Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Lulju 2012

Id-drittijiet tal-awtur: il-Kummissjoni tipproponi ħruġ aktar faċli ta’ liċenzji tal-mużika fis-Suq Uniku

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet miżuri għall-immodernizzar tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u stabbilixxiet inċentivi għall-promozzjoni tat-trasparenza u tal-effiċjenza tagħhom.

It-teknoloġiji l-ġodda qed jiftħu opportunitajiet kbar għall-awturi, għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji. Id-domanda akbar għall-aċċess onlajn tal-kontenut kulturali (pereżempju mużika, films, kotba…) ma tafx fruntieri jew restrizzjonijiet nazzjonali. L-istess ħaġa tgħodd ukoll għas-servizzi onlajn li jintużaw biex jiġi aċċessat dan il-kontenut. Hawn jidħlu s-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fis-settur tal-mużika, fejn dawn jamministraw kollettivament il-ħruġ ta’ liċenzji għall-użu onlajn tal-biċċiet mużikali f’isem il-kompożituri u l-liriċisti u jiġbru u jqassmulhom ir-royalites korrispondenti.

Madankollu, ċerti soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur isibu diffikultajiet biex jadattaw għar-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għall-użu onlajn tax-xogħlijiet mużkali, b’mod partikolari f’kuntest transfruntier. Bis-saħħa tal-proposta tal-lum, dawk is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li jixtiequ jidħlu għall-impenn tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali għar-repertorju tagħhom ikollhom għalhekk jikkonformaw mal-istandards Ewropej. Dan jagħmilha aktar faċli għall-fornituri tas-servizzi li jiksbu l-liċenzji meħtieġa sabiex il-mużika tkun distribwita onlajn fl-UE kollha u biex jiżguraw li d-dħul jinġabar b’mod korrett u jitqassam b’mod ġust mal-kompożituri u l-liriċisti.

B’mod aktar ġenerali, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur li joperaw fis-setturi kollha jkollhom jikkonformaw ma' standards Ewropej ġodda li jistipulaw governanza mtejba u trasparenza msaħħa fit-twettiq tal-attivitajiet tagħhom. Il-ħtieġa ta’ bidla f’ċerti prattiki ġiet enfasizzata wara li seħħew każijiet reċenti fejn royalties miġbura f’isem id-detenturi tad-drittijiet intilfu minħabba politiki dgħajfa ta’ investiment, iżda wkoll għaliex kien hemm evidenza ta’ dewmien sostanzjali fil-pagamenti tar-royalties lid-detenturi tad-drittijiet.

Michel Barnier, il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi qal: "Għandna bżonn Suq Diġitali Uniku Ewropew li jaħdem għall-awturi, għall-konsumaturi u għall-fornituri tas-servizzi. Soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva li huma aktar effiċjenti se jagħmluha eħfef għall-fornituri tas-servizzi biex jintroduċu servizzi ġodda li jkunu disponibbli fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri – xi ħaġa li taqdi tajjeb kemm il-konsumaturi Ewropej kif ukoll id-diversità kulturali." Huwa żied jgħid "B’mod aktar ġenerali, is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva għandhom jiżguraw li l-awturi jiġu ppremjati aktar malajr għal xogħolhom u għandhom joperaw bi trasparenza sħiħa. Dan huwa importanti ħafna għas-sostenn tal-investiment fil-kreattività u fl-innovazzjoni li mbagħad se jwassal għal tkabbir addizzjonali u żieda fil-kompetittività."

Elementi ewlenin tad-Direttiva proposta

Il-proposta tal-lum għandha żewġ għanijiet komplementari:

  • Il-promozzjoni ta’ trasparenza msaħħa u ta’ governanza mtejba tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva permezz ta’ obbligi ta’ rappurtar rinfurzati u billi d-detenturi tad-drittijiet jeżerċitaw kontroll fuq l-attivitajiet tagħhom, u b’hekk jinħolqu inċentivi għal servizzi aktar innovattivi u ta’ kwalità aħjar.

  • L-iżvilupp ulterjuri ta’ dan - u aktar speċifikament – l-inkoraġġiment u l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali u multirepertorju fil-qasam tax-xogħlijiet mużikali għall-finijiet tal-użu tagħhom onlajn fl-UE/fiż-ŻEE.

Fil-prattika:

  • Id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur se jkollhom influwenza diretta fl-immaniġġjar tad-drittijiet tagħhom, se jitħallsu aktar malajr u se tkun inkorporata fil-liġi l-kapaċità tagħhom li jagħżlu s-soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva li tkun l-iktar effiċjenti għall-finijiet tagħhom. Dan se jwassal għal protezzjoni aħjar tal-interessi tal-awturi, kif ukoll għal aċċess akbar tal-konsumaturi għall-kontenut kulturali.

  • Ir-regoli l-ġodda se jbiddlu l-mod kif is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jaħdmu fl-Ewropa, bis-saħħa ta’ rekwiżiti ġodda bħat-titjib fl-immaniġġjar ta’ repertorju, ħlasijiet aktar malajr lill-membri, trasparenza fir-rigward tal-flussi ta' dħul mill-isfruttar tad-drittijiet, rapport annwali dwar it-trasparenza u informazzjoni addizzjonali provduta direttament lid-detenturi tad-drittijiet u l-imsieħba kummerċjali (bħal soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva oħrajn). L-Istati Membri se jeħtiġilhom ikollhom mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim bejn is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva u d-detenturi tad-drittijiet tal-awtur. L-istandards u l-proċessi mtejba għandhom jirriżultaw fil-funzjonament imtejjeb tas-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awtur u aktar fiduċja fl-attivitajiet tagħhom.

  • Il-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet tal-awturi fil-livell multiterritorjali għall-użu transfruntier tal-mużika fuq l-Internet jiġi ffaċilitat iżda jkun ukoll soġġett għall-kondizzjoni tal-kapaċità teknika meħtieġa għat-twettiq ta’ dan il-kompitu. Dan ikun ta’ benefiċċju għall-awturi, għall-fornituri tas-servizzi tal-internet kif ukoll għaċ-cittadini.

Kuntest

Is-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva jaġixxu bħala intermedjarji bejn id-detenturi tad-drittijiet tal-awtur fl-industrija tal-mużika iżda wkoll f’forom oħra simili tal-arti bħall-kotba jew il-films, u l-fornituri tas-servizzi li biħsiebhom jużaw xogħlijiethom. Is-soċjetajiet joħorġu l-liċenzji għad-drittijiet, jiġbru r-royalties, u jqassmu d-dħul lid-detenturi tad-drittijiet f'ċirkostanzi fejn ma jkunx prattiku li l-liċenzji jiġu nnegozjati individwalment mal-awturi individwali u jkunu jinvolvu spejjeż ta’ transazzjoni għoljin. Hemm aktar minn 250 soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva fl-UE li jimmaniġġjaw dħul ta’ madwar 6 biljun Euro fis-sena. L-użu tad-drittijiet tal-awtur fis-settur tal-mużika jammonta għal madwar 80% tad-dħul totali miġbur mis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva.

L-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur huwa importanti wkoll għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-fornituri tas-servizzi ta’ mużika onlajn (servizzi ta’ download tal-mużika, servizzi ta’ streaming). Dan jgħodd partikolarment fil-każ tad-drittijiet ta' dawk li jikkomponu l-mużika jew jiktbu l-lirika. Il-fornituri tas-servizzi onlajn ta spiss ikunu jridu jkopru bosta territorji u katalogu kbir ta' mużika. Ta’ sikwit ukoll ikunu jixtiequ jittestjaw mudelli tan-negozju ġodda. Dan kollu jagħmel il-ħruġ ta’ liċenzji għall-onlajn xogħol impenjattiv ħafna. Bosta soċjetajiet għall-amministrazzjoni tad-drittijiet tal-awtur mhumiex ippreparati għal dawn l-isfidi u bħala riżultat, il-fornituri tas-servizzi jiffaċċjaw diffikultajiet serji meta jippruvaw jiksbu l-liċenzji meħtieġa biex iniedu servizzi tal-mużika onlajn fl-UE. Dan jirriżulta f'anqas disponibbiltà ta servizzi tal-mużika onlajn għall-konsumaturi fl-UE u finkorporazzjoni aktar bil-mod ta' servizzi innovattivi.

Id-Direttiva proposta tikkontribwixxi għat-tlestija ta’ Suq Uniku għal proprjetà intellettwali u hija parti minn strateġija tal-Kummissjoni tal-2011 dwar il-proprjetà intellettwali:

http://ec.europa.eu/internal_market/top_layer/intellectual-property/index_en.htm

Il-Kummissjoni fl-2011 kienet ukoll identifikat din l-azzjoni bħala kontribut importanti għat-tkabbir fis-Suq Uniku Ewropew:

http://ec.europa.eu/internal_market/smact/index_mt.htm

Ara wkoll: MEMO/12/545

Aktar taghrif

http://ec.europa.eu/internal_market/copyright/management/index_en.htm

Kuntatti :

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site