Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-20 ta’ Lulju 2012

L-ambjent: EUR 268.4 miljun għal 202 proġetti ambjentali ġodda

Il-Kummissjoni Ewropea approvat l-għoti ta’ fondi għal 202 proġetti ġodda fil-qafas tal-programm imsejjaħ “LIFE+”, li huwa l-fond ambjentali tal-Unjoni Ewropea. Il-proġetti jkopru azzjonijiet fl-oqsma tal-konservazzjoni tan-natura, tal-politika ambjentali, tat-tibdil fil-klima u tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni dwar kwistjonijiet ambjentali. Dawn jirrappreżentaw investiment totali ta’ madwar EUR 516.5 miljun, li EUR 268.4 miljun minnhom se tipprovdihom l-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “F’dan l-għoxrin anniversarju tal-programm imsejjaħ “LIFE” u tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, għandi l-pjaċir inħabbar l-appoġġ kontinwu għal proġetti ambjentali ta’ kwalità għolja madwar l-UE kollha. Dawn il-proġetti l-iktar riċenti li qed isiru fil-kuntest tal-programm imsejjaħ “LIFE+” qed ikomplu xejra li nbdiet għoxrin sena ilu ta’ azzjonijiet innovattivi u tal-aħjar prassi li jkomplu jsaħħu l-konservazzjoni tan-natura, itejbu l-ambjent u jittrattaw it-tibdil fil-klima.

Il-Kummissjoni rċeviet 1 078 applikazzjoni mis-27 Stat Membru tal-UE bi tweġiba għall-aħħar sejħa tagħha għall-proposti, li għalqet f’Lulju tal-2011. Minn dawn, intgħażlu 202 proposti għall-kofinanzjament permezz tat-tliet komponenti differenti tal-programm, imsejħin “LIFE+ - Natura u Bijodiversità”, “LIFE+ - Politika u Governanza Ambjentali”, u “LIFE+ - Informazzjoni u Komunikazzjoni”. L-Anness ta’ din l-istqarrija għall-istampa jixħet dawl fuq il-proġetti magħżula (ara d-dokument bir-referenza MEMO/12/585).

Il-proġetti tal-komponent imsejjaħ “LIFE+ - Natura u Bijodiversità” jtejbu l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats li jkunu jinsabu f’periklu li jinqerdu. Minn fost il-268 proposta li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 76 proġett għall-finanzjament, li ġejjin minn sħubiji ta’ entitajiet għall-konservazzjoni, awtoritajiet tal-gvern u partijiet oħrajn. Dawn il-proġetti ġejjin minn 22 Stat Membru differenti u jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 241.8 miljun, li EUR 136 miljun minnhom se tipprovdihom l-UE. 71 proġett minnhom huma proġetti tal-komponent “Natura”, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Għasafar u/jew tad-Direttiva dwar il-Ħabitats u għan-netwerk imsejjaħ “Natura 2000”. Il-ħames proġetti l-oħra jindirizzaw kwistjonijiet usa’ tal-bijodiversità.

Il-proġetti tal-komponent imsejjaħ “LIFE+ - Politika u Governanza Ambjentali” huma proġetti pilota li jgħinu fl-iżvilupp ta' ideat tal-politika, teknoloġiji, metodi u strumenti innovattivi. Mis-607 proposti li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 113-il proġett għall-finanzjament, li ġejjin minn organizzazzjonijiet diversi ħafna tas-settur pubbliku u dak privat. Il-proġetti li ntgħażlu jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 258.4 miljun, li madwar EUR 124.4 miljun minnhom se tipprovdihom l-UE.

Fil-qafas ta’ dan il-komponent, il-Kummissjoni se tikkontribwixxi aktar minn EUR 31.4 miljun għal 23 proġett li jindirizzaw, b’mod dirett, it-tibdil fil-klima u li għandhom baġit totali ta’ EUR 67.8 miljun. Barra minn hekk, bosta proġetti oħrajn li jiffukaw fuq kwistjonijiet oħrajn ukoll se jkollhom impatt indirett fuq l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. Żewġ oqsma importanti oħrajn li fuqhom se jiffukaw il-proġetti huma l-iskart u l-ilma – fil-fatt mill-proġetti magħżula se jkun hemm 29 li jiffukaw fuq l-iskart u 19 li jiffukaw fuq l-ilma.

Il-proġetti tal-komponent imsejjaħ “LIFE+ - Informazzjoni u Komunikazzjoni” jxerrdu t-tagħrif dwar il-kwistjonijiet ambjentali u jżidu l-interess fihom, filwaqt li jipprovdu taħriġ dwar il-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti u jkabbru l-għarfien dwar dan. Mill-203 proposti li rċeviet, il-Kummissjoni għażlet 13-il proġett għall-finanzjament, li ġejjin minn organizzazzjonijiet diversi tas-settur pubbliku u dak privat li huma attivi fl-oqsma tan-natura u/jew tal-ambjent. Il-proġetti huma bbażati f’disa’ Stati Membri differenti u jirrappreżentaw investiment totali ta’ EUR 16.2 miljun, li madwar EUR 7.2 miljun minnhom se tipprovdihom l-UE.

Kuntest

L-istrument imsejjaħ “LIFE+” huwa l-istrument finanzjarju Ewropew għall-ambjent u dan għandu baġit totali ta’ EUR 2.143 biljun għall-perjodu mill-2007 sal-2013. Il-Kummissjoni toħroġ sejħa għall-proposti għall-proġetti li jaqgħu taħt l-istrument imsejjaħ “LIFE+” darba fis-sena.

Għal aktar tagħrif:

Ara l-Anness għal sommarju ta’ kull wieħed minn dawn il-proġetti l-ġodda, imqassmin skont il-pajjiż, u għall-indirizzi ta’ kuntatt tagħhom:

http://ec.europa.eu/environment/life/news/press/index.htm#annexes2011.

Għal iktar tagħrif dwar l-istrument imsejjaħ “LIFE+” ara s-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/life.

Tista’ tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, imsemmija fis-sit tal-internet li ġej:

http://ec.europa.eu/environment/life/contact/nationalcontact/index.htm

Persuni ta’ kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website