Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-ostakli għas-Suq Uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni

Commission Européenne - IP/12/788   17/07/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-17 ta' Lulju 2012

Il-Kummissjoni Ewropea tindirizza l-ostakli għas-Suq Uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea llum stabbiliet passi konkreti li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex tinkiseb Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER), Suq Uniku għar-riċerka u l-innovazzjoni fl-Ewropa. Il-mira hija li r-riċerkaturi, l-istituzzjonijiet ta' riċerka u n-negozji jkunu jistgħu jiċċaqalqu, jikkompetu u jikkooperaw b'mod aħjar bejn il-fruntieri. Dan se jsaħħaħ il-bażijiet ta' riċerka tal-Istati Membri, iżid il-kompetittività tagħhom u jippermettilhom li jaħdmu flimkien b'mod aktar effettiv biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin tas-soċjetà, bħat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija u s-saħħa pubblika. Biex tgħin fil-kisba taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-Kummissjoni llum iffirmat ukoll Dikjarazzjoni Konġunta u Memoranda ta' Ftehim ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet tar-riċerka u korpi ta' finanzjament tar-riċerka ewlenin. Il-proposti huma tweġiba għall-iskadenza stabbilita mill-mexxejja tal-UE biex iż-Żona Ewropea tar-Riċerka ssir realtà sal-2014.

Máire Geoghegan-Quinn, il-Kummissarju Ewropew għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza, qalet: "Ma nistgħux inkomplu b'sitwazzjoni fejn il-finanzjament tar-riċerka mhux dejjem ikun allokat b'mod kompetittiv, fejn il-karigi mhux dejjem jimtlew abbażi tal-mertu, fejn ir-riċerkaturi rarament jistgħu jiksbu l-għotjiet tagħhom jew ikollhom aċċess għal programmi ta' riċerka bejn il-fruntieri, u fejn saħansitra partijiet kbar tal-Ewropa lanqas jitqiesu f'dan il-kuntest. Tkellem ma' kwalunkwe kap ta' negozju u kollha kemm huma jgħidulek li l-kwalità tal-bażi ta' riċerka hija fattur ewlieni fid-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom. Fl-ekonomija ta' llum, l-ebda Stat Membru jew reġjun ma jiflaħ jittraskura l-bażi ta' għarfien tiegħu."

Kważi 80 % tal-komunità tar-riċerka, meta ġew mistoqsija dwar dan, indikaw li nuqqas ta' reklutaġġ miftuħ u trasparenti jfixkel il-mobbiltà internazzjonali. Għaldaqstant, l-Istati Membri qed jintalbu jneħħu l-ostakli għal karrieri transfruntieri fir-riċerka fl-Ewropa, iżidu l-kisba ta' aġendi konġunti tar-riċerka, isaħħu l-finanzjament kompetittiv għall-istituzzjonijiet u għall-proġetti u jinvestu b'mod effiċjenti f'faċilitajiet ta' klassi dinjija.

Organizzazzjonijiet ta' partijiet interessati fir-riċerka huma mħeġġa jiddefinixxu u jimplimentaw il-prinċipji għall-aċċessibbiltà u l-portabbiltà ta' għotjiet nazzjonali, jippubblikaw avviżi ta' postijiet tax-xogħol vakanti fuq portal tal-internet komuni, jimlew karigi ta' riċerka skont proċeduri ta' reklutaġġ trasparenti, miftuħa u bbażati fuq il-mertu u jżidu l-konnessjonijiet bejn l-industrija u l-qasam akkademiku.

Biex tikkomplimenta l-proposti ta' llum fir-rigward taż-Żona Ewropea tar-Riċerka, il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll inizjattiva li tippromwovi l-aċċess għall-informazzjoni xjentifika u l-ħarsien tagħha. Din għandha l-għan li tippromwovi aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet minn proġetti ffinanzjati mill-UE, kif ukoll minn riċerka ffinanzjata fil-livell nazzjonali (Ara IP/12/790 u MEMO/12/565).

Sfond

Il-mexxejja tal-UE ripetutament saħqu fuq l-importanza li titlesta ż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Frar 2011 u Marzu 2012 stabbilixxew l-iskadenza tal-2014. Ir-rwol taż-Żona Ewropea tar-Riċerka fl-ixprunar tal-Ewropa mil-lat tal-kompetittività huwa enfasizzat ukoll fil-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi miftiehem fil-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju.

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-kisba taż-Żona Ewropea tar-Riċerka jiffukaw fuq ħames prijoritajiet ewlenin fejn jeħtieġ li jsir progress:

  • aktar effettività tas-sistemi nazzjonali ta' riċerka

  • kooperazzjoni u kompetizzjoni transnazzjonali mtejba inklużi t-twaqqif u t-tħaddim effettiv ta' infrastrutturi ewlenin ta' riċerka

  • suq tax-xogħol aktar miftuħ għar-riċerkaturi

  • ugwaljanza bejn is-sessi u integrazzjoni fl-organizzazzjonijiet li jwettqu u jagħżlu l-proġetti ta' riċerka u

  • ċirkolazzjoni u trasferiment ottimali ta' informazzjoni xjentifika, inklużi dawk permezz ta' mezzi diġitali u aċċess usa' u aktar rapidu għal pubblikazzjonijiet u dejta xjentifiċi.

Għal kull prijorità, il-Komunikazzjoni tidentifika passi konkreti li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati u l-Kummissjoni Ewropea, li jaħdmu flimkien fi sħubija rinfurzata.

Iż-Żona Ewropea tar-Riċerka hija parti integrali mill-ambizzjoni li l-Unjoni Ewropea ssir Unjoni tal-Inovazzjoni reali. Iż-żieda tal-investimenti fir-riċerka, il-kwalità u r-rilevanza xjentifika huma kruċjali biex jiġu żviluppati prodotti u servizzi ġodda intensivi fl-għarfien li li joffru s-soluzzjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

Ara MEMO/12/564

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Kuntatti :

Michael Jennings (+32 2 296 33 88)

Monika Wcislo (+32 2 295 56 04)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site