Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Lulju 2012

Is-sikurezza fit-toroq: Regoli aktar stretti ta’ ttestjar tal-vetturi biex jiġu salvati l-ħajjiet

Il-kontrolli tal-vetturi huma fundamentali għas-sikurezza fit-toroq. Aktar minn 5 persuni jmutu kuljum fit-toroq tal-Ewropa f’inċidenti marbuta ma' ħsarat tekniċi. Għalhekk, il-Kummissjoni Ewropea llum adottat regoli ġodda biex is-sistema ta’ ttestjar tkun waħda aktar stretta u jitwessa' l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

Id-difetti tekniċi jikkontribwixxu bil-kbir għall-inċidenti. Huma responsabbli għal 6 % tal-inċidenti kollha tal-karozzi, li jfissru 2 000 mewta u ħafna aktar korrimenti kull sena. 8 % tal-inċidenti kollha bil-muturi huma marbuta ma’ difetti tekniċi.

Il-problema prinċipali hija li sempliċiment jeżistu wisq vetturi fit-toroq b'difetti tekniċi . Studji reċenti mir-Renju Unit u l-Ġermanja jindikaw li sa 10 % tal-karozzi fi kwalunkwe ħin ikollhom difett li jwassalhom biex jeħlu mit-testijiet. Barra minn hekk, ħafna difetti tekniċi b’implikazzjonijiet serji għas-sikurezza (bħall-ABS u l-Kontroll tal-Istabbiltà Elettronika) lanqas biss m’huma kkontrollati taħt ir-regoli attwali.

Ir-regoli eżistenti tal-UE li jistabbilixxu l-istandards minimi għall-kontrolli tal-vetturi jmorru lura għall-1977, u saru biss aġġornamenti żgħar. Il-karozzi, l-imġiba tas-sewwieqa u t-teknoloġija żviluppaw ħafna minn dakinhar.

Il-proposti l-ġodda

Il-proposti l-ġodda għandhom l-għan li jsalvaw aktar minn 1 200 ħajja fis-sena u li jevitaw aktar minn 36 000 inċident marbut ma’ ħsarat tekniċi.

Il-Viċi President Siim Kallas responsabbli mit-trasport qal, "Jekk tkun qed issuq karozza li mhijiex tajba biex tkun fuq it-triq, int tkun ta’ periklu għalik innifsek u għall-passiġġieri kollha fil-karozza tiegħek – il-familja tiegħek, ħbiebek, il-kollegi tiegħek tax-xogħol. Barra minn hekk, tkun ta’ periklu għal kull min qed juża t-triq. Din mhix xi ħaġa kkumplikata; ma rridux dawn il-karozzi potenzjalment qattiela fit-toroq tagħna."

L-elementi ewlenin tal-proposti l-ġodda jinkludu

  • Ittestjar obbligatorju madwar l-UE għall-iskuters u l-muturi. Ir-rikkieba tal-mutur u l-iskuters, b'mod partikolari dawk żgħażagħ, huma l-grupp bl-ogħla riskju fost l-utenti tat-triq.

Tiżdied il-frekwenza ta’ testijiet perjodiċi tal-kundizzjoni tajba għas-sewqan għal vetturi qodma. Bejn 5 snin u 6, l-għadd ta’ inċidenti serji relatati ma’ ħsarat tekniċi jiżdied b’mod drammatiku (ara l-grafika mehmuża f’MEMO/12/555).

  • Tiżdied il-frekwenza tat-testijiet għall-karozzi u l-vannijiet b’kilometraġġ eċċezzjonalment għoli. Dan ser jarmonizza t-testijiet tagħhom ma’ ta' vetturi oħra b’kilometraġġ għoli bħal taksis, ambulanzi eċċ.

  • Titjieb il-kwalità tat-testijiet tal-vetturi billi jiġu stabbiliti standards minimi komuni għan-nuqqasijiet, għat-tagħmir u għall-ispetturi.

  • Il-komponenti elettroniċi tas-sikurezza jkunu soġġetti għal testijiet obbligatorji.

  • Jiġi eliminat it-tbagħbis tal-kilometraġġ, b’qari reġistrat tal-kilometraġġ.

Fil-każijiet kollha, il-proposti jistabbilixxu standards minimi komuni madwar l-UE għall-kontrolli tal-vetturi, bl-Istati Membri jkunu liberi li jmorru lilhinn minn dan jekk ikun xieraq.

Sfond

Ir-regoli eżistenti tal-UE dwar il-kontrolli tal-vetturi jmorru lura għall-1977. Dawn jistabbilixxu standards minimi għall-kontrolli tal-vetturi u kienu aggornati marġinalment minn dak iż-żmien ‘l hawn. Hemm tliet leġiżlazzjonijiet ewlenin:

  • Id-Direttiva 2009/40/KE tistabbilixxi standards minimi għal testijiet perjodiċi tal-kondizzjoni tajba għas-sewqan ta' vetturi bil-mutur - dawn huma l-kontrolli regolari tal-vetturi kif titlob il-liġi. Id-Direttiva tapplika għal karozzi tal-passiġġieri, xarabanks u kowċis u vetturi tqal tal-merkanzija u l-karrijiet tagħhom, iżda mhux għall-iskuters u l-muturi.

  • Id-Direttiva 2009/40/KE hija kkumplimentata bid-Direttiva 2000/30/KE, li tipprovdi r-rekwiżit għall-kontroll tal-istat tekniku tal-vetturi kummerċjali bejn spezzjoni perjodika u oħra (bi spezzjonijiet tekniċi fit-triq). Dawn huma kontrolli addizzjonali immedjati fit-triq għal vetturi kummerċjali.

  • Id-Direttiva 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għal vetturi tistipula r-rekwiżiti għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku tagħhom u l-kontenut minimu armonizzat taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-vetturi.

Għal aktar informazzjoni

MEMO/12/555

Għall-aktar dejta reċenti dwar l-imwiet fit-toroq (2011) mill-Istati Membri ara IP/12/326

Is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Mobbiltà u t-Trasport

Is-sit elettroniku tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli mit-Trasport Siim Kallas

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site