Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

L-UE tenfasizza li t-tkabbir ibbażat fuq il-kummerċ huwa essenzjali għall-aġenda moderna tal-iżvilupp

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2012 - Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat firxa ta’ proposti biex l-istrumenti tal-kummerċ u l-iżvilupp jaħdmu id f’id biex jiżguraw it-tnaqqis reali tal-faqar madwar id-dinja. Il-proposti għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-kummerċ tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, billi jagħmlu l-kummerċ parti mill-istrateġija tal-iżvilupp tagħhom. Biex niżguraw li nilħqu l-mira tagħna, l-UE bħalissa qed teżamina diversi modi kif nistgħu niddifferenzjaw bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex naċċertaw ruħna li l-ifqar pajjiżi tad-dinja jkunu qed jirċievu l-ikbar sehem mill-għajnuna tagħna. Ir-rwol tal-kummerċ huwa enfasizzat fil-proposta bħala wieħed mill-ixpruni ewlenin li jsostnu l-iżvilupp, jistimolaw it-tkabbir u joħorġu lin-nies mill-faqar. Barra minn hekk, illum l-UE qed titlob biex l-ekonomiji żviluppati kollha joffru l-istess livelli sinifikanti ta’ aċċess għas-suq bħalma toffri hi lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Filwaqt li l-UE diġà tipprovdi iktar għajnuna ta’ żvilupp ibbażata fuq il-kummerċ mill-bqija tad-dinja kollha kemm hi, il-Komunikazzjoni “Il-Kummerċ, it-tkabbir u l-iżvilupp” tevalwa l-passi ewlenin li jmiss. Pereżempju: il-grupp tradizzjonali ta’ “pajjiżi li qed jiżviluppaw” huwa skadut fid-dawl tal-progress ta’ xi ekonomiji emerġenti. Jinħtieġu politiki iktar speċjalizzati tal-kummerċ u l-iżvilupp li jmorru lil hinn mit-tnaqqis tad-dazji tad-dwana fil-fruntieri (tnaqqis tariffarju), u li jindirizzaw il-problema kbira tat-titjib tal-“ambjent tan-negozju”.

Biex dan l-għan jinkiseb, il-proposta tenfasizza li l-mexxejja tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jerfgħu wkoll ir-responsabilitajiet tagħhom. Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jeħtieġ iwettqu riformi domestiċi biex jiżguraw li l-fqar tabilħaqq igawdu mill-benefiċċji tat-tkabbir ibbażat fuq il-kummerċ.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ, Karel De Gucht qal “Il-progress ta’ xi ekonomiji emerġenti bħall-Indja, iċ-Ċina u l-Brażil juri li l-iżvilupp ibbażat fuq il-kummerċ huwa possibbli u li s-swieq miftuħa għandhom rwol ewlieni fil-ġenerazzjoni tat-tkabbir. Madankollu, dawk li għadhom lura jeħtieġu l-għajnuna. It-tariffi dinjija qatt ma kienu daqshekk baxxi daqs illum u l-UE diġà qed toffri aċċess favorevoli ħafna għas-suq lill-pajjiżi fqar. Huma l-kwistjonijiet mhux tariffarji li se jagħmlu d-differenza kollha - bħall-istandards, is-servizzi, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-akkwisti pubbliċi, l-infrastruttura u l-faċilitajiet tal-imballaġġ. Xejn minn dan kollu ma jista’ jsir mingħajr governanza politika.”

Il-Kummissarju Ewropew għall-Iżvilupp, Andris Piebalgs qal: “L-integrazzjoni tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-kummerċ globali hija fulkru b’saħħtu għat-tkabbir u l-ġlieda kontra l-faqar. Minħabba din l-integrazzjoni nħarġu miljuni ta' nies mill-faqar fl-aħħar għaxar snin u se tibqa’ essenzjali għall-ħidma tagħna għall-iżvilupp.” Żied jgħid: “Issa jeħtieġ niżguraw li l-għajnuna tagħna għall-kummerċ tiffoka fuq dawk li jeħtiġuha l-iktar - u nikkonċentraw l-appoġġ tagħna fuq l-imsieħba l-inqas żviluppati, billi ngħinuhom isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom, u jadattaw l-ekonomiji tagħhom sabiex ikunu jistgħu jingħaqdu mal-ekonomija globali u reġjonali.”

Il-Kummissjoni tipproponi diversi modi kif tista’ titjieb l-effettività tal-kummerċ u l-iżvilupp tal-UE, fost l-oħrajn billi:

  • tirriforma l-iskemi tal-kummerċ preferenzjali tal-UE biex jiffukaw iktar fuq l-ifqar pajjiżi,

  • iżżid in-negozjat dwar il-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles mal-imsieħba tagħna li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw. Dawn ma għandhomx jikkunsidraw biss it-tariffi imma jindirizzaw l-ostakli vera għall-kummerċ,

  • iżżid l-użu tal-istrumenti tal-UE għall-promozzjoni tal-investiment dirett barrani, ukoll permezz ta' dispożizzjonijiet relevanti fil-ftehimiet tal-kummerċ ħieles biex tiżdied iċ-ċertezza legali u permezz tat-tagħqid tal-għotjiet tal-UE mas-self jew il-kapital tar-riskju biex jappoġġaw il-vijabilità finanzjarja ta’ investimenti strateġiċi,

  • tiffaċilita d-dħul fl-UE għall-esportaturi minn pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment l-operaturi ż-żgħar,

  • tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-ambjent domestiku tan-negozju tagħhom, biex jissodisfaw l-istandards internazzjonali tal-kwalità, ix-xogħol u l-ambjent u biex jieħdu vantaġġ aħjar mill-opportunitajiet kummerċjali offruti mis-swieq miftuħa u integrati,

  • tuża miżuri kummerċjali biex tgħin jitnaqqsu l-effetti tad-diżastri naturali u tindirizza l-katalisti tal-kunflitti, anke fl-attivitajiet tal-minjieri.

Il-Kummissjoni titlob ukoll lill-ekonomiji emerġenti biex jassumu iktar responsabbiltà għall-ftuħ tas-swieq tagħhom lill-pajjiżi l-anqas żviluppati permezz ta’ skemi preferenzjarji iżda wkoll fuq bażi mhux diskriminatorja lejn il-bqija tal-membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li 80 % minnhom huma pajjiżi li qed jiżviluppaw. Fl-istess ħin, lill-ekonomiji emerġenti l-UE toffrilhom sħubija iktar matura li tinkludi kooperazzjoni regolatorja u impenn fil-konfront ta’ kwistjonijiet globali li huma essenzjali għall-iżvilupp bħas-sigurtà tal-ikel, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, it-tkabbir ekoloġiku u l-bidla fil-klima.

Sfond

L-UE tinsab minn ta’ quddiem fl-għoti tal-appoġġ kummerċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw:

  • L-UE timporta iktar prodotti mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minn kwalunkwe suq ieħor. Hija wkoll l-ikbar suq għall-esportazzjonijiet agrikoli mid-dinja li qed tiżviluppa. Kważi 70 % tal-importazzjonijiet agrikoli kollha tal-UE jiġu minn pajjiżi li qed jiżviluppaw;

  • Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibbenefikaw mill-preferenzi tal-UE fl-għamla ta’ tneħħija tat-tariffi jew tariffi mnaqqsa ferm għall-prodotti tagħhom (taħt “is-Sistema Ġenerali tal-Preferenzi”);

  • L-inizjattiva Kollox Barra l-Armi toffri aċċess mingħajr dazju u kwoti għas-swieq kollha tagħna għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (Least Developed Countries, LDCs) u għall-prodotti kollha tagħna ħlief għall-armi u hija l-iktar sistema preferenzjarja ġeneruża fid-dinja;

  • L-UE qed tmexxi l-isforzi dinjija għall-pakkett għall-LDCs fit-taħditiet kummerċjali multilaterali;

  • L-UE tappoġġa r-riformi domestiċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw meħtieġa biex il-kummerċ ikun jista’ jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-iżvilupp;

  • L-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar provveditur fid-dinja ta’ Għajnuna għall-Kummerċ (Aid for Trade) li tgħin lill-imsieħba jiżviluppaw strateġiji kummerċjali, jibnu infrastruttura marbuta mal-kummerċ u jtejbu l-kapaċità produttiva tagħhom. Fl-2009, l-ammont annwali kkombinat tal-Għajnuna għall-Kummerċ tal-UE kien ta’ EUR 10.5 biljun, ċifra ekwivalenti għal dik rekord irreġistrata s-sena ta’ qabel.

  • Ġiet irrappurtata wkoll żieda sostanzjali fl-Għajnuna Relatata mal-Kummerċ tal-UE (li hija sottokategorija tal-Għajnuna għall-Kummerċ li tiffoka fuq kwistjonijiet kummerċjali strateġiċi bħall-iżvilupp politiku, ir-regolazzjoni jew l-integrazzjoni reġjonali). Dan iwassal biex l-ammont kollettiv jilħaq kważi t-EUR 3 biljun, ogħla ferm mill-mira li mill-2010 jibdew jintefqu EUR 2 biljun fis-sena fuq Għajnuna Relatata mal-Kummerċ. L-Afrika ta’ taħt is-Saħara hija l-benefiċjarju ewlieni tal-Għajnuna Relatata mal-Kummerċ tal-UE, b’sehem kollettiv ta’ Għajnuna Relatata mal-Kummerċ tal-UE li żdied minn 15 % għal 28 % bejn l-2008 u l-2009.

Għal aktar informazzjoni:

Memo bl-isfond u ċ-ċifri

Memo/12/48

Il-Komunikazzjoni “Kummerċ, Tkabbir u Żvilupp: it-tfassil tal-politika tal-kummerċ u tal-investiment għal dawk il-pajjiżi l-iktar fil-bżonn”.

http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/148992.htm

Staff Working Paper:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/html/148993.htm

Politika tal-Kummerċ u l-Iżvilupp tal-UE:

Politika tal-Iżvilupp tal-UE

Publikazzjoni dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ

Rapport tal-Kontabilita tal-UE 2011 dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp (Anness dwar l-Għajnuna tal-UE għar-Rapport tal-Monitoraġġ tal-Kummerċ 2011)

Kuntatti :

John Clancy (+32 2 295 37 73)

Catherine Ray (+32 2 296 99 21)

Helene Banner (+32 2 295 24 07)

Wojtek Talko (+32 2 297 85 51)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website