Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Lulju 2012

Dejta xjentifika: aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka se jagħti spinta lill-kapaċità innovattiva tal-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippreżentat miżuri biex ittejjeb l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika prodotta fl-Ewropa. Aċċess aktar mifrux u rapidu għal dokumenti u dejta xjentifiċi se jagħmilha iktar faċli għar-riċerkaturi u n-negozji biex jibnu fuq is-sejbiet tar-riċerka ffinanzjata pubblikament. Dan għandu jagħti spinta lill-kapaċità innovattiva tal-Ewropa u jagħti liċ-ċittadini aċċess aktar veloċi għall-benefiċċji tal-iskoperti xjentifiċi. B’dan il-mod, dan se jagħti lill-Ewropa redditu aħjar fuq l-investiment annwali tagħha ta’ EUR 87 biljun fir-Riċerka u Żvilupp. Il-miżuri jikkumplimentaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni biex tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), li ġiet adottata wkoll illum.

Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni se tagħmel l-aċċess miftuħ bħala prinċipju ġenerali għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi tal-Orizzont 2020, il-programm ta' fondi tal-UE għar-Riċerka u l-Innovazzjoni għall-2014-2020. Mill-2014, l-artikli kollha prodotti b’riżultat ta’ finanzjament minn Orizzont 2020 jridu jkunu aċċessibbli:

  • l-artikli jew se jkunu aċċessibbli onlajn immedjatament mill-pubblikatur (aċċess miftuħ tal-livell “deheb”) - l-ispejjeż ta’ qabel il-pubblikazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal rimborż mill-Kummissjoni Ewropea; jew

  • inkella r-riċerkaturi se jagħmlu l-artikli tagħhom disponibbli permezz ta’ repożitorju tal-aċċess miftuħ sa mhux aktar tard minn sitt xhur (12-il xahar għal artikli fl-oqsma tax-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi) wara l-pubblikazzjoni (aċċess miftuħ tal-livell “aħdar”).

Il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li l-Istati Membri jieħdu approċċ simili għar-riżultati tar-riċerka ffinanzjata taħt il-programmi domestiċi tagħhom stess. L-għan huwa li sal-2016, 60 % tal-artikli Ewropej tar-riċerka ffinanzjata pubblikament ikunu disponibbli taħt l-aċċess miftuħ.

Il-Kummissjoni se tibda tesperimenta wkoll b’aċċess miftuħ għad-dejta miġbura matul ir-riċerka ffinanzjata pubblikament (eż. ir-riżultati numeriċi tal-esperimenti), filwaqt li tqis it-tħassib leġittimu relatat mal-interessi kummerċjali tal-benefiċjarju jew mal-privatezza.

84 % ta’ dawk li wieġbu għal konsultazzjoni pubblika li twettqet fl-2011 qalu li l-aċċess għal-letteratura xjentifika mhux mill-aqwa. L-istudji juru li mingħajr aċċess veloċi għal-letteratura xjentifika aġġornata, l-intrapriżi żgħar u medji jieħdu sa sentejn iżjed biex idaħħlu prodotti innovattivi fis-suq. Studju ffinanzjat mill-UE wera li attwalment huma 25 % biss tar-riċerkaturi li jikkondividu d-dejta tagħhom b’mod miftuħ.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: “Il-persuni li jħallsu t-taxxa m’għandhomx għalfejn ikollhom iħallsu darbtejn għar-riċerka xjentifika u jeħtieġu li jkollhom aċċess bla xkiel għad-dejta primarja. Aħna rridu nwasslu t-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati tar-riċerka xjentifika fil-livell li jmiss. Id-dejta hija ż-żejt il-ġdid.”

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, qalet: "Irridu nagħtu lill-persuni li jħallsu t-taxxi rendiment aħjar għall-flushom. Aċċess miftuħ għal dokumenti u dejta xjentifiċi ser iħaffef il-kisbiet importanti mir-riċerkaturi u n-negozjaturi tagħna, filwaqt li jagħti spinta lill-għarfien u l-kompetittività fl-Ewropa.”

Sfond

L-aċċess miftuħ jagħti lill-qarrejja aċċess liberu għar-riżultati tar-riċerka fuq l-internet. Illum, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-għanijiet tal-politika tal-aċċess miftuħ għar-riċerka ffinanzjata mill-Kummissjoni permezz ta’ "Orizzont 2020". Rakkomandazzjoni ta’ akkumpanjament tal-Kummissjoni tistabbilixxi qafas politiku sħiħ biex jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-preżervazzjoni tagħha. Flimkien dawn iż-żewġ inizjattivi, li ġew ippubblikati llum ukoll, jikkontribwixxu għall-kuntest iktar mifrux tal-kisba ta' Żona Ewropea tar-Riċerka (ara IP/12/788 u MEMO/12/564). Dawn jibnu fuq il-Komunikazzjoni tal-2007 dwar l-informazzjoni xjentifika fl-era diġitali (ara IP/07/190) u fuq il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ dik l-istess sena.

Il-Kummissjoni se:

  • tiddefinixxi l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet ta’ reviżjoni bejn il-pari bħala l-prinċipju ġenerali f’Orizzont 2020, jew permezz ta’ pubblikazzjoni b'aċċess miftuħ (aċċess miftuħ tal-livell 'deheb') jew inkella permezz ta’ awtoarkivjar (aċċess miftuħ tal-livell “aħdar”).

  • tippromwovi l-aċċess miftuħ għad-dejta li tirriżulta mir-riċerka (riżultati esperimentali, osservazzjonijiet u informazzjoni ġġenerata permezz tal-kompjuter, eċċ.) u tistabbilixxi qafas pilota f’Orizzont 2020, filwaqt li tqis it-tħassib leġittimu rigward il-privatezza, l-interessi kummerċjali u mistoqsijiet relatati ma’ volumi kbar ta’ dejta.

  • tiżviluppa u tappoġġa l-infrastrutturi elettroniċi biex jospitaw u jikkondividu l-informazzjoni xjentifika (pubblikazzjonijiet u dejta) li huma interoperabbli fuq livell Ewropew u globali,

  • tgħin lir-riċerkaturi jikkonformaw mal-obbligi tal-aċċess miftuħ u tippromwovi kultura ta' kondiviżjoni.

L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa stabbilixxiet politika ambizzjuża “ta’ dejta miftuħa” li tkopri l-firxa sħiħa tal-informazzjoni li l-korpi pubbliċi madwar l-Unjoni Ewropea jipproduċu, jiġbru jew iħallsu għalihom. L-inizjattiva ewlenija tal-UE, Unjoni tal-Innovazzjoni, tappoġġa wkoll espliċitament l-Aċċess Miftuħ bħala element essenzjali fit-twettiq taż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER). Il-Komunikazzjoni u r-Rakkomandazzjoni dwar l-informazzjoni xjentifika jikkumplementaw il-Komunikazzjoni dwar "Sħubija msaħħa fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-eċċellenza u t-tkabbir”, li qed tiġi wkoll adottata llum, li tistabbilixxi prijoritajiet ewlenin għat-tlestija taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, inkluż l-aħjar ċirkolazzjoni tal-għarfien xjentifiku, l-aċċess għalih u t-trasferiment tiegħu.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli tiffinanzja proġetti relatati mal-aċċess miftuħ. Fl-2012-2013, il-Kummissjoni se tonfoq EUR 45 miljun fuq l-infrastrutturi tad-dejta u r-riċerka dwar il-preżervazzjoni diġitali. Il-finanzjament se jkompli taħt il-programm Orizzont 2020. Matul l-istess perjodu, il-Kummissjoni se tappoġġa l-esperimentazzjoni b’mezzi ġodda ta’ ġestjoni tal-informazzjoni xjentifika (eż. metodi u mezzi ġodda għar-reviżjoni bejn il-pari għall-kejl tal-impatt ta’ artiklu).

Ara wkoll MEMO/12/565

Links

Sfond tal-politika:

http://ec.europa.eu/research/science-society/open_access

Strateġija tad-Dejta Miftuħa:

http://ec.europa.eu/information_society/policy/psi/index_en.htm

Agħti l-opinjoni tiegħek: Hashtag #da12data

Is-sit tal-internet ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti:

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @ECspokesRyan

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 298 65 95)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website