Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-ġlieda kontra l-frodi: Jonqsu l-każi ta' suspett ta' frodi kontra l-fondi tal-UE

Commission Européenne - IP/12/809   19/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 19 ta' Lulju 2012

Il-ġlieda kontra l-frodi: Jonqsu l-każi ta' suspett ta' frodi kontra l-fondi tal-UE

Il-frodi li għandha impatt fuq il-baġit tal-UE naqset b'35% fl-2011, skont ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar "Il-Ħarsien tal-Interessi Finanzjarji tal-UE". Fil-politika ta' koeżjoni, kien hemm 41% inqas każijiet ta’ suspett ta' frodi meta mqabbla mal-2010, filwaqt li fl-agrikoltura l-każi rrappurtati ta’ frodi naqsu b’66%. Minbarra miżuri iktar stretti u kontrolli aħjar implimentati għall-finanzjament tal-UE, hemm ukoll għadd ta’ spjegazzjonijiet tekniċi għat-tnaqqis fir-rata tal-frodi fl-2011. L-għeluq ta' perjodu ta' programmazzjoni fil-politika ta' koeżjoni u rappurtaġġ iktar stabbli fis-sistema l-ġdida ta’ kontroll għall-agrikoltura taw kontribut wkoll biex il-każi ta' frodi rrappurtati jkunu inqas mill-2010. B'kollox, kienu effettwati minn frodi total ta' EUR 295 miljun f'fondi tal-UE jew 0.2% tal-baġit, li jridu jiġu rkuprati skont ir-regoli tal-UE. Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni tenfasizza l-bżonn li l-frodi li taffettwa l-baġit tal-UE tkompli tonqos, u tagħmel għadd ta' rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li jistgħu jgħinu biex dan jinkiseb.

Il-Kummissarju għat-Tassazzjoni, l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi, Algirdas Šemeta, qal: It-tnaqqis fil-frodi kontra l-baġit tal-UE juri li l-isforzi determinati tagħna biex nindirizzaw din il-problema qed jibdew iħallu l-frott. Iżda l-ġlieda altru milli spiċċat. Il-Kummissjoni ssostni l-politika tagħha ta' tolleranza żero għall-frodi, u lanqas ċenteżmu wieħed mill-flus ta'min iħallas it-taxxa ma għandu jintilef minħabba l-frodaturi. Il-Kummissjoni se tkompli tieħu kull miżura li tista' biex tipproteġi l-baġit tal-UE, u l-Istati Membri għandhom ukoll iżidu l-isforzi tagħhom."

L-irkupru tal-fondi tal-UE milquta minn irregolarità u frodi tjieb, hekk kif is-sena li għaddiet il-Kummissjoni talbet lura madwar EUR 2 biljun f'korrezzjonijiet finanzjarji u rkupri. L-Istati Membri wkoll għamlu xi titjib f'termini tal-irkupri mingħand il-benefiċjarji finali, partikolarment fil-qasam tal-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni. Ir-rapport tal-Kummissjoni jħeġġeġ lill-Istati Membri li għad għandhom rati baxxi ta’ rkupru, biex jagħmlu t-titjib meħtieġ u meta l-benefiċjarji ma jħallsux lura l-flus affettwati mill-irregolaritajiet u l-frodi jissekwestraw l-assi . Il-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE permezz tal-liġi kriminali (IP/12/767) tista' tgħin ħafna fl-irkupru ta’ fondi, kif ukoll bħala deterrent għall-frodaturi.

Fl-2011, il-Kummissjoni ressqet iktar minn tnax-il proposta leġislattiva jew inizjattiva ġdida mmirati sabiex tittejjeb il-ġlieda kontra l-frodi fil-fondi tal-UE (ara MEMO/12/577)

Sfond

Skont l-Artikolu 325 tat-Trattat, il-Kummissjoni tipproduċi r-Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE biex tirrapporta fuq miżuri li jkunu ttieħdu biex jikkumbattu l-frodi li għandha impatt fuq il-fondi tal-UE. Billi jagħti informazzjoni dwar il-livell ta' frodi suspettata u kkonfermata li jirrappurtaw l-Istati Membri madwar il-baġit kollu tal-UE (jiġifieri kemm id-dħul kif ukoll l-infiq), ir-rapport jgħin ukoll biex jiġi evalwat liema oqsma huma l-aktar fir-riskju, li mbagħad jgħin biex l-azzjoni tiffoka kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali.

Barra mid-dejta dwar l-irregolaritajiet u l-frodi rrappurtati, l-irkupri u l-livelli ta’ rrappurtar fl-Istati Membri, kull sena l-Kummissjoni tagħżel ukoll qasam għal analiżi fil-fond. Din is-sena, qed tiffoka fuq il-politika ta’ koeżjoni. Hija tinnota titjib fil-kontroll finanzjarju u fis-sistemi tal-immaniġġjar tar-riskju, pereżempju d-dispożizzjonijiet legali u l-linji gwida, il-proċeduri amministrattivi u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali f'dan il-qasam. Madankollu, hemm bżonn li l-Istati Membri jtejbu l-monitoraġġ tar-riżultati tal-investigazzjonijiet amministrattivi u kriminali, inkluż l-irkupru mill-benefiċjarji finali tal-fondi ta’ koeżjoni.

Għal aktar tagħrif:

Il-sit elettroniku tal-Kummissarju Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, il-Verifika u l-Ġlieda kontra l-Frodi:
http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Ir-rapport ihuwa disponibbli hawnhekk:

http://ec.europa.eu/anti_fraud/about-us/reports/communities-reports/index_en.htm

Kuntatti:

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site