Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Bulgarija: Meħtieġa spinta lir-riformi biex jintlaħqu l-għanijiet rigward l-istat tad-dritt

Commission Européenne - IP/12/798   18/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewopea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 18 ta' Lulju 2012

Il-Bulgarija: Meħtieġa spinta lir-riformi biex jintlaħqu l-għanijiet rigward l-istat tad-dritt

Il-Kummissjoni adottat rapport dwar il-progress li sar mill-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika (CVM - Cooperation and Verification Mechanism). Ir-rapport ikopri perjodu ta’ ħames snin mill-adeżjoni tal-Bulgarija fl-UE fl-2007 u jippreżenta l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress miksub mill-Bulgarija matul dan il-perjodu, fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata. Il-konklużjoni ewlenija tiegħu hija li hemm bżonn ta’ implimentazzjoni aktar profonda tar-riformi sabiex il-proċess isir irriversibbli.

"Il-Bulgarija għamlet ħafna progress mill-adeżjoni ’l hawn "qal il-President Barroso, "Il-liġijiet issa huma fis-seħħ, issa se jkun importanti li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tagħhom. Il-Bulgarija għamlet progress rilevanti u tista' tilħaq l-għanijiet fis-CVM, iżda teħtieġ li turi aktar sjieda tar-riforma u taħdem b’mod aktar effettiv milli fil-passat. Riżultati konvinċenti għad iridu jiġu murija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'livell għoli u l-kriminalità organizzata sabiex jiġu indirizzati l-preokkupazzjonijiet ta' ċittadini Bulgari u l-imsieħba Ewropej tal-Bulgarija.

Filwaqt li jħares lejn il-ħames snin li għaddew, ir-rapport juri progress, iżda wkoll li r-riforma għadha mhix sostenibbli u irriversibbli. Inkiseb progress bl-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv bażiku u l-ħolqien ta’ istituzzjonijiet ġodda importanti. F’dan il-kuntest, il-Bulgarija waqqfet spettorat ġudizzjarju indipendenti u ħolqot strutturi speċjalizzati fil-livell tal-pulizija u l-prosekuzzjoni biex tindirizza l-kriminalità organizzata. Ittejbet ukoll il-leġiżlazzjoni dwar is-sekwestru tal-assi u nħoloq korp li jsegwi l-konflitti ta’ interess.

Ir-rapport jirrakkomanda lill-Bulgarija biex issa tiffoka fuq li timla l-lakuni li fadal f'dan il-qafas legali u istituzzjonali u biex tikkonċentra fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata riċentement. Id-dgħufijiet għadhom jeżistu partikolarment fl-integrità tal-ġudikatura, rigward prattika dixxiplinarja konsistenti fil-ħatriet ġudizzjarji trasparenti u objettivi, fl-evalwazzjonijiet u fil-promozzjonijiet. Fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-koordinazzjoni bejn awtoritajiet differenti għadha insuffiċjenti u r-riforma teħtieġ aktar direzzjoni u impenn lejn ir-riżultati. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f'livell għoli u l-kriminalità organizzata għadha nieqsa minn riżultati konvinċenti.

Nuqqasijiet fir-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma tħassib serju għal maġġoranza kbira ta’ Bulgari. Stħarriġ tal-Ewrobarometru imwettaq mill-Kummissjoni f'Mejju wera li 78% tal-Bulgari riedu lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġja r-riforma fil-Bulgarija sakemm hija tikseb standards komparabbli ma’ Stati Membri oħra.

Il-Kummissjoni se tagħmel il-valutazzjoni tal-progress tagħha li jmiss fi tmiem l-2013 sabiex tippermetti lill-awtoritajiet Bulgari biżżejjed żmien biex juru rekord ta’ implimentazzjoni tal-liġijiet relevanti. Il-Kummissjoni se tissorvelja l-progress mill-qrib matul dan il-perjodu b'missjonijiet regolari u djalogu frekwenti mal-awtoritajiet Bulgari u l-Istati Membri l-oħra.

Kuntest

Fl-1 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni stabbilixxiet Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika biex jevalwa l-impenji magħmula mill-Bulgarija fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni ntalbet tirrapporta dwar progress f'dawn l-oqsma fuq bażi regolari. Il-Kummissjoni ħarġet l-ewwel rapport tagħha fis-27 ta’ Ġunju 2007 u minn dak iż-żmien 'l hawn ħarġet rapporti darbtejn fis-sena. Ir-rapporti tal-Kummissjoni huma kkomplimentati minn dokument ta' ħidma tal-persunal li jistabbilixxi l-analiżi fid-dettal tal-Kummissjoni kontra kull punt ta' referenza stabbilit għas-CVM.

L-analiżi tal-Kummissjoni hija bbażata fuq valutazzjoni tal-progress li saret mill-awtoritajiet Bulgari u fuq informazzjoni mill-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali, esperti indipendenti u diversi sorsi oħra. Il-Kummissjoni wettqet bosta missjonijiet fil-Bulgarija, u r-rapporti jqisu wkoll it-tweġibiet mill-Bulgarija għall-kwestjonarji dettaljati mħejjija mill-Kummissjoni.

L-aħħar rapport annwali kien ippubblikat fl-20 ta' Lulju tal-2011. Dan ġie supplementat b’rapport interim ippubblikat fit-8 ta’ Frar 2012.

Ħarsa ġenerali aktar dettaljata tar-rapport dwar il-Bulgarija tinsab fil-MEMO/12/568.

Ħarsa ġenerali aktar dettaljata tal-Mekkaniżmu għall-Koperazzjoni u l-Verifika tinstab fil-MEMO/07/260.

Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-istħarriġ tal-Ewrobarometru fuq il-perċezzjonijiet rigward in-nuqqasijiet fl-istat tad-dritt fil-Bulgarija u rigward l-aspettattivi lejn l-appoġġ mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest jista’ jinstab fi:

http://ec.europa.eu/public_opinion/index_en.htm

Il-kopji tar-rapporti sħaħ jinstabu hawn:

http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/cvm/index_en.htm

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Mark Gray (+32 2 298 86 44)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site