europa.eu/avservices/photo/photoByMediaGroup.cfm?&mgid=613&sitelang=en

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website