Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Lulju 2012

Riċerkaturi appoġġati mill-UE fil-grupp involut fl-iskoperta tal-boson ta' Higgs, il-"partiċella Alla"

Il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat illum li sitt xjentisti appoġġati mill-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ u l-mobbiltà fir-riċerka kienu involuti direttament fl-iskoperta tal-Boson ta' Higgs jew l-hekk imsejħa "Partiċella Alla". Din il-partiċella subatomika, li l-esperti jemmnu li hija l-bażi tal-materja kollha fl-Univers, ġiet identifikata f'CERN, il-faċilità Ewropea għar-riċerka nukleari f'Ġinevra, l-Isvizzera. L-iskoperta ġiet imħabbra bħala waħda mill-aktar kisbiet importanti fl-istorja tax-xjenza. Is-sitt xjentisti huma parti minn inizjattiva appoġġata mill-UE, li rċevew finanzjament ta' kważi EUR 3.5 miljun.

"Aħna kburin ħafna li l-grupp responsabbli għall-iskoperta kien jinkludi sitt riċerkaturi minn tagħna. Hi l-ħolma ta' kull xjentist li jkun parti minn kisba bħal din; nittama li dan iħeġġiġhom imorru lil hinn fl-isforzi tagħhom biex iwessgħu l-fruntieri tax-xjenza - u li l-ħidma tagħhom tkun ta' ispirazzjoni għat-tfal li jkunu l-ġenerazzjoni tax-xjentisti li jmiss," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA).

Is-sitt xjentisti kienu qed jaħdmu fuq il-proġett "ACEOLE" li taw kontributi importanti għal din il-kisba. L-ACEOLE jgħin fl-iżvilupp tas-sistemi għall-qari tad-dejta li ntużaw fil-mina għall-aċċellerazzjoni tal-partiċelli, il-Large Hadron Collider f'CERN fejn ġiet identifikata l-partiċella.

Ir-riċerkaturi użaw il-Large Hadron Collider, li huwa twil 27 kilometru, biex iħabbtu l-komponenti, li jissejħu protons, ma' xulxin b'veloċità qrib ta' dik tad-dawl. Imbagħad ifittxu f'biċċiet żgħar ħafna tat-trab biex isibu traċċi ta' partiċelli li jeżistu biss għal frazzjoni ta' sekonda qabel ma jiddiżintegraw. Dawn il-partiċelli elużivi kienu s-suġġett ta' riċerka ta' 45 sena li nbdiet mill-Professur Peter Higgs, fiżiċista magħruf mir-Renju Unit, biex tispjega kif il-"materja" - mill-istilel u l-pjaneti sa kull bniedem u kreatura fid-dinja - tinżamm magħquda flimkien jew tikseb il-"massa".

Is-sitt xjentisti ffinanzjati mill-UE involuti fl-iskoperta kienu appoġġati minn skema ta' għotja speċifika tal-UE fi ħdan l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie: l-"'Initial Training Networks" (in-Netwerks Inizjali ta' Taħriġ), li tappoġġa l-organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi u privati ewlenin biex jipprovdu taħriġ ta' kwalità għolja fir-riċerka u l-ħiliet lir-riċerkaturi fl-istadji bikrija tal-karriera tagħhom.

Riċerkaturi minn "TALENT", proġett ieħor li tiffinanzja l-UE, taw appoġġ operattiv għall-esperiment. Il-grupp qed jiżviluppa strumenti tal-kejl biex tinftiehem aħjar in-natura preċiża tal-partiċella l-ġdida. F'din l-iskoperta kienu involuti indirettament ukoll riċerkaturi oħrajn iffinanzjati mill-UE, bl-appoġġ tal-hekk magħrufa skemi "COFUND" tal-MSCA li jappoġġaw programmi ta' boroż ta' studju reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.

L-UE qed talloka aktar minn EUR 4.5 biljun għall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie bejn l-2007 u l-2013.

Kuntest

L-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA, li kienu magħrufa bħala l-Azzjonijiet Marie Curie) appoġġaw 60,000 riċerkatur ta' kważi 130 nazzjonalità differenti mill-ħolqien tal-programm fl-1996. Aktar min-nofs ir-riċerka appoġġata mill-programm hija ddedikata lill-isfidi tas-soċjetà bħal pereżempju l-ġlieda kontra l-kanċer, il-bidla fil-klima u l-iskarsezza tal-enerġija. Perċentwali ta' 38 % tar-riċerkaturi ffinanzjati huma nisa, u l-SMEs jirrappreżentaw aktar minn nofs in-negozji kollha li qed jieħdu sehem fil-proġetti.

L-iskema tinvesti fit-taħriġ u fl-iżvilupp tal-karriera tar-riċerkaturi f'kull stadju, mil-livell post universitarju, u toffri taħriġ ta' kwalità għolja fil-livell ta' dottorat biex tippromwovi karrieri fir-riċerka kompetittivi b'mod internazzjonali fl-Ewropa. L-MSCA jħeġġu l-mobbiltà tar-riċerkaturi fost is-setturi, id-dixxiplini u l-pajjiżi u b'hekk jikkontribwixxu wkoll għall-għanijiet tal-Inizjattiva tal-UE "Żgħażagħ Attivi" u l-Istrateġija Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għall-"Horizon 2020", il-programm il-ġdid tar-riċerka tal-UE għall-2014-2020, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie se jirċievu finanzjament ta' EUR 5.75 biljun għat-taħriġ ta' 50,000 riċerkatur ġdid.

L-iskema hija ġestita mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA) li hija korp ta' finanzjament tal-UE li ilu jagħmel parti mill-Kummissjoni Ewropea mill-2009.

Aktar tagħrif

Il-websajt tal-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie

Il-websajt ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website