Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewopea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 18 ta' Lulju 2012

Ir-Rumanija: Meħtieġa azzjoni urġenti li turi impenn lejn l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura

Ir-Rumanija teħtieġ tiżgura r-rispett għall-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura biex tirbaħ lura l-fiduċja tal-imsieħba tagħha fl-UE, jgħid ir-rapport adottat mill-Kummissjoni llum taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika (CVM - Cooperation and Verification Mechanism). Ir-rapport ikopri perjodu ta’ ħames snin mill-adeżjoni tar-Rumanija fl-UE fl-2007 u jippreżenta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress miksub fir-Rumanija matul dan il-perjodu, u jiffoka fuq ir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Il-President Barroso qal, "Il-kontrolli u l-bilanċi meħtieġa f'sistema demokratika għandhom ikunu garantiti. Filwaqt li sar progress fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-aħħar ħames snin, dan il-progress ġie kkontestat minn avvenimenti fl-aħħar xahar. Il-Kummissjoni qajmet tħassib serju dwar l-istat tad-dritt u l-indipendenza tal-ġudikatura fir-Rumanija. Il-Prim Ministru Ponta wieġeb u qabel li jindirizza malajr dan it-tħassib. Il-Kummissjoni se timmonitorja s-sitwazzjoni biex tiżgura li dawn l-impenji jiġu onorati. L-implimentazzjoni urġenti u rigoruża tar-rakkomandazzjonijiet tas-CVM se tikkontribwixxi biex tiżgura ambjent ekonomiku stabbli, kredibbli u tajjeb għall-investiment u biex tirrassigura s-swieq finanzjarji".

Ir-rapport jiġbor fil-qosor mistoqsijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-isfidi reċenti għall-istat tad-dritt mill-Gvern u l-Parlament Rumen. Huwa jinkludi numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni li r-Rumanija għandha tieħu b’mod urġenti. Dawn għandhom jimplimentaw l-impenji magħmula mill-Prim Ministru Ponta lill-President Barroso.

Filwaqt li jħares lejn il-ħames snin li għaddew, ir-rapport juri progress li sar. Ħafna mill-partijiet ewlenin tal-qafas leġiżlattiv issa huma fis-seħħ. L-enfasi qiegħda taqleb għall-implimentazzjoni. U s-sjieda tar-riformi għadha varjabbli.

Ir-Rumanija ħolqot il-bażi għal immodernizzar sostanzjali tas-sistema ġudizzjarja tar-Rumanija. Istituzzjonijiet bħad-Direttorat Nazzjonali ta’ Kontra l-Korruzzjoni (DNA) u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Integrità (ANI) urew rekord konvinċenti fl-insegwiment tal-korruzzjoni f’livell għoli. Reċentement, deċiżjonijiet tal-qorti f'każijiet ta' korruzzjoni fuq livell għoli effettivament trattaw l-aktar każijiet sensittivi, u l-ġudikatura wriet il-kapaċità tagħha li tafferma l-indipendenza tagħha.

Madanakollu, minkejja l-progress tar-Rumanija, ir-rapport jikkonkludi li l-objettivi tas-CVM għadhom ma ntlaħqux. L-implimentazzjoni tal-liġijiet għadha kemm bdiet f’ċerti oqsma, filwaqt li f’oqsma oħra is-sjieda għadha lura u b’mod ġenerali r-riforma għadha mhix sostenibbli u irriversibbli. Il-kontroversji attwali jippreżentaw theddida serja għall-progress miksub s'issa u jqajmu mistoqsijiet serji dwar il-futur tar-riformi mnedija diġà.

Nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma suġġetti ta’ tħassib għal maġġoranza kbira ta’ Rumeni. Stħarriġ mill-Ewrobarometru imwettaq mill-Kummissjoni f'Mejju wera li 72% tar-Rumeni riedu lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja r-riforma fir-Rumanija sakemm hija tikseb standards komparabbli ma’ Stati Membri oħra.

Fid-dawl ta’ sfidi reċenti għall-istat tad-dritt u l-indipendenza ġudizzjarja, il-Kummissjoni se tadotta rapport ieħor taħt is-CVM qabel tmiem din is-sena, biex tevalwa jekk it-tħassib tagħha ġiex indirizzat u jekk verifiki u bilanċi demokratiċi ġewx restawrati.

Kuntest

Fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika biex jevalwa l-impenji magħmula mir-Rumanija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni ntalbet tirrapporta dwar il-progress f'dawn l-oqsma fuq bażi regolari. Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel rapport tagħha fis-27 ta’ Ġunju 2007 u minn dak iż-żmien 'l hawn ħarġet rapporti darbtejn fis-sena. Ir-rapporti tal-Kummissjoni huma kkomplimentati minn dokument ta' ħidma tal-persunal li jistabbilixxi l-analiżi fid-dettal tal-Kummissjoni kontra kull punt ta' referenza stabbilit għas-CVM.

L-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq valutazzjoni tal-progress li saret mill-awtoritajiet Rumeni u fuq informazzjoni mill-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali, esperti indipendenti u diversi sorsi oħra. Il-Kummissjoni wettqet bosta missjonijiet fir-Rumanija, u r-rapporti jqisu wkoll it-tweġibiet għall-kwestjonarji dettaljati mir-Rumanija mħejjija mill-Kummissjoni.

L-aħħar rapport annwali kien ippubblikat fl-20 ta' Lulju 2011. Dan ġie supplementat b’rapport interim ippubblikat fit-8 ta’ Frar 2012.

Ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn ir-rapport dwar ir-Rumanija tinsab fil-MEMO/12/569.

Ħarsa ġenerali aktar dettaljata lejn il-Mekkaniżmu ta’ Koperazzjoni u Verifika tinstab fil-

MEMO/07/260.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru fuq il-perċezzjonijiet rigward in-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt fir-Rumanija u rigward l-aspettattivi lejn l-appoġġ mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest jista’ jinstab fi:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Il-kopji tar-rapporti sħaħ jinstabu hawn:

http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/cvm/index_en.htm

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site