
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, id-19 ta' Lulju 2012
Il-vjaġġ it-tajjeb: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar kif tgħin lill-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku barra minn pajjiżhom
Madwar 130 miljun Ewropew ippjanaw vaganza f’pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea matul din is-sena. Madwar tliet kwarti minnhom ser jużaw karozza jew mutur mill-inqas darba biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Inevitabbilment, xi wħud minnhom se jinqabdu f’inċidenti tat-traffiku, jew meta jkunu fi triqthom jew matul il-vaganza tagħhom. Iżda kif jistgħu jitolbu kumpens jekk ikunu vittmi ta' inċident barra mill-pajjiż tagħhom? Fejn jistgħu jippreżentaw it-talba tagħhom? U x'inhi l-iskadenza għal talba ta' kumpens?
Il-Kummissjoni Ewropea llum nediet konsultazzjoni pubblika biex tgħin lill-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku transkonfinali, li bħalissa jistgħu jaffaċċjaw diffikultajiet minħabba d-differenzi fil-limiti taż-żmien għat-talbiet għal kumpens għad-danni f'każ ta' inċident barra minn pajjiżhom fl-UE (ara l-Anness). Il-konsultazzjoni se tibqa' għaddejja sad-19 ta' Novembru.
Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja tal-UE, qalet: "Hemm madwar miljun inċident tat-traffiku fl-UE kull sena u xi wħud minn dawn inevitabbilment jinvolvu viżitaturi minn pajjiżi oħra tal-UE. Inċident fit-triq huwa esperjenza ta' tensjoni għal kulħadd, imma jista' jkun saħansitra agħar jekk il-vittma tkun miċħuda l-kumpens minħabba regoli kkumplikati dwar kif għandha titressaq talba. Il-Kummissjoni Ewropea trid issir taf aktar sabiex inkunu nistgħu noffru soluzzjonijiet effettivi u niżguraw li l-vittmi kollha jkollhom aċċess xieraq għall-ġustizzja. Iċ-ċittadini Ewropej għandhom ikollhom rashom mistrieħa meta jużaw il-karozza tagħhom biex imorru fuq btala f'pajjiż ieħor tal-UE."
Illum, regoli nazzjonali differenti jwasslu għal sitwazzjoni konfuża għall-vittmi, li jistgħu jaqbżu l-iskadenzi li xi kultant ikunu qosra u jispiċċaw ma jirċievu l-ebda kumpens. L-għan tal-konsultazzjoni huwa li tinkiseb idea aħjar tal-iskala tal-problema u li jiġu vvalutati s-soluzzjonijiet potenzjali. L-inizjattiva tikkumplimenta l-isforzi usa' tal-Kummissjoni biex tgħin lill-vittmi tal-kriminalità fl-UE (IP/11/585) u ssegwi l-approvazzjonijiet reċenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-proposta tal-Kummissjoni dwar drittijiet minimi għall-vittmi tal-kriminalità (MEMO/12/541).
Soluzzjonijiet possibbli li huma indirizzati fil-konsultazzjoni pubblika jvarjaw minn titjib tal-informazzjoni lill-vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali, sal-armonizzazzjoni tal-perjodi tal-limitazzjoni u l-preskrizzjoni (limiti ta' żmien biex issir azzjoni legali għad-danni wara inċident). Il-konsultazzjoni hija mmirata lejn vittmi ta' inċidenti tat-traffiku tat-triq, dawk kollha li jivvjaġġaw barra l-pajjiż bil-karozza tagħhom, ġuristi, assiguraturi u kwalunkwe individwu jew organizzazzjoni interessati.
Kuntest
Estimi tal-ammont ta' nies involuti f'inċidenti tat-traffiku transkonfinali jvarjaw, billi ma hi disponibbli l-ebda statistika ċentralizzata. Madankollu, huwa probabbli li mill-inqas 2% tal-inċidenti tat-toroq fl-UE jinvolvu viżitaturi minn pajjiż ieħor tal-UE. Dawn jistgħu jkunu persuni fuq vaganza, ħaddiema transkonfinali (bħal sewwieqa tat-trakkijiet) jew nies li jivvjaġġaw bejn il-fruntieri lejn il-post tax-xogħol tagħhom.
Huwa probabbli li vjaġġaturi Ewropej li huma vittmi ta' inċident bil-karozza f'pajjiż ieħor tal-UE jitolbu kumpens għad-danni li jsofru fl-inċident. Kull pajjiż tal-UE għandu regoli proċedurali differenti biex jintalab kumpens b'regoli nazzjonali differenti ħafna dwar il-limiti ta' żmien biex wieħed jagħmel talba li jistgħu jvarjaw minn 1 sa 10 snin (ara l-Anness). Huwa anqas probabbli li viżitaturi minn Stati Membri oħra jkunu familjari ma' dawn ir-regoli, u dan joħloq problemi għall-vittmi sabiex ikollhom aċċess għall-ġustizzja.
F’xi każijiet, il-vittmi jistgħu saħansitra jkunu fir-riskju li ma jirċievu l-ebda kumpens għall-ħsara mġarrba minħabba perjodi ta' limitazzjoni jew preskrizzjoni partikolarment qosra applikabbli fil-pajjiż tal-UE fejn seħħ l-inċident. Il-vjaġġaturi jistgħu wkoll ma jkunux jafu meta jibdew dawn il-perjodi ta' limitazzjoni u preskrizzjoni jew il-possibbiltajiet li jiġu sospiżi.
Il-konsultazzjoni tal-lum tifforma parti mill-isforz kontinwu tal-Kummissjoni Ewropea biex ittejjeb id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE. Sa mid-9 ta' Mejju, il-Kummissjoni nediet l-akbar konsultazzjoni pubblika tal-UE li qatt saret dwar id-drittijiet taċ-ċittadini sabiex tidentifika l-ostakli possibbli li ċ-ċittadini għadhom jiffaċċjaw pereżempju meta jivvjaġġaw fl-Ewropa jew meta jixtru onlajn (IP/12/461). Il-konsultazzjoni se tkun miftuħa sad-9 ta' Settembru u l-input riċevut se jikkontribwixxi direttament għar-Rapport taċ-Ċittadinanza tal-UE 2013 li se jiġi ppreżentat f'Mejju li ġej.
Għal aktar tagħrif:
Il-konsultazzjoni pubblika: Perjodi ta' limitazzjoni għal talbiet ta' kumpens minn vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE:
http://ec.europa.eu/justice/newsroom/civil/opinion/121031_en.htm
Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:
Il-Kummissjoni Ewropea – Ġustizzja ċivili: perjodi ta' limitazzjoni għal inċidenti tat-traffiku:
http://ec.europa.eu/justice/civil/commercial/car-accident/index_en.htm
Persuni ta' kuntatt: Mina Andreeva (+32 2 299 13 82) Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56) |
Anness: Perjodi bażiċi ta' limitazzjoni għal pretensjonijiet ta' kumpens minn vittmi ta' inċidenti tat-traffiku fit-toroq
Stat Membru | Perjodu ta' limitazzjoni fi snin għal pretensjonijiet kontra parti terza responsabbli (pereżempju, is-sewwieq ta' karozza) | Perjodu ta' limitazzjoni fi snin għal pretensjonijiet kontra assiguratur ta' parti terza responsabbli |
AT | 3 | 3 |
BE | 3 | 3 |
BG | 5 | 5 |
CY | 2 | 2 |
CZ | 3-2 | 3-2 |
DE | 3 | 3 |
DK | 5 | 5 |
EE | 3 | 3 |
EL | 5 | 2-5 |
ES | 1 | 1 |
FI | 3 | 3 |
FR | 10 | 1-3-5 |
HU | 5-3 | 5-3 |
IE | 6-2-1 | 6-2 |
IT | 2 | 2 |
LT | 3 | 1-3 |
LU | 30 | 5 |
LV | 10 | 10-3-1 |
MT | 2 | 2 |
NL | 1-3-5-10 | 3 |
PL | 3 | 3 |
PT | 3 | 3 |
RO | 3 | 3 |
SE | 3 | 3 |
SI | 3 | 3 |
SK | 2-3-10 | 2-3-10 |
UK | 6-3 | 6-3 |
Id-dejta ppreżentata f’din it-tabella ġejja minn studju intitolat “kumpens ta' vittmi ta' inċidenti tat-traffiku transkonfinali fl-UE: paragun ta' prattiċi nazzjonali, analiżi ta' problemi u evalwazzjoni ta' għażliet għat-titjib tal-pożizzjoni ta' vittmi transkonfinali" disponibbli fuq
http://ec.europa.eu/internal_market/insurance/consumer/motor/index_en.htm
It-tabella tirrappreżenta differenzi fit-tul tal-perjodi bażiċi ta' preskrizzjoni applikabbli għat-talbiet ta' kumpens li joriġinaw minn inċidenti tat-traffiku. Aktar minn numru wieħed fit-tabella jfisser li l-perjodi ta' limitazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat huma differenti, skont fatturi differenti, pereżempju jekk talba tikkonċernax ħsara fil-proprjetà jew dannu personali.