Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Lulju 2012

Tnaqqis ulterjuri tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi u l-vannijiet: il-klima, il-konsumaturi, l-innovazzjoni u l-impjiegi lkoll ser igawdu

Il-Kummissjoni Ewropea llum ressqet proposti biex sal-2020, timplimenta l-miri li ser ikomplu jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-karozzi l-ġodda u mill-vetturi kummerċjali żgħar (il-vannijiet). Fl-2020, il-proposti ser inaqqsu l-medja tal-emissjonijiet mill-karozzi l-ġodda għal 95 gramma ta’ CO2 għal kull km (g CO2/km) minn 135.7g fl-2011 b’mira obbligatorja ta’ 130g fl-2015. L-emissjonijiet mill-vannijiet ser jitnaqqsu għal 147g CO2/km fl-2020 minn 181.4g fl-2010 (l-aħħar sena li għaliha jeżistu ċifri disponibbli) b’mira obbligatorja ta' 175g fl-2017.

Il-miri obbligatorji għall-2020 huma diġà previsti fil-leġiżlazzjoni eżistenti iżda jirrikjedu l-implimentazzjoni. Wara analiżi ekonomika u teknika li l-Kummissjoni wettqet bir-reqqa, ir-Regolamenti proposti llum jistabbilixxu l-modalitajiet li bihom għandhom jintlaħqu l-miri.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika, qalet: ''Bil-proposti tagħna mhux biss qed nipproteġu l-klima u l-konsumaturi qed jiffrankaw il-flus. Qed nagħtu wkoll spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività fl-industrija Ewropea tal-vetturi. U r-riżultat ta’ dan ser ikun il-ħolqien ta’ għadd sostanzjali ta’ impjiegi. Din hija b’mod ċar sitwazzjoni fejn kulħadd igawdi. Dan huwa pass ieħor importanti ‘il quddiem lejn ekonomija kompetittiva u b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju. Jeħtieġ li jiġi ppreparat aktar tnaqqis tas-CO2 għal wara l-2020 u dan it-tnaqqis ser jiġi kkunsidrat f'konsultazzjoni mal-partijiet interessati."

Jeżisti vidjow fil-verżjoni onlajn ta’ din l-istqarrija għall-istampa

Tfaddil nett għall-konsumaturi

L-analiżi tal-Kummissjoni turi li l-miri tal-2020 jistgħu jintlaħqu, huma ekonomikament b’saħħithom u kosteffikaċi: it-teknolġija hija disponibbli, l-ispejjeż tagħha huma sostanzjalment anqas minn kif kien maħsub qabel u l-implimentazzjoni tagħha għandha tagħti spinta lill-impjiegi u lill-PDG u għandha tkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u l-industrija.

Kull sid ta’ karozza ġdida bħala medja ser jiffranka madwar EUR 340 fi spejjeż tal-fjuwil fl-ewwel sena, u total stmat ta' bejn EUR 2904 u EUR 3836 matul il-ħajja tal-karozza (13-il sena), meta mqabbel mal-mira tal-2015. Għall-vannijiet, l-iffrankar medju fl-ispejjeż tal-fjuwil huwa stmat għal madwar EUR 400 fl-ewwel sena u bejn EUR 3363 u EUR 4564 matul it-13-il sena ta’ ħajjithom.

B’mod ġenerali, il-konsumaturi ser jiffrankaw madwar EUR 30 biljun fis-sena fi spejjeż għall-fjuwil u huwa stmat li l-miri jistgħu jżidu l-PDG tal-UE b’EUR 12-il biljun fis-sena u l-infiq fuq l-impjiegi b’madwar EUR 9 biljun fis-sena. Il-proposti ser jiffrankaw ammont totali ta’ 160 miljun tunnellata ta’ żejt – li jiswa madwar EUR 70 biljun bil-prezzijiet tal-lum - u madwar 420 miljun tunnellata ta’ CO2 matul il-perjodu ta' żmien sal-2030.

Spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività

L-industrija Ewropea tal-vetturi hija meqjusa bħala xprunatur tat-teknoloġija globali, l-aktar minħabba l-investimenti sostanzjali tagħha fl-innovazzjoni flimkien mas-suq domestiku esiġenti tad-djar. Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni tal-proposti tindika li s-settur jiflaħ ħafna għall-innovazzjoni u jgawdi vantaġġi komparattivi sostanzjali fuq il-kompetituri.

Il-miri tal-2020 joffru ambjent legali ċar u stabbli għall-investiment u ser ikompli jagħtu spinta lill-innovazzjoni mill-produtturi tal-vetturi u mill-fornituri tal-komponenti, filwaqt li jsaħħu dejjem aktar il-vantaġġi kompetittivi tal-industrija tal-UE. L-introduzzjoni ta’ standards simili għas-CO2 jew għall-effiċjenza tal-fjuwil f’pajjiżi terzi għandha żżid d-domanda għal teknoloġija li tnaqqas is-CO2 u għal karozzi aktar effiċjenti magħmula fl-Ewropa..

Żamma u ħolqien tal-impjiegi

Il-ħtieġa għal teknoloġiji ġodda u titjib fl-effiċjenza tal-fjuwil ser ikollha impatti pożittivi fuq id-domanda għall-komponenti. L-effiċjenza tal-fjuwil hija mistennija tkun ta’ benefiċċju għall-impjiegi minħabba li l-effiċjenza tal-fjuwil tgħolli l-valur tal-karozzi mmanifatturati u twassal għal domanda proporzjonalment ogħla għax-xogħol peress li l-manifattura tal-vetturi tirrikjedi ħafna ħaddiema.

Xi jmiss?

Il-proposti ser jintbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għad-diskussjoni u l-adozzjoni skont il-proċedura leġiżlattiva normali. Il-proposti jemendaw żewġ Regolamenti eżistentii li jistabbilixxu rekwiżiti vinkolanti għall-manifatturi biex jilħqu l-mira obbligatorja tal-2015 għall-karozzi u l-mira tal-2017 għal vannijiet. Miżuri ta’ implimentazzjoni għar-Regolamenti huma diġà fis-seħħ u l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi ġodda huma mmonitorjati kull sena.

Sfond

Il-proposti jirrappreżentaw kontribut ulterjuri biex sal-2020 jintlaħaq l-għan tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra b'20%, meta mqabbel mal-livelli tal-1990 u tad-dekarbonizzazzjoni fis-settur tat-trasport, b’konformità mal-politika tal-UE dwar it-tibdil fil-klima u l-White Paper dwar it-trasport. Il-karozzi u l-vannijiet flimkien huma responsabbli għal madwar 15 % tal-emissjonijiet tas-CO2 tal-UE, inklużi l-emissjonijiet mill-provvista tal-fjuwil.

Għal aktar informazzjoni:

Il-paġna tad-DĠ għall-Azzjoni Klimatika dwar is-CO2 mill-karozzi:

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/cars/index_en.htm

Il-paġna tad-DĠ għall-Azzjoni Klimatika dwar is-CO2 minn vetturi kummerċjali żgħar:

http://ec.europa.eu/clima/policies/transport/vehicles/vans/index_en.htm

Rapport tal-monitoraġġ tal-EEA dwar l-emissjonijiet tas-CO2 mill-karozzi għall-2011:

http://www.eea.europa.eu/publications/monitoring-co2-emissions-from-new

Ara wkoll:

MEMO/12/548

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

i :

Ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 (karozzi) u r-Regolament (UE) Nru 510/2011 (vannijiet)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site