Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, l-20 ta' Lulju 2012
Il-Kummissjoni tipproponi l-pajjiżi biex jospitaw il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura wara l-2019
Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat proposta għat-tkomplija tal-inizjattiva tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura. L-iskema preżenti tibqa' sejra sal-2019 u l-proposta l-ġdida telenka l-ordni li biha l-pajjiżi se jinnominaw il-bliet għal dan it-titolu, sal-2033. Minbarra li t-titolu jinżamm konġuntament minn żewġ Stati Membri kull sena, il-proposta tissuġġerixxi li pajjiżi kandidati tal-UE jew kandidati potenzjali jkunu jistgħu jinnominaw Belt Kapitali Kulturali Ewropea darba kull tliet snin. Il-pjan issa se jiġi diskuss fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill; dawn se jieħdu deċiżjoni finali dwar l-arranġamenti futuri qabel it-tmiem tal-2013.
Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "L-inizjattiva tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura hija waħda mill-inizjattivi l-iżjed viżibbli u ta' suċċess li qatt nediet l-UE. Barra milli tippromwovi r-rikkezza u d-diversità sabiħa tal-Unjoni Ewropea, din l-inizjattiva ħeġġet it-trasformazzjoni tal-bliet – kemm għall-benefiċċju taċ-ċittadini kif ukoll tal-viżitaturi. Il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri biex jospitaw it-titolu hija akkanita ħafna - u dan juri l-preġju dejjiemi tiegħu."
Il-proposta tal-Kummissjoni żżomm il-karatteristiċi ewlenin u l-istess struttura tal-iskema eżistenti. Din, b'mod partikolari tissuġġerixxi li t-titolu jibqa' jingħata b'sistema rotatorja fost l-Istati Membri (ara l-anness). Il-kriterji tal-għażla tbiddlu biex ikunu ta' gwida aktar dettaljata għall-Bliet Kapitali potenzjali, u dan se jtejjeb ukoll il-proċess tal-għażla u ta' monitoraġġ tal-bliet involuti. Se tingħata aktar attenzjoni lejn l-effett pożittiv tal-inizjattiva biex tistimula t-tkabbir u l-iżvilupp urban fuq medda twila ta' żmien, u lejn id-dimensjoni Ewropea tal-avveniment u l-kwalità tal-kontenut kulturali u artistiku f'dik is-sena.
Kuntest
L-iskema preżenti tal-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura (id-Deċiżjoni 1622/2006/KE) tispiċċa fl-2019. Peress li l-kompetizzjoni għat-titolu titnieda sitt snin minn qabel, biex jingħata biżżejjed żmien ta' preparazzjoni lill-bliet, id-deċiżjoni dwar iċ-ċiklu l-ġdid trid tiġi adottata mill-Parlament u mill-Kunsill fl-2013.
Il-proposta tal-Kummissjoni saret wara bosta valutazzjonijiet tal-iskema preżenti u wara konsultazzjoni pubblika li saret bejn Ottubru 2010 u Jannar 2011 li ġew segwiti minn laqgħa pubblika fi Brussell f'Marzu 2011. Dawn juru biċ-ċar li l-iskema Il-Belt Kapitali Ewropew tal-Kultura ġġib magħha ħafna benefiċċji għall-bliet u għar-reġjuni minkejja li dan l-avveniment huwa l-ewwel u qabel kollox wieħed kulturali, hija toħloq wirt sinifikanti soċjali u ekonomiku, partikolarment meta l-avveniment jiddaħħal bħala parti minn strateġija ta' żvilupp kulturali fuq medda twila ta' żmien.
S'issa, minn meta nħoloq it-titolu fl-1985, kien hemm 46 Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura. Il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura tas-sena 2012 huma Guimarães (fil-Portugall) u Maribor (fis-Slovenja).
Għal aktar informazzjoni:
Il-bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura:
http://ec.europa.eu/culture/news/201207201-capitals-beyond-2019_en.htm
Il-Kummissjoni Ewropea:Education and training
Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou
Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU
Kuntatti : Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |
ANNESS
Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura (2013-2019)
2013: Marseille (Franza) u Košice (is-Slovakkja)
2014: Umeå (l-Isvezja) u Riga (il-Latvja)
2015: ) u Plzeň (ir-Repubblika Ċeka)
2016: ) (Ara wkoll IP/11/800 u IP/11/766)
2017: Fid-Danimarka, Aarhus u Sønderborg għadhom qed jikkompetu.
F'Ċipru, Nicosia u Paphos għadhom qed jikkompetu
2018: Il-Pajjiżi l-Baxxi u Malta
2019: L-Italja u l-Bulgarija
L-ordni proposta biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jinnominaw Belt Kapitali tal-Kultura (2020-2033)
2020 | Il-Kroazja1 | l-Irlanda | Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali |
2021 | ir-Rumanija | il-Greċja | |
2022 | il-Litwanja | il-Lussemburgu | |
2023 | l-Ungerija | ir-Renju Unit | Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali |
2024 | l-Estonja | l-Awstrija | |
2025 | is-Slovenja | Il-Ġermanja | |
2026 | is-Slovakkja | il-Finlandja | Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali |
2027 | il-Latvja | il-Portugall | |
2028 | ir-Repubblika Ċeka | Franza | |
2029 | il-Polonja | l-Isvezja | Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali |
2030 | Ċipru | il-Belġju | |
2031 | Malta | Spanja | |
2032 | il-Bulgarija | id-Danimarka | Pajjiż kandidat jew pajjiż kandidat potenzjali |
2033 | il-Pajjiżi l-Baxxi | l-Italja |
Soġġett għall-adeżjoni fl-2013.