Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-11 ta' Lulju 2012

Il-ħarsien ta' flus iċ-ċittadini: Il-Kummissjoni tipproponi li jissaħħaħ l-użu tal-liġi kriminali kontra l-frodi

L-użu abbużiv tal-fondi tal-UE għal għanijiet kriminali jipperikola l-miri tal-UE li tiġġenera l-impjiegi u t-tkabbir u li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien. Bil-pressjoni li hemm fuq il-finanzi pubbliċi madwar l-UE, kull ewro jgħodd. Għalhekk il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet regoli ġodda biex permezz tal-liġi kriminali ssir ġlieda kontra l-frodi fuq il-baġit tal-UE għas-salvagwardja ta' flus iċ-ċittadini. Id-Direttiva toħloq qafas aktar armonizzat għall-prosekuzzjoni u l-ikkastigar ta' reati li jinvolvu l-baġit tal-UE, biex il-kriminali ma jibqgħux jisfruttaw id-differenzi li jkun hemm fost is-sistemi legali nazzjonali. Id-Direttiva tistipula definizzjonijiet komuni ta' reati kontra l-baġit tal-UE u tipprevedi sanzjonijiet minimi, inkluża l-priġunerija f'każi serji, u għal kundizzjonijiet ekwi għall-perjodi li fihom ikun possibbli li jiġu investigati u jittieħdu passi legali kontra r-reati (jiġifieri statuti ta' limitazzjoni). Din se tgħin biex ikunu skoraġġiti l-frodisti, tistipula azzjonijiet legali aktar effikaċi fil-livell nazzjonali u tiffaċilita l-irkupru ta' finanzi mitlufa.

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju għall-Ġustizzja fl-UE, qalet: "Flus l-UE m'għandhomx jidħlu fil-bwiet tal-kriminali. Huwa kruċjali li jiġu stabbiliti regoli għal-liġi kriminali tal-ogħla standard biex nipproteġu flus iċ-ċittadini tagħna. L-għan tagħna huwa ċar: li niżguraw li l-frodi fuq il-baġit tal-UE jiġi kkastigat, u b'dan il-mod nissalvagwardjaw flus iċ-ċittadini. Il-proposta tal-lum se tgħin biex tingħeleb it-taħwida ta' dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali tal-UE, li fiha ċerti Stati Membri jikkastigaw reat partikolari bil-priġunerija filwaqt li oħrajn ma jieħdu ebda azzjoni."

Algirdas Šemeta, il-Kummissarju tal-UE responsabbli għall-ġlieda kontra l-frodi qal: "L-approċċ attwali għall-ħarsien tal-fondi tal-UE madwar l-Ewropa huwa taħlita, jew agħar minn hekk. Il-frodisti m'għandhomx jeħilsu mill-prosekuzzjoni u s-sanzjonijiet sempliċiment minħabba fejn jinsabu. Flus iċ-ċittadini Ewropej iridu jiġu mħarsa b'mod sod f'kull Stat Membru. Il-proposta tal-lum hija pass importanti f'din id-direzzjoni."

Fil-preżent hemm diversità kbira ta' approċċi għall-ħarsien tal-fondi tal-UE madwar l-Istati Membri. L-interpretazzjoni ta' dak li jikkostitwixxi frodi kontra l-baġit tal-UE tvarja minn pajjiż għal ieħor, u jvarjaw ukoll il-penali. Eżempju wieħed: il-livell tas-sanzjonijiet għall-frodi jvarja madwar l-Unjoni Ewropea, minn ebda sentenza mandatorja għall-frodi, sa bejn sena u 12-il sena ħabs. Bl-istess mod, il-perjodi ta' żmien li fihom huwa possibbli li wieħed jinvestiga u jieħu passi legali kontra r-reati jvarja ħafna, minn bejn sena u 12-il sena.

Biex din il-problema tiġi indirizzata, il-proposta tal-lum tiddefinixxi r-reati bħall-frodi u reati oħra marbutin mal-frodi bħalma huma l-korruzzjoni, is-serq ta' fondi, il-ħasil tal-flus jew it-tfixkil ta' proċeduri tal-akkwist pubbliku għad-danni tal-baġit tal-UE. Dawn id-definizzjonijiet komuni se jgħinu biex jiżguraw l-applikazzjoni ekwa mill-awtoritajiet ġudizzjarji madwar l-UE, mentri kif qegħdin l-affarijiet illum, ir-rata tal-kundanni għal każi maqbuda ta' frodi fl-Istati Membri fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE tvarja bejn l-14% u t-80% (b'medja mal-UE kollha ta' 41%) skont liema Stat Membru jkun.

Il-proposta tal-lum tal-Kummissjoni tipprevedi li l-Istati Membri jimponu sanzjoni minima ta' sitt xhur ħabs għall-każi serji. Biex tgħin biex jiġu rkuprati l-fondi, tipprevedi l-konfiska tal-gwadann li jsir minn dawn ir-reati.

Kuntest

It-telf mill-baġit tal-UE minħabba l-attivitajiet illegali jagħti lok għat-tħassib. Aktar minn 90% tal-baġit tal-UE jiġu amministrati fuq livell nazzjonali. Fl-2010 kien hemm total ta' 600 każ suspett ta' frodi li kienu jinvolvu l-infiq u d-dħul tal-UE. L-Istati Membri rrappurtaw livell ta' każi ssuspettati ta' frodi li laħaq EUR 600 miljun.

Dawn kienu każi ta' applikanti għall-fondi tal-UE li taw informazzjoni falza biex jieħdu l-finanzjament , pereżempju fil-qasam tal-agrikoltura, jew tal-iżvilupp reġjonali, jew każi ta' uffiċjali nazzjonali li jieħdu l-flus biex jagħtu kuntratt pubbliku lit-tali, kontra r-regoli tal-akkwist.

F'Mejju tas-sena li għaddiet, il-Kummissjoni adottat il-Communication on the protection of the financial interests of the European Union by criminal law and by administrative investigations li kien fiha l-proposti għat-titjib tal-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-UE (ara IP/11/644).

Għal aktar tagħrif:

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja: http://ec.europa.eu/reding

Il-paġna ewlenija tal-Kummissarju Algirdas Šemeta: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/semeta/index_en.htm

Memo/12/544

Għat-testi leġiżlattivi ara:
http://ec.europa.eu/anti_fraud/policy/preventing-fraud/index_en.htm

Il-Kummissjoni Ewropea – Criminal law policy: http://ec.europa.eu/justice/criminal/criminal-law-policy

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website