Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ikel: L-aħħar Rapport juri li l-Kontrolli tal-UE jiżguraw is-sikurezza tal-ikel li nieklu

European Commission - IP/12/806   20/07/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Lulju 2012

L-ikel: L-aħħar Rapport juri li l-Kontrolli tal-UE jiżguraw is-sikurezza tal-ikel li nieklu

Rapport tal-Kummissjoni Ewropea li ġie ppubblikat illum juri li bis-saħħa tas-Sistema ta' Twissija Rapida dwar L-Ikel u l-Għalf (RASFF Rapid Alert System for Food and Feed) jiġu evitati jew imtaffijin ħafna mill-perikli li jista' jkun hemm fl-ikel u l-kontrolli ta' sikurezza jiżguraw li l-ikel mhuwiex perikoluż. L-RASFF għandha rwol ewlieni biex tassikura s-sikurezza fl-ikel "mill-għalqa sal-platt" billi tiskatta reazzjoni rapida meta jinsab ikel li jkun fih xi riskju ta' periklu. Il-membri kollha tas-sistema RASFF1 jiġu infurmati malajr dwar riskji serji li jinsabu fl-ikel jew fl-għalf biex flimkien jistgħu jirreaġixxu għall-perikli tal-ikel b'mod ikkoordinat biex jipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE.

John Dalli, il-Kummissarju responsabbli għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur qal: "Il-konsumaturi Ewropej igawdu mill-ogħla standards ta' sikurezza fl-ikel fid-dinja. Is-Sistema tat-Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf hija għodda ewlenija għaliex tippermetti li jiġu identifikati r-riskji u jitneħħew mis-suq Ewropew. L-RASFF tirrinforza l-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej fis-sistema tagħna ta' sikurezza fl-ikel u fl-għalf. Fl-2012 aħna ħadna ħsieb għadd ta' kriżijiet importanti bħall-inċident nukleari ta' Fukushima, id-diossina u l-kriżi tal-E. coli. L-UE rnexxielha tieħu ħsieb dawn il-perikli, u l-lezzjonijiet li tgħallimna lkoll bla dubju se jgħinuna nimxu anki aħjar minn hekk fil-ġejjieni."

Ir-riżultati ġenerali

Fl-2011 ġew irrappurtati 9,157 notifika fl-RASFF li kellhom x'jaqsmu ma' nuqqas ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-ikel, 617 minn dawn kienu dwar riskji serji.

Il-maġġoranza tan-notifiki kienu ta' segwitu (5,345) mhux notifiki ġodda (3,812). Dan jirrifletti ż-żieda fl-effikaċja tas-sistema, li tejbet il-mira u żiedet is-segwiti.

Minn 3,812-il notifika ġdida: 3,139 kienu jikkonċernaw l-ikel, 361 kienu jikkonċernaw l-għalf u 312 kienu jikkonċernaw il-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ikel. Xi wħud mill-affarijiet li l-aktar ġew irrappurtati kienu l-aflatossini fl-għalf, fil-frott imnixxef u fil-ġewż, u l-migrazzjoni ta' sustanzi kimiċi minn għodod tal-kċina impurtati miċ-Ċina.

Niżguraw li l-importazzjonijiet ikunu aktar sikuri

Wieħed mis-suċċessi partikolari kien it-tisħiħ tal-kontrolli ta' sigurtà fil-fruntieri tal-UE. Kważi nofs in-notifiki kellhom x'jaqsmu ma' ikel u għalf li ġie rrifjutat fil-fruntieri tal-UE. Meta jiġi identifikat tip ta' prodott bħal dan, l-RASFF tinforma lill-pajjiż mhux tal-UE li jkun involut u titolbu jieħu azzjoni korrettiva u li jevita li jerġa' jkun hemm dil-problema. Meta tinsab problema serja u persistenti, il-Kummissjoni titlob lill-pajjiż ikkonċernat biex japplika miżuri urġenti korrettivi, pereżempju billi jneħħi ċerti stabbilimenti minn fuq il-lista, jimblokka l-esportazzjonijiet jew isaħħaħ il-kontrolli.

It-tnaqqis tar-riskji u l-immaniġġar tal-kriżijiet

Is-sistema tal-RASFF għenitna nirreaġixxu għal bosta perikli bħall-kriżijiet tad-diossina u l-E.coli li nstabu fl-ikel f'dawn l-aħħar snin u għenitna ntaffuhom. Fl-2011 l-RASFF kellu rwol ewlieni fl-immaniġġjar ta' żewġ inċidenti maġġuri li kkonċernaw l-ikel: Fukushima u l-E. coli.

Il-kriżi tal-E.coli kienet waħda mit-tifqigħat l-aktar serji kkawżata mill-ikel fl-istorja tal-UE, b'aktar minn 50 persuna infettata, il-biċċa l-kbira minnhom fil-Ġermanja. Grupp ta' speċjalisti ħadmu lejl u nhar biex jidentifikaw is-sors tat-tifqigħa, biex jiffaċilitaw l-iskambju rapidu tal-informazzjoni li ppermettiet lill-awtoritajiet dwar is-sikurezza fl-ikel jirreaġixxu b'mod effiċjenti biex itaffu l-impatt tal-kriżi, fuq is-saħħa u fuq l-ekonomija.

L-inċident ta' Fukushima: Wara li-ħarġet ir-radjoattività mill-impjant nukleari ta' Daiichi f'Fukushima f'Marzu tal-2011, permezz tal-RASFF, il-Kummissjoni talbet lill-Istati Membri tal-Uebiex janalizzaw il-livelli ta' radjoattività fl-għalf u fl-ikel li ġie impurtat mill-Ġappun. Il-Kummissjoni adottat miżura ta' prekawzjoni fejn talbet lill-awtoritajiet Ġappuniżi jagħmlu l-kontrolli fuq l-għalf u l-ikel kollu miż-żona affettwata li kien maħsub għall-esportazzjoni, qabel ma ssir l-esportazzjoni, u talbet ukoll li jkun hemm kontrolli każwali fil-punti tad-dħul. Il-miżuri żguraw livell għoli ta' ħarsien tas-saħħa pubblika. Intwera li l-RASFF hija indispensabbli għall-komunikazzjoni effettiva u rapida mal-Istati Membri mil-lat tal- iżvilupp tas-sitwazzjoni l-miżuri li jridu jittieħdu; u r-riżultati tal-kontrolli. Il-miżuri għadhom japplikaw fl-2012 u jiġu riveduti regolarment.

It-tagħlim miksub

Tgħallimna għadd ta' lezzjonijiet mill-kriżi tal-2011, dawn ġew deskritti f'dokument tal-Kummissjoni li ġie ppreżentat ukoll illum2. Xi oqsma ewlenin deskritti fil-qosor huma dawn:

  • Jittejjeb l-RASFF bil-varar tal-iRASFF – pjattaforma onlajn ta' notifikazzjoni li se tgħin lill-RASFF taħdem aktar malajr u tkun aktar effiċjenti minn qatt qabel.

  • Issir reviżjoni tal-proċeduri ta' ħidma standard attwali għall-maniġment tal-kriżijiet filwaqt li jibqa' lok għal biżżejjed flessibbiltà.

  • Jiġu riveduti r-regoli dwar it-traċċabbiltà biex jiżdiedu l-ħeffa u l-effiċjenza li bihom jiġu rintraċċati l-prodotti perikolużi u rtirati mis-suq.

  • Jingħata taħriġ iddedikat dwar l-investigazzjoni ta' tifqigħat ikkawżati mill-ikel u l-immaniġġjar tagħhom, kif ukoll dwar l-iġjene fil-produzzjoni primarja għall-imsieħba kummerċjali ewlenin (permezz tal-Programm tal-UE għat-Taħriġ Imtejjeb għal Iżjed Sikurezza fl-Ikel u b'kooperazzjoni mal-Awtorità dwar is-Sikurezza fl-Ikel (EFSA) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Kontroll tal-Mard (ECDC).

  • Jiġu żviluppati regoli speċifiċi għall-produzzjoni ta' żerriegħa u nebbieta.

  • Tittejjeb il-koordinazzjoni f'attivitajiet ta' komunikazzjoni dwar kriżi.

Il-passi li jmiss

Se tkompli wkoll il-ħidma biex tittejjeb is-sistema RASFF u l-mod kif jikkooperaw netwerks u sistemi ta' twissija diversi. Se jkun hemm enfasi fuq ir-riskji emerġenti kif ukoll fuq l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati fid-dokument dwar il-lezzjonijiet li tgħallimna.

Għal aktar tagħrif dwar RASFF:

http://ec.europa.eu/food/food/rapidalert/index_en.htm

MEMO/12/583

Kuntatti :

Frédéric Vincent (+32 2 298 71 66)

Aikaterini Apostola (+32 2 298 76 24)

1 :

L-Istati Membri tal-UE, pajjiżi taż-ŻEE (in-Norveġja, Liechtenstein u l-Islanda), is-Segretarjat tal-EFTA, l-Isvizzera, il-Kummissjoni Ewropea u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sikurezza fl-ikel (EFSA).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website