Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-12 ta' Lulju 2012

Il-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill Ewropew jiġbru flimkien il-mexxejja reliġjużi biex jiddiskutu is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u l-isfidi demografiċi fl-Ewropa

Brussel, it-12 Lulju 2012 – aktar minn 20 rappreżentant għoli mir-reliġjon Nisranija, Musulmana u Lhudija u mill-komunitajiet tal-Hindu u l-Bahá'í mill-Ewropa kollha illum iltaqgħu fi Brussell, bil-motto "Is-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet: it-Twaqqif ta' Parametri għas-Soċjetà tal-Ġejjieni fl-Ewropa'. Dan il-laqgħa ta' livell għoli issejħet minn José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u kkopresidewha Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew, u László Surján, il-Viċi-President tal-Parlament Ewropew f’isem il-President Martin Schulz. Fi spirtu frank u apert, il-mexxejja ddiskutew is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u sfidi demografiċi importanti oħra għall-Ewropa, bħal kif għandu jiġi indirizzat il-qgħad, kif tista’ titrawwem xjuħija attiva, kif ukoll ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata. Il-President Barroso ħeġġeġ lill-mexxejja reliġjużi biex jinvolvu ruħhom fid-djalogu pubbliku u juru l-kontribuzzjonijiet speċifiċi li l-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi jistgħu jagħmlu biex jispjegaw l-ħtieġa tas-solidarjetà.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Biex ngħelbu l-kriżi ekonomika, qed nirsistu li nassiguraw li jkun hemm bilanċ korrett bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà fost l-Istati Membri. Iżda jeħtieġ li niddedikaw tal-anqas l-istess ammont ta’ attenzjoni lis-solidarjetà u r-responsabbiltà fost iż-żgħażagħ u l-anzjani. Finalment, għad biss inkunu kapaċi nimirħu sew lill-hinn minn din il-kriżi u nistabbilixxu s-sisien ta' ġejjieni prosperu jekk inżommu solidarjetà bejn il-bnedmin u l-ġenerazzjonijiet fil-qalba tal-azzjonijiet tagħna. Dan huwa li jinkolla l-komunitajiet tagħna flimkien. Il-knejjes u l-komunitajiet reliġjużi jinsabu pożizzjonati tajjeb biex jibnu l-pontijiet fis-soċjetajiet tagħna."

Herman Van Rompuy, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal: "Fl-Ewropa ma nistgħux naffordjaw li ‘nitilfu ġenerazzjoni’, la soċjalment, la ekonomikament u lanqas, qabelxejn, mil-lat uman. Lanqas ma nistgħu naffordjaw li l-anzjani jingħataw il-ġemb għax huma ‘anqas produttivi’. Tabilħaqq li l-produttività tal-għerf u l-għarfien ma tistax titkejjel bħall-produttività tal-manifattura tal-oġġetti għall-konsum, iżda kif ifakkarna qawl Afrikan, hekk kif xiħ imut tgħosfor miegħu librerija. Il-knejjes, is-sinagogi, il-moskeji, it-tempji u l-NGOs, l-iskejjel u l-assoċjazzjonijiet fi ħdanhom, fil-livell lokali, qed iressqu l-bnedmin lejn xulxin. Għaldaqstant, dawn jista’ jkollhom ukoll rwol importanti fit-titjib tal-konoxxenza u t-tagħlim reċiproku bejn il-ġenerazzjonijiet.”

László Surján, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew, stqarr: “Is-solidarjetà interġenerazzjonali hija obbligu fi ħdan il-patrimonju Ġudeo-Kristjan u f’reliġjonijiet oħra wkoll. Illum il-ġurnata, dan mhux biss kwistjoni ta’ reliġjon: is-solidarjetà interġenerazzjonali sar għandha implikazzjonijiet finanzjarji qawwija wkoll – id-dejn tal-lum jista’ jitqies bħala taxxi potenzjali tal-ġejjieni. It-tnaqqis fid-dejn huwa għalhekk kwistjoni ta’ ġustizzja interġenerazzjonali. Id-dejn mhux biss piż fuq il-ġenerazzjonijiet il-ġodda; dan jiġi wkoll immultiplikat permezz tar-rata tal-imgħax. L-Ewropej jafu anki jgħiru għal dawk iż-żminijiet Medjevali meta l-imgħax ma kienx jeżisti, jew jistgħu jisimgħu x’għandhom x’jgħidu l-kulturi l-oħra fejn ma jitħallas l-ebda imgħax. Aktarx li mhux realistiku li wieħed jistħajjel sistema finanzjarja bla imgħax, imma l-aħbarijiet riċenti allarmanti mis-City of London jagħtu lok għax-xewqa ta’ xi ħaġa totalment ġdida.”

Matul il-laqgħa, il-parteċipanti qablu dwar il-bżonn li titqajjem kuxjenza dwar l-isfidi soċjali kbar, li jerfgħu responsabbiltajiet f’oqsma importanti bħat-tisħiħ tas-solidarjetà bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u li jikkontribwixxu b'mod effettiv lejn l-istrateġija tal-Kummissjoni għat-tkabbir globali għall-Ewropa, billi ssir ħidma favur edukazzjoni aħjar, anqas faqar, u soċjetà aktar ġusta.

Sfond

It-tema tal-laqgħa, "Is-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet: it-Twaqqif ta' Parametri għas-Soċjetà tal-Ġejjieni fl-Ewropa', iġġib fil-prattika wħud mill-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-mira li twassal għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, jiġifieri li jiffoka fuq miri ambizzjużi fl-oqsma tal-impjiegi, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tnaqqis tal-faqar u l-klima/l-enerġija. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea nnominat l-2012 bħala s-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet. Id-diskriminazzjoni tal-età mhix biss kwistjoni ta’ drittijiet fundamentali, iżda hija wkoll materja ekonomika, ladarba dan il-fattur jimpedixxi lil nies kapaċi u tas-sengħa milli jsibu x-xogħol. Is-Sena Ewropea toffri qafas li jħeġġeġ inizjattivi ġodda minn firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, inklużi organizzazzjonijiet reliġjużi.

Il-laqgħa ta’ livell għoli tal-lum mal-mexxejja reliġjużi kienet it-tmien wieħed fis-serje mnedija mill-President tal-Kummissjoni Barroso fl-2005. It-Trattat ta' Lisbona (2009) stabbilixxa djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-knejjes, il-komunitajiet reliġjużi kif ukoll mal-organizzazzjonijiet filosofiċi u nonkonfessjonali fil-liġi primarja (Art 17 TFUE). Apparti seminars regolari ma’ interlokuturi differenti, issir laqgħa annwali ta' livell għoli mal-mexxejja reliġjużi u oħra ma rappreżentanti filosofiċi u nonkonfessjonali.

Il-laqgħa saret fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea fi Brussell. Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič u l-Kummissarju Connie Hedegaard ipparteċipaw ukoll.

Għal lista tal-parteċipanti: ara MEMO/12/546

L-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv

2012 Is-sena Ewropea għal tixjiħ attiv u solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet

Aktar tagħrif dwar id-djalogu tal-Kummissjoni Ewropea mal-knejjes, il-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u nonkonfessjonali

Il-websajt ta' José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea

Kuntatti :

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Jens Mester (+32 2 296 39 73)

Dirk Volckaerts (+32 2 299 39 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website