Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Regolazzjoni aktar sikura għall-prodotti bijoċidali

European Commission - IP/12/794   17/07/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Lulju 2012

L-Ambjent: Regolazzjoni aktar sikura għall-prodotti bijoċidali

Ir-regoli l-ġodda dwar il-bijoċidi jidħlu fis-seħħ illum, u se jagħtu spinta qawwija lill-ħarsien ta' saħħet il-bniedem u tal-ambjent. Il-prodotti bijoċidali huma neċessarji għall-kontroll tal-organiżmi li huma ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew li jikkawżaw ħsara lill-materjali. Iżda peress li l-proprjetajiet tagħhom jistgħu wkoll joħolqu riskji għall-bnedmin, għall-annimali u għall-ambjent, dawn il-prodotti jeħtieġ li jkunu rregolati b’ċerta attenzjoni. Ir-regolament il-ġdid dwar il-prodotti bijoċidali se jżid is-sikurezza ta’ dawn il-prodotti kimiċi u se jissimplifika l-awtorizzazzjoni tagħhom fis-suq tal-UE, filwaqt li jtejjeb il-moviment ħieles tagħhom fis-suq intern.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Dan pass ieħor biex niggarantixxu livell għoli ta' ħarsien għas-saħħa taċ-ċittadini u għall-ambjent. Huwa mfassal b’mod li jiżgura li nsibu biss prodotti sikuri u li s-sustanzi l-aktar perikolużi jinżammu 'l barra mis-suq tagħna. Bis-simplifikazzjoni tal-awtorizzazzjoni, ir-regolament il-ġdid se jirriżulta f'benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli għall-kumpaniji Ewropej."

Il-prodotti bijoċidali huma parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum. Dawn jinkludu d-diżinfettanti li jintużaw fid-djar jew fl-isptarijiet, il-velenu tal-ġrieden, ir-repellenti tal-insetti, l-isprejs u ż-żebgħa kontra l-moffa, kapsoli għall-purifikazzjoni tal-ilma u bosta prodotti oħrajn. Dawn il-prodotti ilhom soġġetti għal-liġi tal-UE mill-1998, u minn dakinhar ‘l hawn ġie awtorizzat kważi elf prodott skont id-Direttiva dwar il-prodotti bijoċidali.

Il-Kummissjoni Ewropea analizzat id-Direttiva dwar il-Bijoċidi u kkonkludiet li l-proċessi ta’ awtorizzazzjoni għas-sustanzi attivi u għall-prodotti jistgħu jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati. Ir-regolament il-ġdid joffri dispożizzjonijiet aktar effiċjenti għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti, għar-rekwiżiti u għall-qsim ta’ dejta relatata mal-prodotti. Permezz ta’ dan ir-regolament ġie stmat li l-industrija se tiffranka EUR 2.7 biljun fuq perjodu ta’ 10 snin.

Id-dispożizzjonijiet il-ġodda jnaqqsu wkoll l-ittestjar fuq l-annimali peress li l-qsim tad-dejta jsir obbligatorju u jitħeġġeġ approċċ għall-ittestjar li jkun aktar flessibbli u integrat. Se tintuża pjattaforma tal-IT speċifika (ir-Reġistru għall-Prodotti Bijoċidali) għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet kif ukoll għar-reġistrazzjoni ta' deċiżjonijiet u għat-tixrid tal-informazzjoni lill-pubbliku.

Il-ħarsien wkoll se jiġi estiż peress li l-leġiżlazzjoni l-ġdida issa se tinkludi oġġetti u materjali li huma ttrattati bħala prodotti bijoċidali, bħal pereżempju l-għamara u l-imballaġġ tal-ikel.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) se tingħata rwol ewlieni fl-amministrazzjoni ta’ dan ir-regolament. Wieħed mill-vantaġġi ewlenin se jkun l-iskala ta’ riżorsi li l-ECHA se tkun qed tipprovdi. Attwalment, dawn ir-riżorsi huma limitati ħafna kemm fil-livell nazzjonali kemm f’dak Ewropew, u dan iwassal għal dewmien fl-awtorizzazzjoni u aktar spejjeż għall-industrija. L-ECHA qed tiġi allokata 100 ruħ biex speċifikament jaħdmu fuq attivitajiet li jikkonċernaw il-bijoċidi. L-għadd ta’ opinjonijiet li se tipproduċi huwa mistenni li se jiżdied minn 80 fl-2014 għal 300 fl-2020.

Il-passi li jmiss

Ir-Regolament jibda japplika fl-1 ta’ Settembru 2013. Minn dik id-data 'l quddiem, il-kumpaniji se jkollhom żewġ għażliet biex jitolbu permess biex iqiegħdu l-prodotti tagħhom fis-suq. L-ewwel waħda, li x’aktarx hija dik li se tintuża mill-kumpaniji l-kbar, tesiġi li l-kumpaniji jissottomettu applikazzjoni lill-ECHA u jekk il-prodott jitqies sikur, dan ikun jista’ jinbiegħ fl-UE kollha. It-tieni waħda taf tkun aktar attraenti għall-għadd kbir ta’ impriżi żgħar u medji f’dan is-settur, peress li tesiġi li l-kumpaniji jissottomettu applikazzjoni lill-awtorità nazzjonali tagħhom stess, biex ibigħu prodott f’pajjiżhom. Jekk l-awtorizzazzjoni tingħata, sussegwentement ikunu jistgħu jqiegħdu l-prodott fis-suq tal-Istati Membri l-oħra, skont il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/12/571

http://ec.europa.eu/environment/biocides/regulation_2012.htm

Ara wkoll:

http://ec.europa.eu/environment/chemicals/index.htm

http://echa.europa.eu/regulations/biocidal-products-regulation

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website