Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-Sajd: il-Kummissjoni tressaq miżuri ġodda għal protezzjoni aħjar tal-istokkijiet tal-baħar fond u l-ħabitats tagħhom

Commission Européenne - IP/12/813   19/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-19 ta' Lulju 2012

Is-Sajd: il-Kummissjoni tressaq miżuri ġodda għal protezzjoni aħjar tal-istokkijiet tal-baħar fond u l-ħabitats tagħhom

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri ġodda biex tirregola s-sajd għal speċijiet tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal. L-ekosistemi tal-baħar fond u l-ispeċijiet li jgħixu fihom huma partikolarment vulnerabbli għall-attivitajiet tal-bniedem. Ir-regolament il-ġdid għandu l-għan li jiżgura s-sajd sostenibbli tal-ispeċijiet tal-baħar fond, li jonqsu l-qabdiet inċidentali mhux mixtieqa, li jonqos l-impatt fuq il-ħabitats fraġli tal-qiegħ u li jkun hemm aktar dejta dwar il-bijoloġija ta’ dawn l-ispeċijiet.

Għal dan il-għan il-Kummissjoni pproponiet sistema ta’ liċenzjar rinforzata u eliminazzjoni gradwali ta’ dawk l-irkapti tas-sajd li jimmiraw speċifikament għall-ispeċijiet tal-baħar fond b’mod anqas sostenibbli, jiġifieri t-tkarkir tal-qiegħ u l-għeżula tal-qiegħ. Il-Kummissjoni tipprevedi wkoll rekwiżiti speċifiċi għall-ġbir tad-dejta mill-attivitajiet tas-sajd fil-baħar fond. L-aġġustamenti meħtieġa biex jiġu implimentati dawn il-miżuri jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ mill-fondi tal-UE.

L-istokkijiet tal-baħar fond jistgħu jinqabdu bħala qabdiet sekondarji f’ħafna tipi ta’ sajd. Madankollu, hemm ukoll bastimenti tas-sajd li jimmiraw speċifikament għal dawn l-ispeċijiet. Dawn huma l-bastimenti li huma l-aktar dipendenti fuq dawn ir-riżorsi u se jkollhom futur biss jekk l-attività tagħhom tiġi mmaniġġjata b’mod li jkun sostenibbli. Dan jimplika li l-ewwel nett hemm il-ħtieġa li tiġi implimentata bidla gradwali lejn tekniki tas-sajd li huma aktar selettivi, b’impatt iżgħar fuq il-ħabitats tal-baħar fond.

Il-Kummissjoni tipproponi li l-liċenzji għas-sajd fil-baħar fond bit-tkarkir tal-qiegħ u l-għeżula tal-qiegħ jiġu eliminati b’mod gradwali peress li dawn jikkawżaw aktar ħsara lill-ekosistemi vulnerabbli tal-baħar fond minn metodi oħrajn tas-sajd, u jinvolvu livelli għoljin ta’ qabdiet sekondarji mhux mixtieqa (minn 20 sa 40 % skont il-piż, jew aktar). Tipi ta’ sajd kummerċjali oħrajn li jużaw it-tkarkir tal-qiegħ mhux se jiġu affettwati, peress li l-miżuri proposti jikkonċernaw biss is-sajd li jimmira għall-ħut tal-baħar fond.

Is-sajjieda diġà jikkooperaw max-xjenzati biex isiru jafu aktar dwar ekosistemi tal-baħar fond li għadhom mhumiex magħrufa sew. Sabiex issib modi kif jiġu ttestjati rkapti tas-sajd li jagħmlu anqas ħsara u sseħħ il-bidla lejn tekniki tas-sajd u strateġiji li jkollhom impatt iżgħar fuq dawk l-ekosistemi fraġli, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffinanzja studju dwar dan is-suġġett, b’kooperazzjoni ma' kumpaniji involuti fl-attivitajiet tal-baħar fond.

Sfond

L-ispeċijiet tal-baħar fond jinqabdu f’ibħra fondi fl-Atlantiku lil hinn miż-żoni tas-sajd ewlenin fuq il-blat kontinentali, fi profonditajiet sa massimu ta’ 4000 metru. Il-ħabitats u l-ekosistemi tagħhom mhumiex magħrufin sew, iżda nafu li fihom jgħammru sikek tal-qroll ta’ saħansitra 8500 sena u speċijiet antiki li sal-lum ftit li xejn ġew esplorati. Dan huwa ambjent fraġli li, ladarba ssirlu ħsara, diffiċli ħafna jerġa’ jirkupra. Peress li l-istokkijiet tal-baħar fond huma vulnerabbli ħafna għas-sajd dawn jikkollassaw malajr u jirkupraw bilmod peress li għandhom rati ta’ riproduzzjoni baxxi.

Fost l-ispeċijiet tal-baħar fond, il-fjamma sewda u l-paġella ħamra huma speċijiet ta’ valur għoli, filwaqt li oħrajn bħal-linarda u l-grenadier huma speċijiet ta’ valur medju għas-sajjieda. Uħud mill-istokkijiet tal-baħar fond naqsu b’mod serju, inklużi dawk tal-ġurdien oranġjo u tal-klieb il-baħar tal-fond. Is-sajd ta’ stokkijiet oħrajn huwa permess (linarda, grenadier tal-blat) iżda dan jeħtieġ li jsir b’mod li jħares l-ambjent (pereżempju billi jiġu evitati qabdiet sekondarji żejda).

Is-sajd tal-baħar fond fl-Atlantiku tal-Grigal iseħħ fl-ilmijiet tal-UE, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Portugall u ta’ Spanja, u f’ilmijiet internazzjonali rregolati minn miżuri ta’ konservazzjoni adottati fi ħdan il-Kummissjoni tas-Sajd tal-Atlantiku tal-Grigal (NEAFC), fejn l-UE tipparteċipa flimkien ma’ pajjiżi oħrajn li jistadu fiż-żona.

Is-sajd tal-baħar fond jammonta għal madwar 1 % tal-ħut li jinħatt l-art mill-Atlantiku tal-Grigal, iżda wħud mill-komunitajiet tas-sajd lokali jiddependu sa ċertu punt mis-sajd tal-baħar fond. Il-qabdiet – u l-impjiegi relatati – ilhom neżlin għal ħafna snin, minħabba l-istokkijiet imnaqqsa.

Fil-passat, dan is-sajd kien jitwettaq b’mod li ftit li xejn kien irregolat, u dan mingħajr dubju ħalla impatt negattiv fuq l-istokkijiet ikkonċernati. Fl-2003, l-UE bdiet timponi limiti fuq l-ammont ta’ ħut li seta’ jinqabad, fuq l-għadd ta’ bastimenti awtorizzati, u fuq l-għadd ta’ jiem li setgħu jdumu jbaħħru.

Din il-grafika turi kif l-isforz tas-sajd naqas tul dawn l-aħħar snin.

Tnaqqis fl-isforz tas-sajd mis-sena 2000 skont l-informazzjoni rrapportata mill-Istati Membri rilevanti tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Kuntatti:

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site